Il-Papa lis-Soċjetajiet Missjunarji: “Kunu fidili, kuraġġużi u kreattivi”

Print Friendly, PDF & Email

“F’din is-sena speċjali, qed tinġabru f’Lyon, il-belt fejn oriġinaw l-Għaqdiet Pontifiċċji Missjunarji u fejn se tiġi ċċelebrata l-beatifikazzjoni ta’ Pauline Jaricot”, hekk kiteb il-Papa Franġisku f’messaġġ lill-membri tal-Għaqdiet Pontifiċċju Missjunarji li qed jimmarkaw sensiela ta’ anniversarji, fosthom il-200 sena mit-twaqqif tal-istituzzjoni tagħhom.

Pauline Jaricot kienet lajka Franċiża li ħasset is-sejħa għall-ħajja missjunarja u waqqfet l-assoċjazzjoni tal-“Propagazzjoni tal-fidi” li ġiet approvata mill-Papa Piju VII fl-1823.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa jenfasizza l-fatt li dawn l-anniversarju huma parti miċ-ċelebrazzjoni tal-400 anniversarju tal-Kongregazzjoni ‘De Propoganda Fide’, li magħha huma marbuta mill-qrib il-ħidma Missjunarja, u li magħhom jikkollaboraw fl-appoġġ tal-Knejjes fit-territorji fdati lil dan id-Dikasteru.

Il-Qdusija Tiegħu jinnota, li l-Propoganda Fide twaqqfet biex tappoġġja u tikkoordina t-tixrid tal-Evanġelju f’artijiet s’issa mhux magħrufa, iżda l-ħeġġa għall-evanġelizzazzjoni qatt ma naqset fil-Knisja u dejjem tibqa’ d-dinamiżmu fundamentali tagħha.

“Għalhekk, ix-xewqa tiegħi li fi ħdan il-Kurja Rumana mġedda, id-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni jieħu rwol speċjali sabiex irawwem il-konverżjoni missjunarja tal-Knisja (Prædicate Evangelium, 2-3), li mhix proselitiżmu, imma xhieda: li wieħed joħroġ minnu nnifsu biex iħabbar b’ħajtu l-imħabba gratwita u salvifika ta’ Alla għalina, li aħna lkoll msejħin biex inkunu aħwa”.

Il-Papa jinnota li l-laqgħa qed issir f’Lyon, għaliex huwa l-post fejn 200 sena ilu, żagħżugħa ta’ 23 sena – Pauline Marie Jaricot – kellha l-kuraġġ li twaqqaf għaqda biex tappoġġja l-attività missjunarja tal-Knisja. “Ftit ta’ snin wara bdiet ‘Living Rosary’, li huwa ddedikat għat-talb u l-qsim tal-offerta”. Għalkemm kienet ġejja minn familja sinjura, din mietet fil-faqar, il-Papa qal li bil-beatifikazzjoni tagħha, l-Knisja tixhed li “kienet taf ġemma’ teżori fis-sema” (Mt 6,19).

Il-Papa Franġisku kompla jgħid, li l-ġublewijiet li qed jiġu ċċelebrati u l-beatifikazzjoni ta’ Pauline Jaricot jagħtuh l-opportunità li jenfasizza tliet aspetti li, grazzi għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, tant taw kontribut għat-tixrid tal-Evanġelju fl-istorja tal-Għaqdiet Pontifiċċji Missjunarji.

L-ewwel: konverżjoni missjunarja. It-tjubija tal-missjoni, tiddependi mill-“vjaġġ li toħroġ minnek innifsek, mix-xewqa li l-ħajja ma tiċċentrax fuqu nnifsu, imma fuq Ġesù, fuq Ġesù li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi”. F’dan is-sens, jindika li l-eżempju ta’ Pauline Jaricot “li rat l-eżistenza tagħha bħala tweġiba għall-ħniena ta’ mogħdrija u ħlewwa ta’ Alla u mexxiet il-ħniena ta’ Alla fit-toroq tad-dinja”.

It-tieni: t-talb. Huwa biss permezz tat-talb, ikompli l-Papa, li dan huwa possibbli peress li huwa “l-Ispirtu tal-Mulej li jippreċedi u jagħmel l-opri kollha tajba tagħna”.

Fl-aħħarnett: il-konkretezza tal-karità. Flimkien man-netwerk tat-talb, temm jgħid il-Papa, Pauline bdiet ġabra kbira ta’ offerti li jakkumpanjawha b’informazzjoni dwar il-ħajja u l-attivitajiet missjunarji. Bl-offerti ta’ tant nies sempliċi, jgħid il-Papa, kienu providenzjali għall-istorja tal-missjonijiet.

Il-Papa Franġisku temm il-messaġġ tiegħu billi esprima x-xewqa tiegħu li l-membri kollha tal-Assemblea Ġenerali tal-Għaqdiet Pontifiċċji Missjunarji, “jimxu fil-kanali li bdiet din il-mara missjunarja kbira, inħallu lilkom infuskom ispirati mill-fidi konkreta, l-kuraġġ kuraġġuż u l-kreattività ġeneruża tagħha”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-pontifical-mission-societies-pauline-jaricot-message-annive.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: