Importanti li l-ħajja tgħixha b’saqajk mal-art

Print Friendly, PDF & Email

Patri Dr Ray Francalanza, Agostinjan, jiddeskrivi kif jara l-ħajja fi ktieb ġdid tiegħu

Michael Caruana

“It-tpespisa tat-tama: noti, krib u fwawar mit-taħbit ta’ qalbi” hu t-titlu ta’ ktieb ta’ Patri Dr Ray Francalanza, Agostinjan, ippubblikat mid-Dar tal-Pubblikazzjonijiet Horison. Fid-daħla tal-ktieb, Fr Ray jgħid li hawn min il-ħajja jaraha avventura, missjoni, u fiha jsib skop. Imma hawn min bil-maqlub. Jaraha vojta, iqisha piż, kollha sfidi u slaleb. Hawn min il-ħajja jaraha sabiħa, mimlija seħer, barkiet u ġmiel.

Imma hawn min bil-maqlub, jgħid Fr Ray. Jaraha skura, kollha saram u inkwiet. Hu l-ħajja jaraha vjaġġ u kuljum jipprova jimxi fir-ritmu tiegħu. Xi drabi jirnexxielu u xi drabi le.

Għal Fr Ray kollox hu vjaġġ. Isemmi fil-ktieb frammenti ta’ vjaġġi li għex f’ħajtu u li bihom induna li l-polz ta’ ħajtu għadu jtektek. Għadu ħaj! Ipprova għalhekk jiġbor ir-riflessjonijiet ta’ dan il-vjaġġ f’ħames taqsimiet: tieqa mbexxqa f’qalbu, mill-qawsalla tal-ħajja, il-qima fl-ispirtu u l-verità, meta l-ħajja ssir talba u kliem li ma żvintax.

F’dawn il-ħames taqsimiet hemm l-għajta tal-karba u l-għanja tat-tama u fihom jagħmel riflessjonijiet dwar frażijiet tal-Iskrittura, uħud minnhom kliem Ġesù nnifsu, li fi żminijiet differenti missewlu qalbu. Kliem Ġesù ħafna drabi hu provokattiv u fihom issib espressjonijiet li jgħinuk timxi fit-triq tal-awtentiċità waqt li għadhom il-qawwa li jqajmu l-kuxjenza rieqda tagħna. Fl-aħħar tal-ktieb Fr Ray jaqsam xi noti li joffru kuntest għal din il-kitba.

L-awtur jgħid li mhux jistenna li kulħadd se jifhem il-vjaġġ tiegħu, iktar u iktar, jekk dak li jkun ma jkunx mexa l-istess triq tiegħu. Imma jemmen li hemm barra, x’imkien, xi ħadd se jifhem żgur. Iżid li l-ħajja se tibqa’ miexja. Importanti li l-ħajja tgħixha b’saqajk mal-art. Għalih hu importanti iktar li dak li jkun ma jitlifx fih il-misteru u l-estasi. It-taħbit ritmiku fih għadu hemm u pprova jpoġġi l-ħsibijiet tiegħi f’kitba. Dan għamlu għax jaf li għad jasal jum li fih ma jkunx jista’ ilissen kelma iktar u, waqt li l-vjaġġ tal-ħajja se jibqa’ sejjer, hu wkoll se jkompli jterraq u jtir sakemm fl-aħħar jasal ħdejh.

Il-vjaġġ ta’ Fr Ray f’din il-kitba wasal fi tmiemu, imma l-vjaġġ ta’ ħajtu, tiegħek li qed taqra u ta’ kulħadd, se jkompli. L-istess kif se jkompli jċekċek l-arloġġ tan-natura u tkompli ż-żifna tal-irjieħ. Se jibqa’ r-riħ taż-żmien jonfoħ, itir, itajjar, imewweġ, jitqalleb, jinqaleb, iqalleb, jaqleb, iħabat, jaħbat, isabbat u jissabbat. Jissokta li sakemm nibqgħu ħajjin aħna nibqgħu nterrqu u naqdfu bil-boxla jew mingħajr kumpass lejn dak li mhuwiex hawn. Lejn dak li hu l-aktar imbiegħed. U kif fl-imgħoddi, u bħall-preżent, hekk ukoll f’li ġej se jkompli l-vjaġġ tal-ħajja fl-ilwien kollha tagħha.

Il-ktieb “It-tpespisa tat-tama: noti, krib u fwawar mit-taħbit ta’ qalbi” jinsab għall-bejgħ mingħand il-librara ta’ kotba reliġjużi jew mingħand Horison stess, Triq l-Iskultur, Ħal Qormi, telefon 2144 1604 jew online www.outlook.coop

%d bloggers like this: