Fuqha sserraħ il-fidi tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 17 ta’ April 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa ta’ Ħadd il-Għid. Knisja Parrokkjali Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Il-ġrajja ta’ Kristu li qam mill-mewt hi l-ġrajja li fuqha sserraħ il-fidi tagħna. Hi l-ikbar ġrajja għall-umanità kollha. Li kieku Kristu ma qamx mill-mewt, kieku ma hemmx skop li niltaqgħu flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, u kull ħidma tal-Knisja tkun tassew fiergħa.

Għaliex hi ġrajja daqshekk importanti? Għax meta lil Kristu sallbuh u miet, u dawk li kien hemm madwaru, dawk qrib tiegħu u dawk li riedu jeqirduh rawh jispiċċa fix-xejn, għal kulħadd kien spiċċa kollox. Kien baqa’ biss il-memorja ta’ dak li Ġesù għamel, ta’ dak li Ġesù għallem, għal xi wħud memorji sbieħ, imma għalihom kien spiċċa kollox. Meta lil Ġesù difnuh fil-qabar, b’dik il-ġebla kbir il tgħatti l-qabar, kien qisu hemmhekk indifen miegħu dak kollu li hu għamel u li hu għallem. Dak il-mument kien mument meta jħarsu lura, iġeddu ftit il-memorji ta’ dak li għamel Ġesù, imma jgħidu: issa spiċċa kollox.

Imma ma kienx hekk. U din hi l-aħbar speċjali li niċċelebraw illum f’din l-ikbar festa għalina li nemmnu: Kristu qam mill-mewt, Kristu għeleb il-mewt, Kristu qam għal ħajja ġdida.

Ġrajja li ġabet bidla

Dawk li kienu madwaru, l-appostli, li kienu qatgħu qalbhom, jew iddiżappuntati, inbidlet il-ħajja tagħhom. Hawn naraw il-qawwa tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. Bidel lil dawn in-nies bil-qawmien u bl-ispirtu tiegħu, minn nies li jibżgħu, li jidħlu f’qoxorthom, li jingħalqu fihom infushom, għal nies li joħorġu, bħalma smajna lil Pietru u aktar tard lil Pawlu – li joħorġu jħabbru li Kristu rebaħ il-mewt, Kristu hu ħaj u ma jistax jintemm.

Din l-aħbar hi l-aħbar li fuqha hi mibnija l-ħajja tal-Knisja. Tagħmel id-differenza kollha. Altru li aħna nħarsu lejn dak li għamel u għallem Ġesù, u ngħidu: kemm kien jitkellem tajjeb, kemm għamel affarijiet sbieħ! U altru issa li hu ħaj, dak li għamel u għallem jikseb tifsira ġdida. Illum jagħmel differenza kbira fil-ħajja tagħna.

Għalhekk, aħna u niċċelebraw il-festa kbira ta’ Kristu li qam mill-mewt, naraw ukoll x’tgħidilna għall-ħajja tagħna llum.

Ġrajja li fetħet bieb

L-ewwel nett dil-ġrajja turina li Kristu fetaħ bieb għall-ħajja ta’ dejjem. Tfakkarna li ż-żmien li ngħaddu hawn fid-dinja mhuwiex kollox, imma aħna mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem. Bis-saħħa tiegħu, bis-saħħa tar-rebħa tiegħu fuq il-mewt, li hu garanzija għal dawk li jimxu warajh, aħna nafu li l-ħajja tagħna mhijiex is-snin li ngħixu hawn u daqshekk.

Tindunaw x’differenza tagħmel. Kieku l-ħajja tagħna hi biss is-snin ta’ hawn, u daqqa ħaġa u għaddiet u daqqa ħaġa oħra u tgħaddi, kieku l-ħajja ma tagħmilx sens. Kieku biss għal ftit snin li ngħixu hawn, min jgħaddihom aħjar minn ħaddieħor u min jgħix aktar minn ħaddieħor, u daqshekk. Meta jfakkarna Ġesu li qam għal ħajja ġdida, li aħna msejħin għal ħajja ġdida, il-ħajja tagħna għandha tifsira ġdida, jekk aħna ngħixuha tassew magħqudin ma’ Kristu li hu ħaj li jmexxina ’l quddiem lejn din il-ħajja ġdida.

Meta niftakru f’dan, dak kollu li nagħmlu llum, ikun ifisser ħafna, jekk aħna ngħaqqduh ma’ Kristu li jagħtina din il-ħajja ġdida. Għalhekk l-ewwel ħaġa importanti li niftakru hi din: li aħna mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem, li Kristu rebaħ għalina lkoll bil-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Ġrajja li turina dak li hu veru u rebbieħ

Il-qawmien ta’ Ġesù fakkarna wkoll li la hu qam għall ħajja ġdida, dak kollu li għallimna hu veru u hu rebbieħ. Meta Ġesù tant għallem affarijiet sbieħ – fuq l-imħabba, il-ħniena, li tgħin lill-oħrajn, li timxi b’mod onest, li tfittex il-paċi – la Ġesù qam mill-mewt, din hi t-triq il-vera. Meta Ġesù sofra l-passjoni tiegħu, deher qisu r-rebħa hi tal-mibegħda, tal-vjolenza, ta’ min ried jeqirdu. Imma meta hu qam mill-mewt ifisser li dak li jgħidilna hu fil-kelma tiegħu hu veru. Dik hi t-triq il-vera, dik hi t-triq rebbieħa għall-ħajja tagħna.

Nafu li meta nagħżlu li ngħixu kif irid hu, kif uriena hu, hemm qegħdin fit-triq rebbieħa. Anke jekk ngħaddu minn tbatija, u kultant naqilgħuha fuq wiċċna għax nagħżlu dak li hu sewwa, il-qawmien ta’ Kristu jurina li fl-aħħar mill-aħħar tirbaħ is-sewwa, tirbaħ il-verità. Ġesù ma rebaħx dan f’din il-ħajja, għax qatluh, imma qam għall-ħajja ġdida u lilna wriena li dik hi t-triq rebbieħa.  Dak kollu li għallimna hu t-triq rebbieħa għall-ħajja tagħna.

Ġrajja li ngħixuha kuljum

Hemm ħaġa oħra importanti: aħna msejħin biex ngħixu llum dak li jfisser il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. Kull darba li aħna nqumu mid-dnub għall-grazzja, mill-mibegħda għall-imħabba, kull darba li nqumu għal ħajja ġdida, qed ngħix tassew dak li tfisser li Ġesù qam mill-mewt. Kull darba li ngħinu lill-oħrajn jiksbu din il-ħajja ġdida, qed ngħinu lill-oħrajn jieħdu sehem mill-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Din tagħmel il-ħajja tagħna verament sabiħa, meta aħna ngħixuha fl-ispirtu ta’ Ġesù, anke mal-oħrajn li niltaqgħu magħhom. Jekk aħna ngħinu lill-oħrajn iqumu mill-ħażen għall-ħajja ġdida, iqumu mill-miżerja, mid-diffikultajiet, jekk ngħinuhom bl-appoġġ tagħna, qed ngħixu tassew dak li jfisser il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna nkunu dejjem grati lejh, u li nimtlew bl-ispirtu tiegħu li jagħtina permezz tal-qawmien tiegħu mill-mewt. Nitolbuh li dejjem niftakru fil-ħajja ġdida li tana, il-ħajja ta’ dejjem li lejha aħna mexjin. Niftakru li msejħin biex ngħixu hawn il-qawmien għall-ħajja, u biex ngħinu lill-oħrajn iqumu għal ħajja ġdida ħalli b’hekk jieħdu sehem f’din il-ġrajja kbira tal-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: