Riflessjoni kif ngħixu l-umiltà fuq il-passi ta’ San Ġwann il-Battista

Print Friendly, PDF & Email

Il-Battista huwa xempju għalina kif ma għandniex infittxu l-interessi tagħna iżda ta’ Alla u dawk tal-proxxmu tagħna.

1• San Ġwann jiċkien u Kristu jikber

Il-Knisja tiċċelebra t-twelid ta’ San Ġwann fil-24 ta’ Ġunju. Santu Wistin jinnota li f’dan iż-żmien fl-emisfera ta’ fuq il-jum ikun beda jiqsar filwaqt li niċċelebraw it-twelid ta’ Kristu fil-25 ta’ Diċembru meta l-ġurnata tkun qiegħda titwal. Dan il-ħsieb jidwi dak li qal dan il-qaddis lid-dixxipli tiegħu: “Hu jeħtieġ jikber, jien nonqos” (Ġw 3,30).

Irridu nifhmu dan fil-kuntest tal-Vanġelu. Il-Battista huwa l-persunaġġ li jgħaqqad it-Testment il-Qadim mat-Testment il-ġdid. Il-predikazzjoni ta’ Ġwanni ħalliet ħafna ġid spiritwali tant li bosta kienu jmorru jitgħammdu bil-magħmudija tal-indiema minn idejh. Il-messaġġ tiegħu kien wieħed qawwi tant li l-poplu ħasbu l-Messija. Iżda l-popularità ma għamlitx bih u baqa’ umli.

Meta xi qassisin u Leviti li ġew minn Ġerusalemm biex jistaqsuh min huwa wieġeb: “Miniex il-Messija” (Ġw 1, 20). Meta l-Farisin staqsewh għaliex qiegħed jgħammed ġaladarba la huwa l-Messija, la Elija u lanqas il-Profeta wieġeb: “Jien ngħammed bl-ilma; hemm f’nosfskom wieħed li ma tafuhx, li ġej warajja, u jien ma jixraqlix inħollu l-qafla tal-qorq” (Ġw 1, 27-28).

Meta Sidna Ġesù Kristu mar jitgħammed mingħandu ma riedx qallu: “Jien jeħtieġli nitgħammed mingħandek, u int ġej għandi?” (Mt 3,14). Kien huwa li xehed għal Kristu meta qal: “Ara l-ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1, 29)

Il-Battista jistħoqqlu kull tifħir għal dan l-għemil tant li Ġesù stess stqarr quddiem il-messaġiera li kien bagħtlu: “Ngħidilkom li fost l-imweldin min-nisa m’hemm ħadd akbar minn Ġwanni; imma l-iżgħar wieħed fis-saltna ta’ Alla hu akbar minnu” (Lq 7, 28).

2• Nixmu fit-triq tal-umiltà fuq l-eżempju tal-Battista

Dan il-qaddis jgħallimna kemm hija sabiħa l-virtù tal-umiltà meta nħallu lilna nfusna niċkienu għall-glorja ta’ Alla u tal-proxxmu tagħna. Dan ma jfissirx li ma għandux ikollna stima tajba tagħna nfusna jew li ma nagħrfux il-kwalitajiet tajba tagħna.

L-ewwel pass fit-triq tal-umiltà hija li nagħrfu l-limiti tagħna. Kif kulħadd għandu xi kwalitajiet sbieħ għandu wkoll id-difetti. Meta nammettuhom ma nkunux immaqdru lilna nfusna iżda nkunu realisti u hekk immorru aħjar mal-proxxmu tagħna.

It-tieni pass fit-triq tal-umiltà huwa li aħna ma nsirux iċ-ċentru ta’ kollox anki jekk jidhrilna li qegħdin nwettqu xogħol importanti. Anki quddiem l-insuċessi ma naqtgħux qalbna filwaqt li niftakru li kull ma nagħmlu fid-dinja huwa għall-glorja ta’Alla.

Fuq kollox irridu nammettu li aħna niddependu totalment minn Alla. San Pawl jgħidilna: “Għax fih ngħixu, nitħarrku u aħna: (Atti 17, 28). Id-dipendenza tagħna fuq Alla jfisser li aħna ngħixu kif iridna huwa u naqgħux fit-tentazzjoni li nfasslu ħajjitna mingħajru anki jekk ikun hemm bżonn li nagħmlu sagrifiċċju.

Inkunu umli meta nagħmlu xi żball u nindunaw bih nammettu u jekk inhuwa possibbli nitolbu skuża lil min ilqattna bi kliemna jew għemilna. Din il-kwalità ta’ umiltà tgħaqqad aktar il-familja billi kulħadd huwa suġġett għall-iżball.

L-umiltà vera ma tbaxxi lil ħadd b’mod dispreġjjattiv. Anzi tgħolli lil dak li jkun u teħilsu mill-egoiżmu tiegħu. Kieku Ġwanni l-Battista ma kienx umli kieku llum ma aħniex niċċelebraw il-festa tiegħu filwaqt li nammirawh b’tant imħabba.

Minn Angelo Xuereb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading