Bħala parti minn sensiela li twassal għall-108 Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, li se jsir fil-25 ta’ Settembru, is-Sezzjoni tal-Vatikan għall-ħarsien tal-Migranti u r-Refuġjati, nhar il-Ġimgħa ħarġet filmat ġdid. F’dan il-filmat, il-Papa Franġisku jenfasizza l-importanza li jiġi apprezzat il-kontribut li l-migranti u r-refuġjati jagħtu għat-tkabbir soċjo-ekonomiku tal-komunitajiet li jilqgħuhom. Il-Papa jgħid li l-promozzjoni tat-talenti tagħhom jippermetti lil kull membru tal-komunità jikber flimkien bħala soċjetà.
“Tagħhom huwa potenzjal li lest biex jiġi realizzat jekk biss nagħtuhom ċans. Fl-opinjoni tiegħek, kif nistggħu nrawmu l-iżvilupp ta’ dan il-potenzjal?”
Sabiex juri li l-migranti għandhom kontribut x’jagħtu lill-pajjiżi li jilqgħawhom, il-filmat jirrakkonta l-istorja ta’ Lucy Juah, refuġjata tas-Sudan t’Isfel li bħalissa qed tgħix il-Kenja. Hija mpjegata bħala ħaddiem tal-komunità, u fil-ħin liberu tagħha hija tħejt bla ħjatat (seamless), kif ukoll taħdem it-tie-dye. Lucy tagħmel ukoll il-butir tal-karawett (peanut butter) u tbigħu lis-Servizzi għar-Refuġjati tal-Ġiżwiti (JRS).
“Nista’ nara x-xogħol tiegħi bħala li għandu impatt soċjali u ekonomiku fil-komunità fejn qegħdha niġi milqugħha, għax ġejt integrata fil-komunità,” tgħid hi, “u għandi nisa li qed jiġu għandi u jitolbuni nħarriġhom, speċjalment kif nagħmel il-butir tal-karawett”.
Lucy għallmet is-sengħa tagħha lil ħafna nies oħra, li min-naħa tagħhom qed jgħinu biex jipprovdu għall-familji tagħhom stess. Hija tinnota li anke x-xiri tal-materja prima biex isir il-butir tal-karawett fil-komunità lokali huwa wkoll mod kif tikkontribwixxi ekonomikament għall-komunità ospitanti.
“Bħala refuġjati, aħna ma nidħlux biss b’idejna vojta; għandna xi ħaġa li nafu li nistgħu naqsmuha mal-komunità li tilqgħana. Oħrajna huma tobba; oħrajn huma infermiera; oħrajn huma esperti tar-riżorsi umani. Għandhom ħiliet, u jistgħu jtejbu anke l-ekonomija tal-Kenja”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-07/pope-francis-migrants-refugees-day-video.html