Minn xiex nintgħarfu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 15 ta’ Mejju 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Ħames Ħadd tal-Għid. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu…” L-ewwel kelmiet ta’ din is-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann turina l-waqt meta Ġesù, waqt l-Aħħar Ċena, qal il-kliem li smajna fl-Evanġelju. Kien għadu kif ħabbar li wieħed mid-dixxipli kien se jittradih, u d-dixxipli stagħġbu u bdew jippruvaw jaraw min, għax Ġesù ma kienx semma ismu. Imbagħad Ġesù qal: “Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu”, u għamel hekk u taha lil Ġuda, u Ġuda ħadha u ħareġ miċ-ċenaklu.

Kien proprju wara dan li Ġesù jgħid il-kliem li smajna. Innutaw kif l-ewwel kelmiet ta’ Ġesù mhumiex kelmiet ta’ lment, jew kundanna, jew jgħid ħafna xorti kontra dak li kien se jittradih, imma jitkellem, għal ħames darbiet, fuq il-glorja li jagħtih Alla. Ftit qabel kien għadu kif ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu, uriehom x’jiġifieri l-imħabba li taqdi, u hawnhekk imbagħad jgħidilhom b’enfasi li l-karatteristika tad-dixxipli tiegħu għandha tkun l-imħabba ta’ bejniethom.

Nixtieq li naħsbu fuq dawn it-tliet punti li jsemmi:

“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin”;

“Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”;

“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.

Il-ġdid

L-ewwel nett jitkellem fuq il-“kmandament ġdid”. Imma għaliex jgħidlu “ġdid”? Dan il-kmandament, fi żmien Ġesù, kienu diġà jafu bih id-dixxipli u l-poplu Lhudi. Kien fil-qalba tal-liġi li kienu jħaddnu.  X’hemm ġdid? Mhuwiex ġdid għax kien qed jissemma l-ewwel darba, imma ġdid għax Ġesù rabtu mal-għotja kbira tiegħu nnnifsu, Alla li sar bniedem u ngħata għalina. Hu jurina li Alla hu mħabba, u l-imħabba li jagħti Alla hi dejjem ġdida.

Meta tidħol fil-ħajja tal-bniedem, din l-imħabba għandha l-qawwa li ġġedded, li tibdel l-istorja. Alla jħobbna u aħna, mimlijin b’din l-imħabba ta’ Alla, naqsmu din l-imħabba mal-oħrajn. Fejn hemm l-imħabba vera, qatt ma tiqdiem, tiskadi. Dejjem tibqa’ friska, ġdida. Din hi l-esperjenza tagħna fejn hemm tassew l-imħabba.

Il-kejl

Ġesù jgħid ukoll lid-dixxipli biex iħobbu lil xulxin bħalma ħabbna hu. Il-kejl tal-imħabba hu: bħalma ħabbna hu. Jekk aħna rridu nkunu nafu sew kif se nħobbu lil xulxin, irridu nħarsu lejn il-ħajja ta’ Ġesù, dak li għamel u għallem, kif uriena b’mod ċar xi tfisser l-imħabba. Tfisser li tixtieq il-ġid lill-oħrajn, li jkollhom post f’qalbek, li tħoss għalihom u tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom.

Ġesù wriena wkoll li l-imħabba ma tiddependix fuq ir-risposta li tirċievi għaliha, għax hi marbuta mal-għotja tagħna nfusna. Hi l-imħabba li tfisser kultant sagrifiċċju – bħalma rajna fl-Ewwel Qari, fl-Atti tal-Appostli, it-tbatija li għaddew minnha l-appostli biex ixandru lil Ġesù ħaj – u l-imħabba tfisser ukoll maħfra, fejn hemm bżonn ta’ maħfra. Hija din l-imħabba li għallimna u wriena Ġesù.

Għalhekk, meta jgħidilna “bħalma ħabbejtkom jien”, qed jagħmlilna stedina qawwija: biex neżaminaw lilna nfusna ħalli naraw li l-imħabba tagħna ma tkunx sempliċiment li nħobbu lil min iħobbna, lil min naraw simpatiku, lil min jogħġobna, imma tkun bħalma ħabbna hu. Din l-imħabba tiegħu tippurifikana minn dak li kultant ikollna f’qalbna li jtellef din l-imħabba – bħall-għira, il-mibegħda, l-antipatija li ġieli tħoss b’mod naturali. Hi din l-imħabba ta’ Alla li tippurifikana. Għal dan jistedinna Ġesù.

Is-sinjal

Ġesù jgħid ukoll li minn dan ningħarfu bħala dixxipli tiegħu: jekk ikollna l-imħabba bejnietna. Is-sinjal tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù, li nemmnu fih u nimxu warajh, mhuwiex sinjal minn barra li nġorru – bħal, per eżempju, bandiera. Meta nġorru bandiera ta’ Malta, sinjal ta’ pajjiżna, hu sinjal li għandna għal qalbna lil pajjiżna. Ġieli jkollna badge li nuru, jew sinjal ieħor. Imma Ġesù jgħidilna li l-aqwa karatteristika li għandha tiddistingwina bħala Nsara hi l-imħabba ta’ bejnietna.

L-affarijiet l-oħra li ġieli jkollna u nuru – bħal salib, statwa, u affarijiet oħrajn – jagħmlu sens jekk ikunu espressjoni vera ta’ din l-imħabba ta’ bejnietna. Ġesù jgħid: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi…” Din kienet l-esperjenza tal-ewwel Insara. Meta kienu jarawhom il-pagani, jew dawk li ma kinux jemmnu fi Kristu, kienu jistaqsu: dawn għaliex iġibu ruħhom hekk? X’hemm f’qalbhom? Għaliex jistmaw u jirrispettaw lil xulxin, attenti fil-kliem li jgħidu dwar xulxin u ma’ xulxin, għaliex? Dak kien is-sinjal li qed jgħid Ġesù: minn dan setgħu jagħrfuhom li kienu dixxipli tiegħu.

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù għandha silta sabiħa ħafna. Tgħid: jien fittixt posti fil-Knisja, u sibt posti – nixtieq li nkun fil-qalb tal-Knisja, fil-qalb li tħobb. Kieku ma hemmx din l-imħabba, l-appostli ma kinux ixandru l-Bxara t-Tajba, il-martri ma kinux ixerrdu demmhom, tant nies ma kinux jagħmlu l-ġid – jekk mhux għax immexxija minn din l-imħabba.

Din hi l-istedina li jagħmel Ġesù: biex bejnietna jkollna tassew din l-imħabba li waħedha turi ħajja sabiħa. Għalhekk, aħna li nemmnu fih ma nfittxux li dan il-“kmandament ġdid” nimponuh fuq ħaddieħor, imma aħna ngħixuh, u għax ngħixuh verament, ikollu l-qawwa tal-imħabba li turi lin-nies min hu Ġesù.

Nitolbu lill-Mulej biex hu jqiegħed f’qalbna din l-imħabba, biex aħna ngħixu dan il-“kmandament ġdid” u li jġedded, biex inħobbu bħalma ħabbna hu, u nħobbu b’mod li ningħarfu li aħna dixxipli ta’ Ġesù mill-imħabba ta’ bejnietna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: