Ġwanni Pawlu II lill-Fokolari

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA KKONĊELEBRATA MAS-SAĊERDOTI
MEMBRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 30 ta’ April 1982

1. “U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm  Ġesù, u ma’ ħutu” (At 1,14).

Dan il-kliem tal-ewwel qari bibbliku, għeżież ħuti fil-presbiterjat, joqogħdu tajjeb għal-laqgħa tagħna tallum, li qiegħda sseħħ fil-kwadru sollenni u fl-istess ħin gawdjuż ta’ ċelebrazzjoni ewkaristika. Dan il-kuntest ta’ talb, iżda, ma jimpedix li nippreżentalkom it-tislima kordjalissima tiegħi, li volontarjament nestendi lill-Ministri Anglikani, lir-Rgħajja Evanġeliċi u lil Ħutna Ortodossi tal-Istitut Regensburg, li qegħfdin jassistu għal dan ir-rit, waqt li nawgura li jasal fis il-jum li fih ikun possibbli is-sehem komuni fl-Ewkaristija.

Niżżi ħajr lir-rappreżentanti tagħkom għall-indirizzi ndirizzati lili u b’mod speċjali nesprimilkom il-ferħ profond tiegħi li nistà niċċelebra magħkom din il-Liturġija. Il-ferħ tiegħi mhuwiex immotivat biss minn numru konsiderevoli, li bih ġejtu għal dan l-appuntament singolari minn bosta Pajjiżi tal-Ħames Kontinenti, imma wkoll minn raġunijiet iktar profondi. Fl-ewwel post, dan il-mument skwiżitament saċerdotali, li qegħdin ngħixu, joffrilna l-okkażjoni propizja għal riflessjoni, minbarra li għal esperjenza, dwar in-natura u dwar id-dmirijiet tal-ħajja presbiterjali, li tant parti ta’ responsabiltà għandha fil-kuxjenza u fl-istess konfigurazzjoni tal-Knisja bħala Poplu ta’ Alla, ġisem ta’ Kristu u tempju tal-Ispirtu Santu. Fit-tieni post, ukoll jekk mhix l-ewwel darba, jien kuntent li qed niltaqà magħkom, presbiteri dijoċeżani u reliġjużi, li tappartienu lill-Moviment tal-Fokolari.

Dan il-Moviment huwa issa mxerred bil-kbir u nawgura li jkun jistà jimpenja ruħu dejjem iktar għas-sejbien mill-ġdid ta’ valuri awtentiċi evanġeliċi fl-intern tal-komunità nisranija, hekk li jikkontribwixxi għal rivalutizzazzjoni tal-identità batteżimali minn naħa, u b’mod speċjali dik presbiterjali min-naħa l-oħra.

2. Naf li ltqajtu biex taħsbu mill-ġdid dwar il-figura tas-Saċerdot ministerjali. Kif għandu jkun hu, biex jaqdi bil-mod l-iktar effikaċi u skont il-pjanijiet ta’ Alla l-Knisja u l-umanità tallum?

Id-domanda hija altament impenjattiva, u t-tweġiba li tiġi mogħtija ma tistax ċertament tkun indfifferenti la għall-fehim tal-misteru saċerdotali linqas għall-istess ħajja nisranija. Ta’ għajnuna kbira f’din ir-riflessjoni, jistgħu jkunu xi komponenti kbar tal-messaġġ evanġeliku, li saru wkoll kolonni tal-ispiritwalità tal-Moviment tal-Fokolari; hekk huma iż-żewġ ċentri fundamentali ta’ Ġesù msallab u tal-unità fil-karità, li l-Moviment jerġà jieħu mill-Vanġelu, waqt li jenfasizzahom u japplikahom f’forom imġedda. Fir-realtà, mhu possibbli ebda tiġdid, linqas prattiku,  jiġifieri ta’ ħajja u ta’ stil pastorali, jekk ma jerġax jeħodna u jistabbilina b’mod sod fuq il-komponenti essenzjali tal-fidi nisranija. Ebda attività u wisq inqas ebda attiviżmu ma jistà jassumi li jistabilixxi ruħu fuqu nnifsu, l-istess bħal ma ebda siġra ma tistà tgħix b’qawwa endoġenika, imma tiffjorixxi biss fil-qies li fih l-għeruq tagħha jinżlu f’art għanja u fertili, jew, bħalma jgħid is-Salmista, tkun b’mod meqjus “imħawla għal għonq il-kurrenti tal-ilma” (Sal 1,3). Din l-art fertili, dan l-ilma li jagħti l-ħajja, huwa għalikom, għalina lkoll, il-kontemplazzjoni kostanti tal-misteru ċentrali tar-Rivelazzjoni, oġġett tal-fidi tal-Knisja, tal-adorazzjoni u taċ-celebrazzjoni tagħha. Ladarba mottiv inawdit tar-riskatt u allura tal-libertà u tal-ferħ ta’ kull min jemmen. Dan huwa l-misteru tal-imħabba bla qies u inkomparabbli ta’ Alla għall-bniedem, għalina, li intweriet, anżi kienet iddokumentata bid-don totali tiegħu magħmul minn Ibnu (cf. Ġw 3,16; Gal 2,20).

3. Ftit jiem ilu ċċelebrajna l-misteru Paskwali, u għadna ngħixu liturġikament temi kbar, sublimi u  profondi, tat-tneżżih estern  li l-Iben ta’ Alla għamel minnu nnifsu sal-mewt u sal-mewt tas-Salib, biex imbagħad ikun intronizzat fil-glorja ta’ Alla (cf. Fil 2,6-11) u  jifrex fuqna l-Ispirtu tiegħu ta’ ħajja (cf. At 2,33; 1Kor 15,45).Fuq kollox is-Salib ta’ Kristu  jiddomina quddiem il-ħars tal-fidi tagħna bħala dimostrazzjoni sofferta, daqs qatt qabel, tal-imħabba  bla tarf li biha Alla fdiena, waqt li ħafrilna kull infedeltà tagħna u waqt li laqagħna fil-familjarità ta’ komunjoni  miegħu xejn mistennija. Ejjew naħsbu dwar kemm dan sewa: id-demm prezzjuż ta’ Kristu (cf. 1Pt 1,18-19), il-għajta tiegħu, għalkemm konfidenti, ta’ abbandun fuq l-għuda tall-kastig tiegħu (cf. Mk 15,34), il-mewt tiegħu.

Fil-quċċata tan-niket tiegħu hemm il-quċċata ta’ mħabbtu.

Issa, hawn niskopru mottiv fundamentali, li jsir stimolu inevitabbli, biex nieħdu sehem b’qalbna kollha fit-tbatijiet ta’ Kristu msallab u abbandunat, hekk li ngħixu f’unjoni ntima miegħu l-ġrajjiet personali u speċjalment l-impenji ministerjali ta’ kuljum bħala espressjoni ta’ mħabba għal Alla u għal ħutna (cf. Ef 5,1-2). Waqt li nnħaddnu fil-provi ta’ kuljum lil Ġesù batut, ningħaqdu mal-Ispirtu tal-Irxoxt u l-qawwa restorattiva tiegħu (cf. Rm 6,5; Fil 1,19).

Hawn hu għaliex, fl-Ittra ndirizzata lill-Presbiteri kollha tal-Knisja għall-Ħamis ix-Xirka li għadda, jiena kont ktibt f’forma ta’ talba: “Aħna twelidna…mill-Ġisem u mid-Demm tas-sagrifiċċju feddej tiegħek…

Aħna twelidna fl-Aħħar Ċena u, fl-istess ħin, f’riġlejn is-Salib fuq il-Kalvarju” (Ġwanni Pawlu II, Precatio, Feria V in Cena Domini anno MCMLXXXII recurrente, universis Ecclesiae Sacerdotibus destinata, 1, die 8 apr. 1982: vide supra, p. 1061). Dan il-fatt primordjali, li jsejjes l-identità tagħna, jistieden u jistimola lil kull imgħammed, li jkun laqà s-sejħa għas-Saċerdozju ministerjali, biex jikkonferma, anzi jikkopja dejjem iktar lil Kristu, uniku u etern Saċerdot, u biex isib biss fis-sehem miegħu il-veru raġuni tal-eżistenza ta’ ħajtu.

U jekk dan jgħodd diġa għal kull presbiteru dijoċeżan, ferm iktar ir-reliġjużi se jaraw f’Ġesù msallab l-għerq ta’ dawk il-virtujiet kollha, li għandhom jikkaraterizzaw ħajjithom b’konsagrazzjoni partikolari, ukoll fl-imitazzjoni tal-kariżmi tal-Fundaturi tagħhom. Għal kulħadd tibqà determinanti l-identifikazzjoni mad-disponibiltà assoluta ta’ Ġesù għar-rieda tal-Missier, hekk li r-rieda tal-wieħed issir identika ma’ dik tal-ieħor. “Hawn jien, niġi biex nagħmel ir-rieda tiegħek… U hu appuntu għal dik ir-rieda li aħna ġejna mqaddsa permezz tal-offerta tal-Ġisem ta’ Ġesù Kristu, magħmula darba għal dejjem” (Lh 10,9.10). Huwa biss jekk il-presbiteru jagħmel tiegħu dan il-kliem fl-esiġenza konkreta tiegħu, u jestendih għall-oqsma kollha tal-eżistenza tiegħu, ikun jistà jgħid b’verità sħiħa, kif jesprimi ruħu l-Konċilju Vatikan II, li jaġixxi “in persona Christi” (Lumen Gentium, 10).

4. Hemm element ieħor tal-ispiritwalità evanġelika li l-Moviment tal-Fokolari għamel tiegħu u li jistħoqqlu wkoll xi konsiderazzjonijiet tagħna: l-għaqda li Ġesù talab lil Missieru qabel ma miet (cf. Ġw 17,21). Huwa għat-tneżżih ta’ Kristu sal-abbandun u l-mewt li aħna ġejna magħmula ħaġa waħda miegħu u bejnietna (cf. Gal 3,26-28; Ef 2,14-18). U meta Ġesù jagħtina l-kmandament li nħobbu lil xulxin bħal ma ħabbna hu (cf. Ġw 15,12), jistedinna biex ikollna bħala qies tal-imħabba reċiproka tagħna l-istess qies tiegħu; u huwa appuntu dan li jistà jiffrutta l-għaqda għaliex l-imħabba dejjem tgħaqqad lil min jieħu sehem fiha. Fl-għaqda, imbagħad, dak li jkun jisperimenta ħajja l-preżenza ta’ Ġesù  rxoxt, li fih appuntu aħna ħaġa waħda. Sewwa kien esprima ruħu San Iljun il-Kbir: “L-Iben ta’ Alla ħa fuqu n-natura umana b’għaqda hekk intima li jkun Kristu uniku u identiku mhux biss f’dak li huwa l-primoġenitu ta’ kull krejatura, imma wkoll fil-qaddisin kollha tiegħu” (S. Iljun il-Kbir, Discorso 12 sulla Passione: PL LIV, 355). Fl-għaqda mwettqa fil-ħajja presbiterjali tagħhom, is-saċerdoti jsibu id-dar vera tagħhom, li tikber u tissaħħaħ fil-komunjoni mal-Isqfijiet u mal-Papa. Magħqudin f’ismu, Kristu ma jistax ma jkunx f’nofshom (cf. Mt 18,20): kemm biex jagħti effett lill-Kelma ta’ Alla “li lkoll għandhom id-dritt li jfittxu fuq xuftejn is-saċerdoti” (Presbyteroum Ordinis, 4), kif ukoll għal ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fertili u tas-Sagramenti l-oħra (cf. Ivi. 5), kif ukoll biex mill-ġdid jgħaqqad ladarba rgħajja “il-familja ta’ Alla bħala fraternità animata fl-għaqda (Ivi. 6). Ir-Reliġjużi, barra minn dan, isibu fil-prattika tal-komunjoni fraterna rapport iktar strett mal-Fundatur tagħhom u l-possibiltà li jġegħlu tiddi l-ispeċifiċità tal-kariżmi tagħhom  (cf. Lumen Gentium, 46). B’dan il-mod, ilkoll flimkien nitrażmettu lid-dinja raġġ talinqas minn dik il-komunjoni superjuri u inegwaljabbli li torbot lill-persuni tat-Trinità Qaddisa waħda mal-oħra (cf. Gaudium et Spes, 24), f’misteru fertili tal-ħajja.

5. Fil-Vanġelu li għadu kemm inqara f’din il-Liturġija, smajna l-kliem indirizzat minn Ġesù fuq is-salib rispettivament lil Ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb, waqt li ta l-waħda lill-ieħor f’bidla ta’ rapporti flimkien materni u filjali (cf. Ġw 19,26-27). Huwa magħruf ukoll li l-Moviment tagħkom jissejjaħ ukoll “Opra ta’ Marija”, u għal dan ukoll mhux possibbli ninjoraw referenza għall-post li Omm Ġesù għandha jkollha fil-ħajja presbiterjali. It-test evanġeliku li għadu kemm ġie kkwotat joffrilna l-mudell tad-devozzjoni marjana tagħna. “Minn dak il-waqt id-dixxiplu ħadha f’daru” (Ġw 19,27). Jistà jingħad l-istess għalina? Nilqgħu wkoll aħna lil Marija f’darna? Infatti, imissna ndaħħluha għal kollox fid-dar ta’ ħajjitna, tal-fidi tagħna, tal-affezzjonijiet tagħna, tal-impenji tagħna, u nagħrfulha l-irwol matern li huwa propju tagħha, jiġifieri funzjoni ta’ gwida, ta’ twissija, ta’ eżortazzjoni, jew ukoll ta’ preżenza siekta, li weħedha kultant tistà tkun biżżejjed biex tispira qawwa u kuraġġ. Mill-bqija, l-ewwel qari bibbliku fakkarna li l-ewwel dixxipli, wara t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù, kienu miġbira “ma’ Marija, Omm Ġesù” (At 1,14). Fil-komunità tagħhom, mela, kien hemm hi wkoll: anzi, kienet forsi hi li tipprovdilha koeżjoni.

U l-fatt li tiġi kkwalifikata bħala “Omm Ġesù” jesprimi kemm Hi kienet konnessa mal-figura ta’ Binha: ngħidu, jiġifieri li Marija dejjem u biss tfakkar il-valur feddej tal-operat ta’ Ġesù, Salvatur uniku tagħna, u mill-oħra ngħidu wkoll li li temmen f’Ġesù Kristu ma jistax jonqos milli jfehmna fl-att tal-fidi tagħna wkoll il-figura ta’ Dik li kienet Ommu. Fil-familja ta’ Alla, u ferm iktar fil-familja presbiterjali, Marija tgħasses id-diversità ta’ kull wieħed fl-intern tal-komunjoni fost kulħadd. U fl-istess ħin Hija tista tkun għalliema tad-disponibiltà għall-Ispirtu Santu, ta’ kondiviżjoni vibranti tad-dedikazzjoni totali ta’ Kristu għar-rieda tal-Missier, b’mod speċjali ta’ sehem intimu fil-passjoni tal-Iben u ta’ fertilità spiritwali fit-twettiq tal-ministeru tagħna. “Hawn hi ommok” (Ġw 19,27): kulħadd iħoss indirizzat lilu dan il-kliem u għal din ir-raġuni jibni fiduċja u impetu għal mixja dejjem iktar deċiża u kalma fit-triq impenjata ta’ ħajtu saċerdotali.

6.Ħuti għeżież, grazzi għal din id-dimostrazzjoni tallum ta’ komunjoni bejnietkom u mas-suċċessur ta’ Pietru. Din hija komunjoni li minn hawn u ftit ieħor se nsaħħu permezz ta’ dik sagramentali li, waqt din il-Liturġija, se nissikkaw billi nħossu, iva, l-indinjità kollha tagħna, imma li wkoll billi nifirħu, flimkien mal-Mulej innifsu. U, fid-dawl ta’ din ir-rabta ewkaristika, intennilkom il-kliem ta’ San Pawl lil Timotju. Ġeddu llum u kuljum id-don ta’ Alla li hemm fikom permezz tat-tqegħid tal-idejn (cf. 2Tm 1,6). U dejjem jitlà mill-intimu tagħkom l-kantiku tal-Magnificat, li qrajna ftit ilu. Ikkultivaw spiritwalità solida, billi tgħaqqduha mas-sorsi ta’ talba li ma taqtax, ma’ studju serju qatt ittraskurat, ta’ fraternità tassew migħuxa. Ladarba ħafna tridu tagħtu lill-oħrajn, fittxu li tagħnu ruħkom dejjem iktar fl-għerf u fil-grazzja. U jalla ħadd minn dawk li jersqu lejkom ma jkollu jitbiegħed deluż, imma kull wieħed u waħda jsibu fikom dawl għall-intelliġenza tagħhom, sħana għal qalbhom, sostenn għall-passi tagħhom.

Kunu dejjem imfawra bil-ferħ għar-rigal tal-presbiterjat, li tiegħu Kristu sommu u etern saċerdot, għamilkom parteċipi; agħtu dejjem xhieda kalma u inċiżiva ta’ ħajja awtentikament evanġelika,  sabiex  il-kariżma tal-vokazzjoni tagħkom tkun stimolu effikaċi u sors fertili ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi oħra, li jiffjorixxu minn tant qlub, speċjalment żgħażagħ, miftuħin u disponibbli għall-istedina u għas-sejħa ta’ Ġesù, li jistenna ħaddiema għall-ħsad abbondanti tad-dinja.

U kunu ċerti li, min-naħa tiegħi, nibdel dawn il-wegħdiet f’talb u nirrakkomandakom bil-qalb lill-Mulej, sabiex “jirrendikom perfetti f’kull ġid, sabiex tkunu tistgħu twettqu r-rieda tiegħu, billi jopera fikom dak li jogħġob lilu permezz ta’ Ġesù Kristu, li lilu tkun glorja għal dejjem ta’ dejjem.

Amen” (Eb 13,21).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: