Meta d-dinja tħares lejja u tgħidli, “Srikhant, int m’int kapaċi għal xejn!” jien indur lejn id-dinja u ngħid, “Jien nista’ nagħmel kollox.”
Srikhant Bolla twieled għama minn ġenituri fqar u ta’ bla skola. Il-komunita’ ma ridux jafu bih. Qalu lill-ġenituri li qatt mhu se jsarraf f’xi ħaġa. Ikun aħjar kieku jifgawh b’imħadda. Il-ġenituri ma tawx każhom, u kienu determinati li jagħmlu li jistgħu għal binhom. Kif Srikhant għalaq tmien snin, missieru rnexxilu jiktbu bħala boarder fi skola għall-għomja f’Ħyderabad. Għalkemm din kienet 400Km ‘il bogħod, Srikhant aċċetta bil-ferħ u ssetilja malajr. Tgħallem jgħum, iċ-chess u l-cricket fejn kien jintuża ballun mimli ċekċik li jgħin lil wieħed għama, bil-ħsejjes li jagħmel, jinduna f’liema direzzjoni jkun ġej. Xtaq isir inġinier, imma dan kien jitlob li jistudja x-xjenza u l-matematika. Kienet kontra l-liġi li skola tal-istat tgħallem dawn is-suġġetti lill-għomja għax jinvolvi ħafna tpinġija u grafika. Setgħu biss jistudjaw l-arti, lingwi u xjenza soċjali. Kienu jgħidu li jekk jaċċettawh, ikunu qishom qed iwaddbu dulluvju ilma fuq pjanta żgħira. Għalhekk Srikhant, flimkien ma’ sieħbu Swamalatha Takkilapati, qabbad avukat biex iressaq il-każ tagħhom quddiem il-Qorti Għolja ta’ Andhra Pradesh biex tinbidel din il-liġi inġusta. Waqt li kienet qed ittawwal din il-kawża, l-iskola Chinmaya Vidyalay f’Hyderabad, li kienet topera taħt korp edukattiv differenti, semgħu bi Strikhant u offrewlu post fejn seta’ jitgħallem is-suġġetti li xtaq.
Għalkemm kien l-uniku student għama, l-għalliema laqgħetu ħafna, u għallmitu kif ipinġi diagrams li jinħassu bis-swaba (tactile diagrams). Dan wieħed jagħmlu b’biro fuq folja lastku irqieqa, bir-riżultat li n-naħa l-oħra jitla’ ‘l fuq, u b’hekk tkun tista’ tħossu b’sebgħajk. Sitt xhur wara, Strikhant ħa l-aħbar li kien rebaħ il-kawża. “Ninsab ferħan għax tajt prova lid-dinja li jien nista’ nirnexxi, u qed ngħaddi messaġġ lil żagħżagħ bħali li jistgħu jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.”
Srikhant reġa’ lura fl-iskola tal-istat u beda jgħaddi l-eżamijiet b’98%. Applika biex jistudja l-inġinerija fl-Indian Institute of Technology iżda dawn ma aċċettawh, Għalhekk ipprova l-Amerka fejn kellu ħames offerti. Hu għażel il-Massachusetts Institute of Technology. Strikhant kien l-ewwel student internazzjonli fl-MIT fejn daħal fl-2009. Hawn sab servizzi eċċellenti għall-persuni b’diżabilita’ u b’hekk evita li jaqa’ lura fl-istudju. Din tagħtu l-ideja li jwaqqqaf għaqda ta’ voluntiera f’Hyderabad, avolja kien għadu jistudja. B’hekk twieldet is-Samanvai Center for Children with disabilities, b’librerija tal-Braille.
Meta Srikhant iggradwa mill-MIT fil-management science, offrewlu diversi jobs fl-Amerka, imma kien fadallu x’jagħmel ħafna fl-India. Ħaseb li inutli tikseb id-dritt li persuni b’diżabilita jistudjaw, biex imbagħad ma jsibux impieg. Għalhekk fl-2012 telaq lejn pajjiżu u ddeċieda li jwaqqaf kumpanija għal rasu biex timpjega dawn in-nies. B’hekk twieledet il-Bollant Industries li timmanifattura prodotti eco-friendly u li illum stmata li tiswa 48 miljun liri Ingliżi.
Is-sena l-oħra, 2021, Srikhant ta’ 30 sena ġie nkluż fil-lista tal- World Economic Forum’s Global Leaders 2021, u jittama li fi żmien tliet snin Bollant Industries issir IPO Globali, bl-ishma tiegħu ikkwotati fl-istock exchanges universali.
L-industrija tal-films Indjana Bollywood iddeċidiet li tagħmel film fuq il-ħajja ta’ Srikhant Bolla, li se jibda jinġibed f’Lulju li ġej, bl-attur popolari Rajkummar Rao fil-parti prinċipali. Srikhant qed jinduna li n-nies m’għadhomx jgħidu, “Għama, miskin. X’ħasra!” għax kif jibda jgħid min hu, tinbidel id-diska.
Minn Edward Tagliaferro