Għala sirt għalliem

Print Friendly, PDF & Email

Żagħżugħ iltaqa’ ma’ anzjan u nduna li kien jafu. “Skużi, Sir. Imma naħseb li kont tgħallimni.  Tiftakarni?”  L-anzjan wieġbu: “Daqs kemm għallimt tfal! Imma għidli ftit, issa x’qed tagħmel?”  “Jien sirt għalliem. In fatti kont int li nebbaħtni biex insir għalliem bħalek.” U l-anzjan saqsieh, “U meta ġara dan?”

 “Jum wieħed meta kont fil-klassi tiegħek, wieħed tifel ġie l-iskola b’arloġġ ġdid sabiħ.  Jien iddeċidejt li rridu. Kif dak it-tifel kien aljenat, ħadtulu.  Ma damx ma nduna li l-arloġġ kien nieqes, u mill-ewwel qal lill-għalliem, li kont int.  Mill-ewwel għidtilna li min ħadu jrid iroddu.  Ħadd ma tniffes.  Allura int għalaqt il-bieb tal-klassi, u tlabtna biex noħorġu ħdejk u nifformaw ċirku. Għidtilna li issa int se tfittex fil-bwiet waqt li aħna kellna nżommu għajnejna magħluqin. Aħna obdejna u int fittixt minn but għall-ieħor.  Int sibt l-arloġġ fil-but tiegħi, imma xorta waħda indunajt li komplejt tfittex fil-bwiet tat-tfal l-oħra kollha.  Kif spiċċajt, għidtilna niftħu għajnejna u urejtna l-arloġġ.  Bla kliem u bla sliem tajtu lil sidu.

Int ma kxiftnix, u qatt ma semmejtuli aktar dan l-episodju. Stennejtek se tgħajjat miegħi waħdi jew quddiem l-oħrajn, jew tagħmilli xi priedka fuq l-onesta’.  Xejn minn dan. Għalija dak kien l-aktar jum ta’ mistħija ta’ ħajti kollha, imma dakinhar int salvajtli d-dinjita’ tiegħi.  Bis-saħħa tiegħek jiena fhimt xi tkun tiħtieġ biex tkun għalliem jew edukatur tajjeb.  B’hekk iddeċidejt li nsir għalliem. Tiftakru dan l-episodju, Sir?”

“Iva niftakar.  Ma ftakartx min kien seraq l-arloġġ għax anki jien dakinhar għalaqt għajnejja waqt li kont qed infittex fil-bwiet tagħkom.”

Din hi l-essenza ta’ għalliem tajjeb:  biex tikkoreġi, evita li tumilja.

Minn Edward Tagliaferro

%d bloggers like this: