Il-Papa Franġisku: “Użu u pussess ta’ armi nukleari inkonċepibbli”

Print Friendly, PDF & Email

Nhar l-Erbgħa, qabel l-Udjenza Ġenerali, l-Papa Franġisku kellu laqgħa mal-Prim Ministru Ġappuniż Fumio Kishida. F’din il-laqgħa li damet madwar 25 minuta, l-Papa Franġisku u l-Prim Ministru Fumio Kishida tkellmu dwar l-armi nukleari u dwar kif l-użu u l-pussess tagħhom huwa inkonċepibbli. L-Papa f’din il-laqgħa tenna l-pożizzjoni tiegħu ta’ oppożizzjoni totali għall-użu u l-pussess ta’ armamenti nukleari.

L-Papa Franġisku, mhux l-ewwel darba li esprima din il-fehma. Meta ġie imfakkar l-75 anniversarju mill-attakk nukleari fuq Hiroshima, huwa kien bagħat messaġġ lill-organizzaturi tal-kommemorazzjoni tal-anniversarju, u fakkar li kien talab fil-monument tal-paċi ta’ Hiroshima waqt iż-żjara tiegħu tal-2019 fil-Ġappun; u f’dak il-post kien iltaqa’ ma’ dawk li baqaw ħajjin. Dak in-nhar, l-Papa kien qal:

“Qatt ma kien daqshekk ċar li, biex il-paċi tiffjorixxi, n-nies kollha jeġtieġ li jneħħu l-armi tal-gwerra, speċjalment l-armi l-aktar qawwija u distruttivi: armi nukleari li jistgħu jkisru u jeqirdu bliet sħaħ, pajjiżi sħaħ”.

Matul iż-żjara tiegħu fil-Ġappun, fl-2019, il-Papa Franġisku ddeskriva l-pussess jew l-użu tal-armi atomiċi bħala immorali. Huwa talab għal kemm-il darba għall-abolizzjoni tagħhom u esprima l-appoġġ tiegħu għat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede wara l-laqgħa li kellu mal-Papa Franġisku, l-Prim Ministru Ġappuniż, kellu taħditiet mal-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, akkumpanjat mill-Arċisqof Paul Richard Gallagher, Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati. L-istqarrija żvelat li “Matul it-taħditiet kordjali fis-Segretarjat tal-Istat, ġie espress sodisfazzjon għall-kollaborazzjoni bilaterali, li tevoka t-80 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn is-Santa Sede u l-Ġappun”.

F’dan il-kuntest, kompliet l-istqarrija, ġie nnutat u apprezzat il-kontribut tal-Knisja Kattolika f’ħafna setturi tas-soċjetà Ġappuniża. Ġew indirizzati wkoll kwistjonijiet internazzjonali b’attenzjoni partikolari għall-gwerra fl-Ukrajna, b’enfasi fuq l-urġenza tad-djalogu u l-paċi u ġiet espressa x-xewqa għal dinja ħielsa mill-armi nukleari.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-japan-prime-minister-nuclear-weapons-inconceivable.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: