Daħla: Sinjali tal-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija

Print Friendly, PDF & Email

Minn Manwel Cutajar KCHS

Daħla

Id-dubji u n-nuqqas ta’ Fidi fil-Preżenza Reali ta’ Sidna Ġesù Kristu fis-Sagrament tal-Ewkaristija huma whud  mill-aspetti sinifikanti tal-kriżi spiritwali attwali fost xi whud mill-Insara, anki wkoll minn xi Kattoliċi. Ġesù dejjem ried isaħħah il-Fidi tagħna fil-Preżenza Reali Tiegħu f’dan is-Sagrament ta’ Imħabba. Hu propju għalhekk li minn żmien għal żmien Huwa jrid u jippermetti sinjali – Mirakli Ewkaristiċi  – li jenfasizzaw b’mod l-aktar ċar u evidenti l-fatt u l-Verità li Hu, il-Mulej Ġesù Irxuxtat mill-Imwiet,  realment u tabilħaqq huwa Preżenti fl-Ewkaristija bid-Divinità u l-Umanità kollha Tiegħu.

Matul l-Istorja  tal-Knisja Kattolika ġew irrappurtati minn diversi individwi kif ukoll minn gruppi ta’ persuni għadd ta’ Mirakli Ewkaristiċi. Il-Knisja wara stħarriġ u studju intensifikat u metakuluż, anki permezz ta’ mezzi, provi  u analiżi  xjentifiċi inkonfutabbli  għarfet u approvat uffiċjalment madwar 152 Miraklu Ewkaristiku f’diversi kontinenti u pajjiżi.

Qabel ma nitkellmu fil-qosor f’din is-sensiela ta’ artikli dwar uhud minn dawn il-Mirakli  nippreżentaw xi punti importanti li tkellem dwarhom l-Isqof Mons. Raffaello Martinelli, Uffiċjal fl-Uffiċċju Kateketiku tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, fid-dokument tiegħu dwar il-Mirakli Ewkaristiċi tad-Dinja – Limiti u Aspetti Pożittivi.

F’katekeżi dwar il-Mirakli Ewkaristiċi x’aspetti għandhom jiġu enfasizzati?

L-Ewwel Aspett li għandu jiġu enfasizzat huma ċerti Limiti li għandhom jinżammu f’tali katekeżi dwar il-Mirakli Ewkaristiċi. Imbagħad wkoll jiġu nnutati u rrimarkati l-Aspetti Pożittivi li dawn il-Mirakli Ewkaristiċi jistghu joffru lill-Insara f’din il-katekeżi.

  1. Il-LIMITI
  1. Il-Fidi tagħna mhijiex imsejsa fuq il-Mirakli Ewkaristiċi , imma fuq it-Tħabbira tal-Mulej Ġesù, milqugħa mill-Insara bid-don tal-Fidi permezz tal-azzjoni u l-intervent tal-Ispirtu s-Santu. Aħna nemmnu għax konna emminna fil-Predikazzjoni (ara Gal 3:5) “fides ex auditu, auditus autem per verbum Christi’’  (Rum 10: 17). Il-Fidi tiddependi mis-smigħ u s-smigħ mill-Kelma ta’ Kristu; u imbagħad il-predikazzjoni tiddependi mill-kelma ta’ Kristu. It-twemmin huwa att tal-intellett, li taħt l-influwenza tar-rieda mmexxija minn Alla permezz tal-grazzja,tagħti l-kunsens tagħha għall-Verità Divina” (San Tumas ta’ Akwinu, Summa Theologiae, II-II, q.2, a.9,c).
  2.  Il-Fidi tagħna fl-Ewkaristija għandha bħala ċ-ċentru tagħha lil Kristu, li waqt il-Predikazzzjoni Tiegħu ħabbar it-Twaqqif tal-Ewkaristija u mbagħad fil-fatt waqqafha waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-Aħħar Ikla mal-Appostli Tiegħu nhar Ħamis ix-Xirka. Minn dakinhar, il-Knisja Kattolika, fidila lejn il-Kmand tal- Mulej: “Agħmlu dan b’tifkira  tiegħi” ( 1 Kor 11, 24), dejjem -b’fidi kbira- iċċelebrat l-Ewkaristija, speċjalment kull nhar tal-Ħadd, Jum il-Qawmien ta’ Ġesu Kristu mill-Imwiet, u f’kull quddiesa li titqaddes kuljum fid-dinja kollha,u hekk tibqa’ tagħmel : “Hekk kull darba li tieklu dan il-ħobż u tixorbu  dan il-kalċi , tħabbru mewt il-Mulej, sakemm jiġi (1 Kor. 11,26).
  3.  In-Nisrani mhux obbligat jemmen fil-Mirakli Ewkaristiċi. Dawn il-mirakli ma jorbtux lill-Insara biex jemmnu fihom, anki jekk rikonoxxuti uffiċjalment mill-Knisja Kattolika. Kull nisrani huwa liberu li jiddeċidi b’moħħu u qalbu. L-istess jista’ jingħad għal rivelazzjonijiet privati; in-nisrani mhux obbligat jemmen f’xi rivelazzjoni privata, lanqas jekk din tkun  approvata mill-Knisja Kattolika.
  4. Fil-prinċipju, madanakollu, min jemmen m’għandux jeskludi l-possibbiltà li Alla jista’ jintervieni b’mod straordinarju fi kwalunkwe mument, post avveniment jew persuna partikulari. Id-diffikultà hija li wieħed jagħraf jekk, f’każ individwali, seħħx l-intervent straordinarju awtentiku ta’ Alla.
  5. Il-prudenza tal-Knisja Kattolika, quddiem il-fenomeni straordinarjii (bħalma huma l-Mirakli Ewkaristiċi) hija ġġustifikata bis-sħiħ, peress li fost ħwejjeġ oħra, wieħed jista’ jidħol f’ċerti riskji bħal:

●Li wieħed jaħseb li Alla nesa xi ħaġa fit-Twaqqif tal-Ewkaristija;● li wieħed jqis il-quddiesa bħal xi ħaġa sekondarja; ●li wieħed jattribwixxi importanza eċċessiva lil aspett mirakuluż u straordinarju bi riżultat ta’ sottovalutazzjoni tad-dimessjoni ta’ kuljum fil-ħajja ta’ min jemmen u tal-Knisja; ●li wieħed faċilment jibda jemmen  f’illużjonijiet u  superstizzjonijiet.

Għalhekk, l-Approvazzjoni eventwali tal-Knisja kattolika ta’ Miraklu Ewkaristiku għandha jkollha fiha dawn l-elementi:

● l-avveniment inkwistjoni ma fih xejn li jikkontradixxi l-Fidi u l-Morali Nisranija

● huwa legali li jsir pubbliku

●kull min b’xi mod ikun involut f’avvenimenti simili jkun awtorizzat li jagħti l-kunsens prudenti għalih.

Fl-aħħarnett, għalkemm ħadd mhu obbligat li jemmen f’dawn il-Mirakli Ewkaristiċi, għandu juri rispett lejhom li l-awtentiċità tagħhom tkun ġiet rikonoxxuta mill-Knisja Kattolika.  

     2) L-ASPETTI POŻITTIVI:

Il-Mirakli Ewkaristiċi jistgħu jkunu għajnuniet utli u li jagħtu f-frott għall-Fidi tagħna. Hekk pereżempju:

  1. Igħinuna mmorru lil hinn minn dak li hu viżibbli u perċettibbli, u nammettu l-eżistenza ta’ xi ħaġa lil hinn minn dak li naraw. Propju għax  huma rikonoxxuti bħala grajjiet straordinarji, dawn il-Mirakli Ewkaristiċi m’għandhomx spjegazzjonijiet  fil-fatti u r-raġunament  xjentifiċi. Fil-fatt,imorru lil hinn mir-raġuni umana u jistiednu lill-persuna biex ‘tmur lil hinn’ minn dak li jidher, minn dak li hu perċettibbli, u għalhekk il-bniedem jeħtieġlu li jammetti li hemm xi ħaġa li ma tinftiehemx, xi ħaġa umanament inspjegabbli bir-raġuni umana, xi ħaġa li xjentifikament ma tistax tiġi spjegata.
  2. Il-Mirakli Ewkaristiċi jistgħu  jagħtu lil xi ħadd l- okkażjoni – waqt l- istruzzjoni  kateketika – biex jitkellem dwar ir-Rivelazzjoni pubblika u l-importanza tagħha għall-Knisja u għall-Insara. Il-Mirakli Ewkaristiċi huma kollha dwar ġrajjiet straordinarji li seħħew wara it-twaqqif tal-Ewkaristija minn Sidna Ġesù Kristu, wara t-tmiem tat-Testment il-Ġdid, jiġifieri wara  t-tmien tar-Rivelazzjoni Pubblika.    

Hawnhekk ta’ min jgħid xi ħaġa dwar x’inhi r-Rivelazzjoni Pubblika.

Meta nitkellmu dwar Rivelazzjoni Pubblika nkun qegħdin nirreferu għall-Rivelazzjoni li tkun:

  1. ġiet rivelata minn Alla, ibda minn Abraham u permezz tal-profeti, sa Ġesù Kristu
  2. tkun affermat u ddikjarata bħala vera u ġenwina fiż-żewġ partijiet tal-Bibbja: it-Testment L-Antik  u t Testment il-Ġdid
  3. hi  ndirizzata u maħsuba għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien u post
  4. hija radikalment differenti, kemm fl-essenzja kif ukoll fil-grad, minn rivelazzjonijiet hekk imsejħa u magħrufin bħala privati
  5. intemmet bi Kristu u l-mewt tal-aħħar Appostlu fit-Testment il-Ġdid, li miegħu hija marbuta l-Knisja Kattolika.

Fl-aħħarnett, il-Mirakli Ewkaristiċi jistgħu jgħinuna nifhmu u ngħixu l-Fidi li għandha lil Kristu u lil Kristu-Ewkaristiku bħala c-ċentru tagħha. Il-Mirakli Ewkaristiċi jistgħu wkoll iħeġġuna biex nifhmu, napprezzaw u nħobbu dejjem aktar l-Ewkaristija Imqaddsa.

Iżda fuq kollox u qabel kull ħaġa oħra QATT ma rridu ninsew jew nonqsu milli  ngħidu li l-Ewkaristija hija minnha NNIFISHA l-Veru, Ineżawribbli Kbir Miraklu ta’ kuljum. Fl-artikli li jmiss nibdew nitkellmu dwar uħud minn dawn il-Mirakli Ewkaristiċi kemxejn fid-detall, kif ukoll dwar il-kontribut li ż-żagħżugħ Beatu Carlo Acutis ta f’dan ir-rigward.

%d bloggers like this: