QUDDIESA GĦAS-SEMINARISTI OLANDIŻI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Kappella Pawlina,
15 ta’ April 1982
Fit-Talba li f’Ħamis ix-Xirka bgħatt lis-saċerdoti kollha tal-Knisja, jiena ktibt: L-Ewkaristija hija fuq kollox id-don magħmul lill-Knisja. Don inespressibbli. Is-saċerdozju wkoll huwa don lill-Knisja, meta wieħed jikkonsidra l-Ewkaristija” (Ġwanni Pawlu II, Precatio, Feria V in Cena Domini, anno MCMLXXXII recurrente, universis Ecclesiae Sacerdotibus destinata, 8, die 25 mar. 1982: vide supra, p. 1068).
Huwa tajjeb u utli li niftakru għal moment fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika speċjali, din iċ-ċelebrazzjoni saċerdotali kwintessenzjali tas-saċerdozju tal-Knisja fil-forom u l-gradi differenti tagħha: Papa, Isqfijiet, saċerdoti u futuri saċerdoti.
Alla tant ħabbna li ta lil Ibnu uniġenitu (cf. Ġw 3, 16), u dan tant ħabbna li umilja lilu nnifsu billi sar ubbidjenti sal-mewt tas-salib (cf. Fil 2, 8) u ħelisna mid-dnubiet b’demmu (cf. Ap 1, 5). Ma konniex aħna li ħabbejna lil Alla, imma kien hu li ħabb lilna u bagħat lil Ibnu bħala vittma ta’ espijazzjoni għal dnubietna (cf. 1 Ġw 4, 10).
Il-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet, hija don tal-imħabba u tal-ħniena nfinita ta’ Alla għalina u għalhekk ukoll is-sagrament tas-sagrifiċċju feddej tas-salib, l-Ewkaristija, u s-sagrament tal-ministeru tal-Ewkaristija, is-saċerdozju, huma don tal-imħabba divina bla limiti. Don lill-Knisja, lill-fidili, imma fi speċi evidenti don lill-ministri nfushom, lis-saċerdoti. Imissna mela naraw il-vokazzjoni saċerdotali qabel kollox bħala don inespressibbli ta’ Alla, li għalih għandna nkunu miftuħin b’umiltà u gratitudni kbira. Don għal kollox immeritat li nirċievu favur il-Knisja, meta wieħed iqis fuq kollox l-Ewkaristija, u li jmissna mela neżerċitaw bħala servizz awtentiku u umli lill-Knisja, lill-fidili.
Nixtieq nistedinkom biex b’żelu titolbu lil Alla f’din iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika, sabiex huwa jagħtina l-grazzja li nqisu u li ngħixu dejjem is-saċerdozju bħala don inespressibbli ta’ Alla u bħala servizz lejn il-fidili. Biex inkunu nistgħu nagħmlu dan b’sinċerità u b’mod fruttuż, ejjew nikkonvertu lejn Alla u nitolbu l-maħfra ta’ dnubietna.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb