Beatlemania

Print Friendly, PDF & Email

Beatlemania kienet il-ferħ ta’ ġenn li kien qabad eluf ta’ żgħażagħ li ssaħħru wara l-grupp popolari The Beatles. Dan il-fenomenu deher l-aktar bejn is-snin 1963 u 1966. 

Kull fejn kienu se jidhru John Lennon u sħabu, jew minn fejn kienu se jgħaddu minn triqithom minn jew lejn l-ajruport, mijiet ta’ żgħażagħ, l-aktar tfajliet, kienu jinġabru fuq il-bankini u l-pjazez biex imqar jaraw għall-sekonda waħda biss l-uċuh favoriti tagħhom.  Il-ferħ tant kien ikun intens, li ħafna kienu jwerżqu u jixhru.  Xi ftit saħansitra kien ixoqq l-għaraq għalihom u jħosshom ħażin. Jekk imbagħad, xi tfajla xxurtjatha tasal qrib ta’ xi wieħed minnhom u tiġbidlu xagħra minn rasu jew tqattagħlu buttuna mill-qmis, allura din kienet iżomm dan l-oġġett bħala l-ikbar teżor li wieħed jista’ qatt ikollu.

Dawn il-ħsibijiet ġewni wara l-elevazzjoni waqt il-Quddiesa.  Hawn moħħi qed jgħidli li Ġesu inbidel f’ħobż u nbid biex isir ikel għalija. B’hekk ikun jista’ jiġi f’qalbi mhux biss biex ikun qrib (Tqarbin) tiegħi imma biex jitwaħħad miegħi u ma’ kull min ikun qiegħed jirċevih dak il-ħin.  Imma f’qalbi ma kont qed inħoss xejn – l-ebda sentiment ta’ ferħ li dan Ġesu, l-istess wieħed li kien jimxi fit-triqat tal-Galilija, issa qiegħed hawn, ftit metri bogħod minni.  Mhux qed nippretendi li ninħakem minn xi Jesusmania, nibda nwerżaq, ixoqq l-għaraq għalija, jew iħossni ħażin.  Veru li xi qaddisin kienu jitqanqlu b’diversi modi.  Per eżempju, Sant’Injazju ta’ Loyola kien jibki bil-ferħ il-ħin kollu waqt li jkun qed iqaddes.  Imma għaliex jien ma nħossx xejn?  Min jaf kieku f’daqqa waħda kellu jidħol fil-knisja l-Papa  għal għarrieda.  Min jaf kif kulħadd kien jaqbeż bil-ferħ u jaqbad iċapċap u jgħajjat “VIVA L-PAPA!” Allura, ġie Ġesu u aħna xejn?  Wara ftit ta’ riflessjoni, wasalt għall-konklużjoni li r-raġuni ta’ dan kollu hi dik il-marda li hi ta’ periklu għal kull relazzjoni, dik l-hekk imsejħa “for granted.”  B’din l-attitudni wieħed jgħid: “U iva, mhux Ġesu?  Mhux kuljum jiġi fuq l-artal?  B’daqshekk?  Big deal!”  Fil-kors ta’ Kana għall-għarajjes, niftakar li kienu qalulna li din il-marda hija l-bidu tat-tifrik tar-relazzjoni tajba li jkollna bħala koppja. 

Kif ikkumbattejt kontra din il-marda matul iż-żwieġ tiegħi, illum iddeċidejt li nibda nikkumbattiha fir-relazzjoni tiegħi li għandi mal-Mulej.  Mela, wara l-konsagrazzjoni, waqt li nkun qed ngħid jew inkanta “Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru BIL-FERĦ….” se nagħmel sforz biex ninsa kull inkwiet li nkun għaddej minnu, u nifraħ bil-kbir b’dan l-akbar teżor (x’buttuna, buttuna?) li jista’ qatt ikolli. Inkun qed nuri wkoll li jien membru tal-Poplu tal-Għid (We are The Easter People), filwaqt li nġedded il-fidi tiegħi li, moħbi taħt l-ispeċi fqajrin tal-ħobż u nbid, hemm verament Sidna Ġesu Kristu bil-ġisem, bid-demm, bir-ruħ u bid-Divinita’ tiegħu. Naħseb ukoll li jien, bħal ħafna nsara bħali, għandna nuqqas kbir ta’ stagħġib.  Forsi nitbissmu meta naraw l-għaġeb tal-presepju u forsi ngħidu: “Dan qisi qatt ma ra xejn!” Imma tabilħaqq huwa karattru ta’ min jimitah.  Marija stagħġbet bil-viżta tar-rgħajja u tal-maġi u dwar dak kollu li dawn bdew jgħidu fuq it-tarbija Ġesu. L-anzjani Xmun u Anna wkoll  waqt il-preżentazzjoni kellhom kliem li qatt ma kien intqal fuq tarbija oħra, tant li Marija baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-żwejjeġ tul ħajjitha kollha. Kif nistgħu ma nistagħġbux meta nirrejalizzaw li huwa l-istess Alla magħmul bniedem, u mhux xi bniedem kwalunkwe, li kuljum isir ħobż u nbid għalina.

 E. P. TAGLIAFERRO

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: