“Fi żmien li l-familja umana u l-pjaneta tagħna qed jiffaċċjaw theddid kbir,” il-ħtieġa ta’ djalogu inter-reliġjuż u kollaborazzjoni huma dejjem aktar meħtieġa, qal il-Papa Franġisku, filwaqt li stieden lill-Buddisti biex ikomplu jaħdmu flimkien mal-Knisja Kattolika “biex jikkultivaw il-kompassjoni u l-ospitalità lill-bnedmin kollha, speċjalment lill-foqra u l-emarġinati”.
Il-Papa kien qed jindirizza delegazzjoni mit-Tajlandja komposta minn tlieta u tletin patri Buddisti prominenti kemm tal-iskejjel Theravada kif ukoll Mahayana, flimkien ma’ 60 Buddist lajk u diversi rappreżentanti tal-Knisja Kattolika Tajlandiża. Qegħdin Ruma biex jipparteċipaw f’konferenza bl-isem ‘Ħbiberija bejn l-Buddisti u l-Insara għal Kultura ta’ Laqgħa, fl-Università Pontifikali Urbana.
Filwaqt li rringrazzjahom talli żaru l-Vatikan fil-50 anniversarju tal-laqgħa storika bejn il-Papa San Pawlu VI u l-Venerabbli Somdej Phra Wannarat, is-17-il Patrijarka Buddista Suprem tat-Tajlandja, fil-5 ta’ Ġunju 1972, il-Papa wera x-xewqa tiegħu li jġedded ir-rabtiet ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni reċiproka.
Il-Qdusija Tiegħu ġedded ukoll is-sentimenti espressi mill-Papa Pawlu VI meta ltaqa’ mad-delegazzjoni Tajlandiża 50 sena ilu, u qal: “Għandna konsiderazzjoni profonda għat-teżori spiritwali, morali, u soċjo-kulturali li ġew mogħtija lilkom permezz tat-tradizzjonijiet prezzjużi tagħkom”.
“Aħna nirrikonoxxu l-valuri li intom il-kustodji tagħhom, u naqsmu x-xewqa li jiġu ppreservati u mrawma. Nittamaw li jkun hemm djalogu ta’ ħbiberija dejjem tiżdied u kollaborazzjoni mill-qrib bejn it-tradizzjonijiet li intom tirrappreżentaw u l-Knisja Kattolika”.
Il-Papa Franġisku nnota li l-aħħar 50 sena raw tkabbir gradwali u kostanti ta’ “djalogu ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni mill-qrib” bejn iż-żewġ tradizzjonijiet reliġjużi. Huwa fakkar fil-Vjaġġ Appostoliku Tiegħu fit-Tajlandja fl-2019, “u l-merħba u l-ospitalità mill-isbaħ li rċivejt”. Il-Papa esprima wkoll apprezzament għad-djalogu ta’ ħbiberija u fraterna mal-membri tad-Dikasteru għad-Djalogu Inter-reliġjuż, kif ukoll mal-komunità Kattolika fit-Tajlandja.
Id-djalogu u l-kollaborazzjoni huma saħansittra aktar urġenti u prezzjużi fi żmien meta l-familja umana u l-pjaneta qed jiffaċċjaw thedded kbir, innota l-Papa. “Sfortunatament, min-naħat kollha nisimgħu l-għajta ta’ umanità midruba u art imkissra”.
“Il-Buddha u Ġesù fehmu l-ħtieġa li jegħlbu l-egoiżmu li jagħti lok għal kunflitt u l-vjolenza”, qal. “Id-Dhammapada jiġbor fil-qosor it-tagħlim tal-Buddha hekk: ‘Li tevita l-ħażen, tikkultiva t-tajjeb, u li saffi l-moħħ – dan huwa t-tagħlim tal-Buddha’ (Dph 183). Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin’ (Ġw 13,34)”.
Il-Papa Franġisku qal lill-mistednin tiegħu li l-kompitu komuni tagħhom illum huwa “li niggwidaw lis-segwaċi rispettivi tagħna għal sens aktar ħaj tal-verità li aħna lkoll aħwa.”
“Għandna naħdmu flimkien biex nikkultivaw il-kompassjoni u l-ospitalità għall-bnedmin kollha speċjalment il-foqra u l-emarġinati”.
F’dan l-ispirtu, temm jgħid il-Papa, “Inħeġġeġ l-isforzi tagħkom biex tapprofondixxu u twessgħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħkom mal-Knisja Kattolika”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-audience-buddhists-thailand-golden-jubilee-dialogue-friends.html