Il-bżonn tal-manswetudni fil-familji u fis-soċjetà tagħna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 9 ta’ Mejju 2022: Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa tal-Festa ta’ San Ġorġ Preca. L-Awditorjum tal-MUSEUM, Blata l-Bajda.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi” (Salm 119:35). Dun Ġorġ ħadem bi sħiħ biex aħna lkoll nagħrfu dawn il-mogħdijiet tal-kmandamenti ta’ Alla u nsibu l-għaxqa tagħhom u tagħna fih. “Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek” (Salm 119:36). Kemm hu vers sabiħ mis-Salm 119. Għaliex il-qalb tinġibed fl-imħabba. “Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek” (Salm 119:36). Ħafna drabi nibbażaw l-ubbidjenza tagħna lejn il-kmandamenti fuq il-biża’: nibża’ mill-infern, nibża’ fuq li jgħidu n-nies, nibża’ minn dak li jiġrili. Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku nibbażaw l-ubbidjenza tagħna ⁠— minkejja d-dgħufija u d-dnubiet tagħna ⁠— fuq l-imħabba.

‘Mulej, inti tħobbni, agħtini xrara mqar ċkejkna mill-imħabba tiegħek biex inkun nista’ nħobbok lura. Qatt mhu ser inħobbok kif ħabbejtni inti’. Inħarsu lejn il-kurċifiss, li Dun Ġorġ għallimna nqimuh bħala l-‘Ktieb il-Kbir’, biex nifhmu kemm Alla ħabbna. Kemm huwa ċkejken kull sforz tagħna biex inħobbuh lura. Imma Alla ma jippretendix li aħna nkunu daqsu, imma li nkunu bħalu. Nagħmlu ħilitna ta’ bnedmin li aħna  biex inkunu bla tebgħa quddiemu fl-imħabba. Allura d-domanda li rridu nagħmlu lilna nnfusna qabel jgħaddi l-jum u kull jum ieħor, hija: Kemm ħabbejt? Fejn inqast fl-imħabba? ‘Bil-ħsieb, bil-kliem, bl-għemi, jew billi ħallejt dmirijieti’, kif ngħidu fil-bidu tal-quddiesa.

Sentenza ta’ mħabba

Illum, bl-interċessjoni ta’ Dun Ġorġ, nitolbu grazzja lil Alla biex qatt u qatt ma nitbiegħdu minnu. ‘Tħallinix ninfired minnek, o Sinjur’. Ovvjament se jkollna l-mument meta nogħtru, meta nidinbu u meta nagħmlu xi waħda tal-ħmir. Ilkoll għandna litanija tagħhom dawn. Imma mhux għalhekk se naqtgħu qalbna. Min għandu xi dubju jaqra l-kitba ta’ Dun Ġorġ fuq il-ħniena ta’ Alla. Dun Ġorġ jitkellem fuq il-ġustizzja ta’ Alla imma jitkellem ukoll fuq il-ħniena tiegħu. Il-ġustizzja ta’ Alla x’inhi? Hija l-verità. Il-verità fuqi, fuqek u fuq id-dinja. Għax Alla ma jistax iqarraq bih innifsu; aħna nqarqu fuqna nfusna. Alla la jqarraq u lanqas jitqarraq. Allura s-sentenza tiegħu hija ġusta. Imma għax hija ġusta u jaf minn xiex aħna magħġunin ⁠— u l-Mulej jaf ma’ min qiegħed jagħmilha ⁠— hija wkoll sentenza ta’ ħniena għax hija sentenza ta’ mħabba. Alla hu mħabba fil-ġustizzja tiegħu, ma jafx jekk mhux iħenn. Dik hija l-ġustizzja ta’ Alla: il-ħniena tiegħu. Għaliex min iħobbok tassew, jifhmek u jagħdrek. La jifhmek u jagħdrek, u inti ma tagħlaqlux il-bieb, jaħfirlek. Allura nifhmu għaliex Dun Ġorġ, bil-kelma bit-tagħlim u bil-kitba tiegħu, jattirana lejn il-Qalb ta’ Ġesù, li hija “qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29).

9 ta’ Mejju

Il-providenza riedet li Dun Ġorġ ġie bbeatifikat ma’ Nazju u ma’ Adeodata llum, fid-9 ta’ Mejju 2001. Kienet din ir-raġuni għaliex intagħżlet din id-data għall-festa liturġika tiegħu. Għaliex id-9 ta’ Mejju mhix data marbuta ma’ avveniment fil-ħajja tiegħu. L-unika nota li hemm dwar id-9 ta’ Mejju hija l-Monsinjur li kien ħatfu ħatfa u ġiegħlu jagħlaq il-mużewijiet kien miet bħal-lum. Imma fl-istess ħin il-providenza riedet li dan l-imbierek jum tad-9 ta’ Mejju huwa importanti għall-Ewropa u għar-Russja. Illum nitolbu ħafna lil Alla, bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca, għall-Ewropa f’Jum l-Ewropa u għar-Russja f’dan il-jum li huma jsejħulu ‘Tal-Vitorja’. Ngħidu, imma Dun Ġorġ, mill-qiegħ tal-Mediterran, fuq din il-blata, x’jista’ jgħid lill-Ewropa u lir-Russja? Jekk mhux il-kelma tal-‘manswetudni’. Aħna nafu kemm għandna bżonn il-manswetudni fil-familji tagħna, bejnietna, fis-soċjetà tagħna. Kemm għandna bżonn il-manswetudni! Intom tafu li Dun Ġorġ kiteb ittra popolari fuq il-manswetudni, mhux għax kulħadd ċapċaplu; imma għax hija indirizzata lill-poplu.

Appostlu tal-Fidi

Dun Ġorġ huwa ‘Appostlu tal-Fidi’, hekk sejħulu t-teoloġi meta studjaw il-ħajja u l-kitba tiegħu. Imma l-fidi x’inhi? Il-fidi mhix sensiela ta’ sentenzi li titgħallem bl-amment.  Il-fidi hija r-risposta tagħna l-bnedmin għall-imħabba kbira li biha Alla jħobbna. Aħna minn aħna, Alla jħobbna. Il-leħen ta’ Ġesù huwa l-leħen ta’ din l-imħabba. Kif tafu, Dun Ġorġ kien isejjaħlu wkoll ‘Leħen il-Maħbub’ għaliex Alla l-Missier qal: “Dan hu Ibni l-maħbub; isimgħu lilu” (Mt 17:5). Imma huwa wkoll Ġesù li tant inħobbu.

Is-Salm Evanġeliku tas-Sirjaku hu innu indirizzat lil Ġesù li San Ġorġ Preca jogħxa jisimgħu għax fih jara l-ħarsa ta’ Ġesù; fejn marru riġlejh; x’missu idejh hu u jfejjaq, u kemm batew għalina.

L-appell li nagħmel illum, 15-il sena wara l-kanonizzazzjoni tiegħu, huwa li nibqgħu napprezzaw it-tagħlim ta’ dan is-saċerdot Malti; glorja tal-kleru tagħna, glorja tal-poplu tagħna. Meta l-Papa Franġisku kien fostna f’Malta u qabel ma tela’ fuq il-popemobile waqaf hawnhekk fil-kappella, stedintu biex jittawwal ftit u jsellem lil Dun Ġorġ. Il-Papa ftakar u qalli: “Inti kont postulatur tal-kawża ta’ Dun Ġorġ, hux?”. Tlabna lil San Ġorġ għall-Qdusija Tiegħu l-Papa biex ikompli jinterċedi għalih fil-missjoni tiegħu, hu li xtaq li wliedu spiritwali jkunu ‘wlied il-Papa’. Kemm hi ħaġa sabiħa li nitolbu wkoll għas-saċerdoti tagħna biex ikollna dan is-sens ta’ fidi li nagħrfu l-kelma li jwasslilna s-suċċessur ta’ Pietru, il-kelma li hi spirata minn Ġesù li jħobbna ħafna. “Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek” (Salm 119:36). Iġbidli qalbi lejn il-kelma tiegħek. Kemm hi sabiħa li aħna nħossu qalbna miġbuda lejn il-Kelma ta’ Ġesù; miġbuda lejn il-kelma tal-Papa, is-suċċessur ta’ Pietru. Mhux b’sens ta’ impożizzjoni, mhux bilfors; imma għax miġbuda mill-imħabba, mill-ħniena u mill-istil tal-Evanġelju li l-Papa jiddeskrivih fit liet kelmiet: tenerezza, kompassjoni u viċinanza. Il-ħlewwa, il-mogħdrija u li nkunu qrib xulxin.

Illum b’ferħ kbir inniedi grupp ta’ saċerdoti, li fuq l-ispirtu ta’ San Ġorġ Preca nixtieq li jkunu għas-servizz tad-djoċesi tagħna, bħala missjunarji fit-toroq, fid-djar, fil-pjazzez tagħna, fl-iskejjel u fil-parroċċi tagħna. Fl-antik kellna l-Missjoni l-Kbira u l-Missjoni Żgħira; l-Missjoni l-Kbira kienet għall-adulti waqt li l-Missjoni ż-Żgħira kienet għat-tfal. Illum qed ninkorpora dawn iż-żewġ realtajiet li għandhom storja glorjuża, f’kulleġġ ta’ saċerdoti missjunarji li qed ninawgurah taħt il-protezzjoni u l-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca.

Nitolbu wkoll li wara l-COVID-19, is-Soċjetà Mużewmina ⁠— li hija wkoll missjunarja fil-vokazzjoni u fir-realtà tax-xogħol tagħha ⁠— tiskopri b’mod ġdid kif tista’ tkompli tevanġelizza, u b’hekk tkompli l-ħolma ta’ Dun Ġorġ tas-‘Sajda Mużewmina’: l-evanġelizzazzjoni fil-pjazzez diġitali u fiżiċi ta’ pajjiżna. Għax is-‘sajda’ hekk hi: missjoni popolari. Missjoni li tilħaq lil dawk li qegħdin fil-periferija biex nitkellmu bil-lingwaġġ tal-lum; imma li Dun Ġorġ antiċipa fil-linja tal-Missjunarji Kbar, bħalma kien San Luiġi Maria Grignion de Montfort u San Gaspare.

Nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet. Illum lil Dun Ġorġ nitolbuh ħafna jinterċedi għall-poplu ta’ Alla biex inissel minn fostna vokazzjonijiet għas-saċerdozju, għall-ħajja reliġjuża u għall-katekisti. Għandna bżonn min jiddedika ruħu bħala katekista kemm fuq il-livell tal-parroċċi u kemm fuq livell ta’ soċjetà. San Ġorġ Preca, itlob għalina. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 21:11-17, 21
Salm: 119:33-42
Qari II: 2 Tim 2:1-11
L-Evanġelju: Mk 16:14a, 15-20

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: