Il-Papa Franġisku: Il-Knejjes Insara jridu jingħaqdu kontra l-barbariżmu tal-gwerra

Print Friendly, PDF & Email

Quddiem il-“barbariżmu tal-gwerra”, l-Knejjes Insara huma msejħin iġeddu l-impenn tagħhom u l-isforzi konġunti tagħhom għall-għaqda Nisranija, jagħtu xhieda tal-Evanġelju tal-paċi u tal-fraternità, sabiex jagħtu xhieda kredibbli ta’ Ġesù Kristu.

Dan kien fil-qalba tad-diskors tal-Papa Franġisku lill-parteċipanti fl-Assemblea Plenarja tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, li ntemmet nhar il-Ġimgħa. L-Assemblea saret mit-2 sa 6 ta’ Mejju, bit-tema: “Lejn ċelebrazzjoni ekumenika tal-1700 anniversarju ta’ Nicea I (325-2025).

Il-Papa Franġisku beda d-diskors tiegħu billi nnota li l-panedmija tal-Covid-19 offriet opportunità biex jissaħħu u jiġġeddu r-relazzjonijiet bejn l-Insara. “L-ewwel riżultat ekumeniku sinifikanti tal-pandemija,” qal, “kien l-għarfien imġedded li aħna lkoll nappartjenu għall-familja Kristjana waħda. Din ġegħlitna nifhmu kemm aħna verament qrib ta’ xulxin u kemm aħna responsabbli għal xulxin”. Għalhekk saħaq fuq il-ħtieġa “li nkomplu nikkultivaw dan l-għarfien u nippromwovu inizjattivi li jżidu dan is-sens ta’ fraternita”.

Il-Qdusija Tiegħu rrimarka li meta l-komunitajiet Insara jinsew il-verità profonda tal-fraternità, huma esposti serjament għar-riskju tal-għomor u l-awtosuffiċjenza “li huma ostakli għall-ekumeniżmu”.

“Huwa impossibbli lin-Nisrani jimxi waħdu bl-istqarrija tiegħu stess. Jew nimxu flimkien, jew ma nistgħux nimxu. Nibqu’ mwaħħlin”.

Il-Papa Franġisku mbagħad tkellem dwar ir-responsabbiltajiet tal-Knejjes Insara quddiem il-gwerra, b’referenza speċifika għall-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna. Huwa nnota li din “hija krudili u bla sens bħal kull gwerra”, iżda “għandha dimensjoni akbar u thedded lid-dinja kollha, u ma tistax ma tisfidax il-kuxjenza ta’ kull nisrani u ta’ kull Knisja”.

Filwaqt li fakkar lix-xewqa għall-għaqda tal-Insara kibret fis-seklu li għadda mill-għarfien tal-ħażen ikkawżati mill-firdiet Insara, l-Papa Franġisku qal li, llum, “quddiem il-barbariżmu tal-gwerra, din ix-xewqa għall-għaqda trid terġa’ titrawwem.” Il-Papa żied jgħid: “li tinjora l-firdiet fost l-Insara, minħabba drawwa jew rassenjazzjoni, ifisser li nittolleraw it-tniġġis ta’ qalbna li jagħmel l-art fertili għall-kunflitt”.

Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku tkellem dwar it-tema tal-plenarja ffukata fuq l-1700 anniversarju mill-Ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Niċea (325AD), li se jaħbat mas-sena tal-Ġublew tal-2025. Filwaqt li nnota li dan l-avveniment importanti kien kisba kbira fil-preservazzjoni tal-għaqda Kristjana, l-Papa Franġisku saħaq li l-Ewwel Konċilju ta’ Nicea “għandu jdawwal it-triq ekumenika attwali”, u esprima t-tama liċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew jista’ jkollhom “dimensjoni ekumenika rilevanti”.

Fl-aħħar nett, faħħar lill-Kunsill Pontifiċju u lis-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet talli stiednu lill-Konferenzi tal-Isqfijiet nazzjonali biex ifittxu modi kif jisimgħu l-ilħna “l-aħwa ta’ denominazzjonijiet Insara oħra dwar il-kwistjonijiet li jisfidaw il-fidi u d-djakonija fid-dinja ta’ llum”, fil-proċess sinodali attwali li jwassal għas-Sinodu tal-2023.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-christian-churches-must-unite-against-the-barbarism-of-war.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: