Hemm stennija kbira għall-ftuħ tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji, li tibda l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju bil-Festival tal-Familji u tintemm l-Ħadd 26 ta’ Ġunju. ‘Imħabba għall-familja: vokazzjoni u triq għall-qdusija’ hija t-tema ta’ din l-edizzjoni. Għal din il-laqgħa ġew mistiedna madwar elfejn delegat minn 120 pajjiż, magħżula mill-Konferenzi Episkopali, s-Sinodi tal-Knejjes Orjentali, u realtajiet ekkleżjali internazzjonali.
Din il-laqgħa qed issir fi żmien diffiċli għall-umanità, ippruvat bl-aħrax mill-pandemija u l-gwerra. Gabriella Gambino, sottosegretarja tad-Dikasteru għal-Lajċi. Familja u Ħajja, promotriċi tal-avveniment, tkellmet ma’ Debora Donnini tal-Vatikan News dwar dawn id-diffikultajiet, kif ukoll it-tamiet tagħha għall-avveniment.
“Wara sena sħiħa ddedikata għall-pastorali tal-familja bil-ħidma kbira kollha li saret, nemmen li wasal tassew iż-żmien li ‘nagħmlu l-Knisja’ flimkien mal-familji, u ragħajja”, tgħid Gabriella Gambino. Hija tiddeskrivi t-tama bħala waħda li tisma’ kliem ta’ inkoraġġiment mingħand il-Qdusija Tiegħu “biex meta tintemm din is-Sena tal-Familja, nkunu nistgħu nkomplu l-vjaġġ flimkien”.
Gabriella Gambino tkompli tiddeskrivi l-importanza li t-tfal jiġu nvoluti fil-ħidma pastorali tal-evanġelizzazzjoni, u tispjega li “l-familja kollha hija msejħa għat-tħabbira nisranija”.
“Nemmen li, llum, waħda mill-akbar sfidi għalina l-ġenituri hija proprju dik li nittrasmettu lil uliedna l-kuxjenza, u wkoll il-kuraġġ li nxandru li Kristu hu preżenti fil-familji tagħna”.
Hija żżid li huwa mportanti wkoll li ngħallmu lil uliedna jagħmlu dan, tkun xi tkun il-kumplessità li qed ngħixu fihom.
Il-formazzjoni, l-akkumpanjament, it-trażmissjoni tal-fidi lill-ġenerazzjonijiet l-ġodda, huma wħud mit-temi tal-laqgħa. Dik “fundamentali” hija l-proklamazzjoni tal-vokazzjoni ta’ kull familja, ta’ kull persuna fi ħdan il-familja, tgħid Gabriella Gambino. Hija tispjega li “l-familja hija triq lejn il-qdusija u l-qdusija li kull wieħed minna għandu għad-dispożizzjoni tagħna.”
Tispjega li huwa mportanti li jitħarrġu nies li jafu jiltaqgħu mar-realtà tal-familji ta’ llum. Huwa mportanti li nakkumpanjaw lill-familji u b’mod speċjali lill-koppji għarajjes u l-miżżewġin żgħażagħ fir-realtà li jgħixu, nibda mir-realtà tagħhom, biex minn hemm jiskopru l-vokazzjoni tagħhom u jiltaqgħu ma’ Kristu. “Importanti wkoll li nitgħallmu nittrasmettu l-fidi liż-żgħażagħ billi nibdew mir-realtà li huma mdaħħla fiha, għalhekk ikollna wkoll il-kuraġġ li nindirizzaw kwistjonijiet li huma diffiċli ħafna għalina llum, li fuqhom kultant aħna ma tantx ippreparati”, hija żżiedet.
Fl-aħħar Gabriella Gambino d-diskutiet id-dokument ippubblikat reċentement bit-titlu ‘Itinerarji Katekumeni għall-ħajja taż-żwieġ’, ippublikat bħala parti mill-Linji Gwida Pastorali għall-Knejjes Partikolari, mħejjija mid-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja u bi daħla għad-dokument mill-Papa Franġisku.
Gabriella Gambino spjegat li dan it-test kien mixtieq b’mod espliċitu mill-Qdusija Tiegħu, proprju għad qed ngħixu fi żmien li ż-żwieġ irid jitħabbar b’aktar saħħa, b’aktar ċarezza, iżda fuq kollox, jeħtieġ li jitħabbar “fil-ħin”. Għal din ir-raġuni, hija tispjega, “Nemmen li wieħed mill-aktar aspetti interessanti ta’ dan id-dokument huwa l-fatt li jipproponi preparazzjoni ‘remota’ ħafna għall-ħajja taż-żwieġ”. Dan jinvolvi wkoll li nitkellmu mat-tfal dwar is-Sagrament taż-Żwieġ fil-korsijiet ta’ inizjazzjoni Nisranija. Importanti li jifhmu li hija sejħa.
Fl-aħħarnett, is-sottosegretarja tad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja, tkellmet dwar l-importanza tal-akkumpanjament anke wara ċ-ċelebrazzjoni tar-Rit, jiġifieri ta’ kura pastorali qawwija, “għax il-koppji, speċjalment fl-ewwel snin ta’ żwieġ, jeħtieġ li jkunu akkumpanjati”. Ħadd m’għandu jitħalla waħdu f’dawn il-mumenti, iżda pjuttost irid “li jħossuhom parti minn komunità tal-knisja, li tgħinnhom jgħaddu mill-fażi tal-kriżi, għax il-kriżi hija fażi normali fil-ħajja konjugali ta’ żewġ persuni li jgħixu flimkien għal ħajjithom kollha”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-06/world-meeting-of-families-interview-gambino-dicastery-laity.html