QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TA’ RENNES U ROUEN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 17 ta’ April 1982
Għeżież żgħażagħ ta’ Rennes u Rouen.
Il-ferħ tagħkom, personali u komunitarju, jinqara fuq l-uċuh kollha tagħkom. Nistà niskopri r-raġunijiet! Intom la dubju kuntenti li għamiltu esperjenza ta’ ħbiberija fraterna u ta’ approfondiment tal-fidi fiċ-ċentru nnifsu tal-Knisja, fuq il-passi tal-Appostli Pietru u Pawlu u ta’ tant martri. Qalbkom, bħal dik tad-dixxipli ta’ Emmaws, hija mħeġġa f’din iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju ta’ Kristu madwar is-suċċessur attwali ta’ Pietru, f’dan il-post li b’mod hekk qawwi jfakkar il-ħolqien u r-redenzjoni tad-dinja, grazzi lil artisti ġenjali. Hemm bżonn inżid li jien stess jien tassew kuntent li ninsab f’nofskom? Iltqajt u akkumpanjajt tant żgħażagħ fil-korsa ta’ ħajti ta’ saċerdot u ta’ Isqof! Grazzi tal-preżenza ġovanili tagħkom u hekk konfortanti għall-qalb tal-Papa u tal-Knisja! Grazzi talli xtaqtu titolbu miegħi, mal-Arċisqfijiet tagħkom u l-edukaturi l-oħra li jikkonsagraw ruħhom b’mod hekk ġeneruż għas-servizz tagħkom!
U issa, ejjew ninġabru, biex inħallu l-Kelma ta’ Alla timla qlubna. L-ewwel qari, meħud mill-Atti tal-Appostli, huwa tassew stimolanti għal xi żgħażagħ insara bħalma huma intom. Tafu tajjeb li l-ewwel xhieda ta’ Kristu – bħal tant oħra mbagħad fil-korsa ta’ għoxrin seklu – kienu arrestati, interdetti, meqjusa nies kwalunkwè u mingħajr tagħlim. Intom ħielsa, u m’intomx bla kultura!
Imma t-titlu tagħkom ta’ nsara, l-istil tal-ħajja nisranija tagħkom, l-azzjoni tagħkom għal Kristu u għall-Vanġelu, setgħu diġa – u għadhom jistgħu – jipprovokaw nuqqas ta’ fehim u wkoll oppożizzjoni…
Għeżież ħbieb, iffissaw spiss ħarsitkom fuq l-ewwel dixxipli, Pietru, Ġwanni u l-oħrajn, u għamlu tagħkom id-deċiżjoni qalbiena: “Impossibbli għalina li ma ngħidux dak li rajna u smajna…”.
Huwa minnu li l-kumpanija ta’ Ġesù kienet imliethom: it-tagħlim tiegħu hekk ġdid fir-rigward ta’ dak tal-Iskribi, l-asserzjonijiet straordinarji dwar ir-rapporti tiegħu ta’ Iben mal-Missier. L-eżempji ta’ kuljum tiegħu tad-don tagħhom infushom, it-tmiem traġiku tiegħu offrut għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, ir-rebħa xokkanti fuq il-mewt! Jiena ċert li intom ukoll għamiltu tul il-kors ta’ dawn il-jiem, migħuxa f’Ruma jew f’Assisi, sejba ġdida u jistà jkun ukoll li deċiżiva ta’ Ġesù Kristu u tal-misteru tal-Knisja tiegħu. Ma tistgħux u m’ghandkomx iżżommu għalikom biss din l-esperjenza tal-għaġeb: Intom xhieda!
Il-qari tal-Vanġelu ta’ Marku huwa ugwalment tassew inkuraġġanti għalikom! Marija Madalena, il-mdimba, mibgħuta mill-ġdid u meħlusa minn Ġesù, issir xhud imħeġġeġ, li x-xettiċiżmu tad-dixxipli inikket bla dubju, imma ma jiskuraġġix. U dawk, amikevolment imċanfra minn Ġesù talli ħallew ruħhom jintrikbu mid-dubju, jaraw ruħhom afdati b’missjoni meraviljuża: dik li jmorru fid-dinja kollha biex ixandru l-Bxara t-Tajba. Innutaw sewwa, infatti: Alla għani bla tarf bil-ħniena, isejjaħ dejjem esseri fraġli u midimba biex jikkoperaw mal-opra tiegħu.
Dalgħodu, Kristu – u jien nagħmel lili nnifsi eku ta’ leħnu – qed jibgħatkom ilkoll mingħajr eċċezzjoni, bil-għana u l-faqar tagħkom. “Morru fid-dinja kollha”; irrid ngħid; illum fid-dijoċesijiet tagħkom ta’ Rennes u Rouen, għada fil-postijiet u l-pajjiżi li fihom sejra tiżvolġi ruħha ħajjitkom ta’ adulti!
Intom dixxipli tassew ta’ Kristu, medjaturi tal-messaġġ evanġeliku tiegħu. Il-bnedmin jinħtieġu tant il-Bxara t-Tajba biex joħorġu mill-materjaliżmu tal-ambjent, tas-superfiċjalità, u wkoll tal-impressjoni tan-nuqqas ta’ sens tal-eżietenza. Għinuhom jaqraw, u jgħixu bil-profondità nisranija, dak li diġa għandu sens fuq il-pjan tal-eżistenza tagħhom umana, per eżempju il-ħbiberija, l-imħabba, il-familja, il-kultura, il-professjoni, l-impenn soċjali, is-solidarjetà mat-Tielet Dinja.
Ġesù Kristu,li miet u rxoxta, se jgħallimkom dejjem u, permezz tagħkom, se jgħallem lill-oħrajn, biex jagħtu lil dawn ir-rejaltajiet sens u valur li jmorru ‘l hemm mis-sempliċi oriżżont terren! Xi Bxara Tajba għalikom u għalihom!
Kristu jorbot fuqkom! U intom ġeddidtulu l-impenn tagħkom fil-Battisteru ta’ San Giovanni in Laterano, il-Katidral tad-dijoċesi tiegħi. Nixtieq nenfasizza li Kristu jobot fuqkom tant li jsejjaħ uħud minnkom irġiel u nisa biex isegwuh u biex jikkonsagraw ruħhom totalment għas-servizz tal-Knisja tiegħu. Nafda dan l-awgurju mħeġġeġ lill-interċessjoni tal-Verġni Marija, Omm Kristu u l-Knisja.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb