VELJA PASKWALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru,
10 ta’ April 1982
1. Fiċ-Centru tal jum, li għadu kemm għadda, hemm qabar. Il-qabar ta’ Kristu. Kien, dan il-jum tas-Sibt Imqaddes. Il-Vġili tal-Għid.
Fiċ-ċentru tal-Ġimgħa l-Kbira hemm imqiegħed is-Salib ta’ Kristu.
Fiċ-ċentru ras-Sibt Imqaddes – il-qabar ta’ Kristu.
Dan il-qabar għandhom quddiem għajnejhom it-tliet nisa: Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salome meta ma sbieħ il-jum ta’ wara, “il-jum ta’ wara s-Sibt”, imorru fuq il-post tad-dfin ta’ Kristu qabel tlugħ ix-xemx.
L-inkwiet ewlieni tagħhom jiġi mfisser b’dan il-kliem: “Min se jgerbilhom il-blata minn quddiem id-dħul tal-qabar?” (Mk 16,3).
Il-qabar: il-post fejn hu midfun Kristu, Dak li ġismu jridu jidilku biex jipproteġuh b’mod tempestiv mill-azzjoni tal-mewt.
U hekk hu, il-qabar vojt.
In-nisa jaraw li l-blata ġiet imgerrba – u jidħlu fil-qabar…
Ma’ sebħ il-jum ta’ wara s-Sibt jinbidel b’mod radikali x-xefaq tal-ħsibijiet u tas-sentimenti ta’ dawk kollha li kienu raw is-salib ta’ Kristu, mewtu u d-difna tiegħu. Ta’ dawk li kienu raw il-qabar bil-blata imgerrba quddiemu.
F’nofsillejl tal-lejl ta’ wara u mas-sebħ tal-jum ta’ wara s-Sibt iqiegħed lilu nnifsu l-qabar vojt.
Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Salome għall-ewwel beżgħu: “… kienu mimlija biżà u twerwir” (Mk 16,8). Kienu mimlija biżà u twerwir, minkejja dak li kienu semgħu minn xuftejn iż-żagħżugħ li kienu sabu fil-qabar. Liebes ilbies abjad. Minkejja – jew jistà jkun minħabba dan.
Iż-żagħżugħ kien qalilhom: “Qam, mhuwiex hawn… se jmur qabilkom il-Galilea” (Mk 16,6s).
Huma iżda ma kinux jafu jirrepetu din l-aħbar. “U ma qalu xejn lil ħadd, għaliex beżgħu” (Mc 16,8)
U hawn hi l-ewwel xbiha li l-liturġija tal-vġili tal-għid fi tmiemha, tipproponi quddiemna.
2. It-tieni xbiha tiġi mingħand San Pawl.
Biex nibdew mill-jum li jmiss – il-jum ta’ wara s-Sibt – id-dixxipli ta’ Kristu iffamiljarizzaw ruħhom ma’ din ir-realtà l-ġdida: il-qabar vojt.
Bdew isejħulha b’isimha.
Bil-mod il-mod fehmu wkoll li fil-qawmien mill-imwiet tal-Mulej kien jinsab it-twettiq ta’ dak kollu li huwa kien għamel u dak li kien għallem.
Pawlu Appostlu fl-ittra lir-Rumani, mela qrib is-sena 57, jiġifieri 25 sena wara l-ġrajjiet tal-Għid – jikteb:
“… Konna mgħammda fi Kristu Ġesù, konna mgħammda fil-mewt tiegħu…aħna mela indfinna flimkien miegħu fil-mewt sabiex bħalma Kristu kien irxuxtat mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nistgħu nimxu f’ħajja ġdida” (Rm 6,4).
Għalihom mela: għall-ewwel ġenerazzjoni apostolika ta’ konfessuri ta’ Kristu – u wkoll għalina:
fiċ-ċentru tal-velja paskwali hemm l-ewwel “il-bniedem il-qadim”, il-bniedem tad-dnub, li għandu jmut flimkien ma’ Kristu, għandu jkun miegħu midfun – sabiex fil-mewt redentriċi ta’ Kristu imut id-dnub – u sabiex fit-tbexbix tal-Ħadd tal-Għid jitwieled il-“bniedem il-ġdid”. Il-bniedem li mill-ġdid jerġà lura għall-ħajja permezz ta’ Kristu.
Hawn hi l-analoġija apostolika “tal-qabar vojt”.
“Il-qabar vojt” ifisser mhux biss il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Dan ifisser ħajja ġdida – il-ħajja tal-Grazzja. Dan ifisser “il-bniedem il-ġdid”.
Hekk mela għandna l-ewwel, fiċ-ċentru tal-Ġimgħa l-Kbira, is-Salib. U Pawlu jikteb: “Il-bniedem il-qadim tagħna ġie msallab miegħu sabiex… ma nibqgħux iktar skjavi tad-dnub. Infatti min miet, huwa issa ħieles mid-dnub” (Rm 6,6s).
Wara, fiċ-ċentru tas-Sibt Imqaddes, jimponi ruħu l-qabar. U Pawlu jikteb: “Ingħaqadna għal kollox miegħu b’mewt tixbaħ lil tiegħu” (Rm 6,5).
Is-Sibt Imqaddes huwa l-vġili ta’ Ħadd il-Għid. Mas-sebh tal-Ħadd li wasal biex jiġi, in-nisa jsibu l-qabar vojt. L-Appostlu jikteb (u dan il-kliem qisu karba li tidwi ta’ fidi u ta’ tama):
“Kristu li qam mill-imwiet ma jmutx iktar; il-mewt m’għandhiex iktar qawwa fuqu” (Rm 6,9). Tridu tifhmu li intom “mittu għad-dnub, imma ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù” (Rm 6,11).
Hawn hi t-tieni xbiha tal-liturġija tal-Velja.
3. Ejjew nilqgħu s-skiet tan-nisa mwerwra għad-dehra tal-qabar vojt, mas-sebħ tal-jum ta’ wara s-Sibt.
U ejjew nilqgħu din il-karba tal-Appostlu mill-ittra lir-Rumani.
Ilqgħuha b’mod speċjali intom, għeżież ħuti rġiel u nisa, li matul dan il-lejl tal-Velja se tirċievu mingħand Kristu l-ħajja l-ġdida fis-sagrament tal-Magħmudija.
Ejjew nilqgħuha aħna lkoll, li lilna din il-ħajja ġiet mogħtija. Jilqgħuha dawk kollha li fihom ġiet imġedda permezz tas-sagrament tal-Penitenza.
Kristu sar fina lkoll il-ġebla tax-xewka tal-kostruzzjoni l-ġdida.
4. Hekk mela, waqt li kollox għadu mċajpar mil-lejl tal-Għid, ejjew inqajmu qlubna lejn il-Ħajja l-Ġdida:
“Hawn hi l-opra tal-Mulej: / meravilja għal għajnejna” (Sal 117 [118],23).
U flimkien mas-Salmista ejjew niżżu ħajr:
“Iċċelebraw il-Mulej għaliex hu tajjeb: / għaliex eterna hija ħnintu. / Għid Iżrael li huwa tajjeb: / eterna hija ħnintu. / …il-leminija tal-Mulej għoliet ‘il fuq, / il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ tal-għaġeb” (Sal 117 [118],1-2.16).
Dan il-lejl tal-Velja ixandar it-twettiq tal-misteru paskwali:
Fiċ-ċentru tal-Ġimgħa l-Kbira jinsab is-Salib – fiċ-ċentru tas-Sibt Imqaddes – il-qabar ta’ Kristu – mas-sebħ tal-lejl tal-vġili – tiżvela ruħha il-qawwa tal-leminija tal-Mulej.
Il-qabar vojt jixhed il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu: se nkunu magħqudin miegħu …ukoll permezz tal-qawmien mill-imwiet” (Rm 6,5).
Intom, għeżież Neofiti (Novizzi), aħna lkoll, għeżież ħuti rġiel u nisa, waqt li nieħdu sehem f’din l-Ewkaristija, ejjw inġeddu fina din iċ-ċertezza ta’ fidi, mistqarra minn xuftejn is-Salmista: “Jiena ma nmutx, nibqà ħaj / u nxandar l-opri tal-Mulej” (Sal 117 [118],17).
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb