QUDDIESA GĦAL GRUPP TA’
SEMINARISTI U Ż-ŻGĦAŻAGĦ KROATI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
L-Erbgħa, 27 ta’ April 1982
Għeżież seminaristi u studenti!
Ġejtu Ruma għand il-Papa biex tesprimulu il-fedeltà u l-imħabba tagħkom. Dan għalija huwa mottiv ta’ ferħ kbir u konsolazzjoni.
Intom, għeżież seminaristi, qegħdin tħejju ruħkom biex issiru saċerdoti ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja Kattolika. F’din l-okkażjoni nixtieq nafdalkom xi ħsibijiet dwar it-tħejjija tagħkom għas-saċerdozju.
Is-saċerdozju huwa don ta’ Alla. Il-Mulej Ġesù għażel fost il-bnedmin bħala saċerdoti tiegħu dawk li hu ried. Il-ħarsa amoruża tiegħu waqfet fuq kull wieħed minnkom, sejħilkom biex issegwuh, biex tieħdu sehem fis-saċerdozju tiegħu. Inħeġġiġkom għalhekk biex tiżżuh ħajr kull waqt u kull moment lil Alla għad-don tal-vokazzjoni sacerdotali, u żżommuh b’konsiderazzjoni kbira u tikkultivawh. Kunu mkabbrin u kuntenti għaliex Kristu sejħilkom! Agħrfu il-kobor u s-sbuħija tas-saċerdozju!
Bl-entużjażmu ġovanili tagħkom ingħataw lil Kristu u offrulu b’mod ġeneruż imħabbitkom! Dawk kollha li jersqu lejkom ikunu jistgħu jinnutaw il-ferħ tagħkom u l-kuntentizza tagħkom li intom seminaristi u msejħa biex twasslu lil kulħadd il-bxara mimlija ferħ u l-frott meraviljuż tal-Qawmien mill-Imwiet!
Tkunu saċerdoti tajbin u appostli żelanti jekk issa, matul is-snin tas-Seminarju, tħejju ruħkom bis-serjetà u l-perseveranza għal servizz hekk eżaltanti lil Alla u lill-bnedmin. Imma dan ifisser li l-ewwel u qabel kollox tisimgħu lil Kristu u timitawh. Issa intom orjentati bl-esseri kollu tagħkom lejn il-kelma u l-eżempju ta’ Kristu: dan huwa oġġet tal-qari, tal-meditazzjonijiet u l-istudji tagħkom. Dan il-perijodu hekk privileġġjat tal-ħajja tagħkom huwa ddestinat biex tiksbu formazzjoni tejoloġika sħiħa li ssir parti ntegranti ta’ ħajjitkom, b’mod li l-veritajiet u l-istimoli tar-Rivelazzjoni divina – li issa qegħdin tistudjaw – isiru l-ġebla tax-xewka tal-personalità tagħkom, li trid tikber sal-milja ta’ Kristu! Għalhekk kunu doċli u ubbidjenti għall-Ispirtu Santu, li huwa l-ewwel Għalliem tagħna u li bla dubju se jiggwidakom fil-proċess ta’ konfigurazzjoni tagħkom dejjem iktar perfetta ta’ Kristu sabiex intom ukoll tkunu tistgħu tgħidu mal-Appostlu: “Ngħix jien, imma mhux iktar jien, jgħix fija Kristu”!
Bħala saċerdoti se tkunu l-ministri tal-Ewkaristija. Sa minn issa għixu pjenament l-Ewkaristija, kunu persuni li għalihom iċ-ċentru u l-quċċata ta’ ħajjithom kollha huma l-Quddiesa, il-Komunjoni u l-adorazzjoni ewkaristika. Mingħajr fidi profonda u mħabba għall-Ewkaristija ma jistax ikun hemm saċerdot veru. Imma din il-fidi u l-imħabba jiġu mitluba u mitmugħa inċessament fid-devozzjoni ewkaristika reali.
Offru lil Kristu qalbkom żagħżugħa fil-meditazzjoni u fit-talb personali. It-talb is-sies tal-ħajja spiritwali. Is-saċerdot huwa b’vokazzjoni speċifika l-bniedem tat-talb.
Tgħallmu itolbu u rrepetu mal-Appostli t-talba sħuna: “Mulej, għallimna nitolbu!”.
Itolbu bil-ferħ u b’konvinzjoni sħiħa, mhux bi dmir u konswetudni. It-talb tagħkom ikun l-espressjoni konkreta tal-imħabba lejn Kristu. Sfurzaw biex issiru għalliema tajbin tat-talb sabiex għada tkunu tistgħu b’mod denn tiggwidaw lill-komunitajiet insara fis-servizz divin.
Mill-għoli tas-salib Ġesù ta bħala omm lill Ommu lid-dixxiplu għażiż u appostlu Ġwanni, u fih lis-saċerdoti u l-appostli futuri kollha. Ma tistgħux issiru saċerdoti veri skont il-Qalb ta’ Kristu jekk ma taċċettawx lil Marija bħala ommkom. Dan ifisser li Hi għandha tkun il-gwida tagħkom fl-għarfien, fl-imitazzjoni u fl-imħabba lejn Binha. “Per Mariam ad Iesum”, hawn hi l-vera devozzjoni li għandha żżejjen lil ruħkom f’dawn is-snin ta’ tħejjija.
Ikollkom ukoll f’moħħkom preżenti li ma tistgħux issiru saċerdoti tajbin mingħajr ċaħdiet u mortifikazzjonijiet, mingħajr axxetika b’saħħitha. L-ubbidjenza tagħkom tkun l-espressjoni u s-sinjal tal-ubbidjenza ta’ Kristu lill-Missier. It-tħejjija tagħkom serja u matura għall-kastità kkonsagrata tkun sinjal u espressjoni ta’ mħabbitkom għal Kristu u għall-erwieħ li huwa feda f’demmu. Il-faqar tagħkom ikun is-sinjal u l-espressjoni ta’ donazzjoni totali għas-Saltna ta’ Alla: “Fittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla, u l-bqija jingħatalkom bix-xabgħa!” U fl-aħħarnett, il-ħbiberija u l-għaqda sinċiera u fraterna tagħkom ikunu sinjal u espressjoni tal-komunità ta’ Kristu tul dan il-pellegrinaġġ terren turbulenti.
Ikollkom fiduċja f’dawk li l-Knisja tagħtkom bħala gwida lejn is-saċerdozju, is-Superjuri tagħkom. Istmaw, fittxu u għixu serjament id-direzzjoni spiritwali tant meħtieġa u nsostitwibbli għal mixja kalma, għall-paċi u ċ-ċertezza interna fit-triq lejn l-altar u tul il-korsa kollha tal-ħajja saċerdotali.
Għeżież seminaristi, il-Knisja mqaddsa tistenna minnkom li tkunu persuni serji, maturi u responsabbli, għaliex jekk is-saċerdozju huwa don kbir ta’ Alla lil kull wieħed minnkom, dan iżda jingħatalkom għall-ġid tal-Knisja kollha, u b’mod speċjali għall-Knisja li tinsab fost il-poplu Kroat. Il-Knisja tistenna minnkom li tkunu persuni spiritwali, jiġifieri li b’ħajjitkom u bil-kondotta tagħkom tixhdu b’mod kredibbli u konvinċenti l-preżenza ta’ Alla u l-valuri spiritwali fis-soċjetà tagħna, li fil-parti l-kbira tagħha hija kkaratterizzata mill-materjaliżmu u l-ateiżmu, imma wkoll minn għatx inestingwibbli ta’ Alla u ta’ valuri spiritwali. Intom, bħala saċerdoti, se taħdmu u tgħixu f’soċjetà tali u tridu tkunu l-ħmira evanġelika. Kunu għalhekk entużjasti, ferrieħa u rikonoxxenti li ġejtu msejħa. Kunu għall-kontemporanji tagħkom provokazzjoni u stimolu sabiex isegwukom, kunu sa minn issa appostli tal-vokazzjonijiet qaddisa. Kuniu konsapevoli tal-fatt li Alla jsejjaħ il-ħaddiema għall-ħsad tiegħu wkoll permezz tagħkom.
Fl-aħħarnett, ħsieb qasir għalikom ukoll, studenti għeżież ħbieb tiegħi. Dak li għedt lis-seminaristi jgħodd għalikom ukoll bl-adattament dovut għall-vokazzjonijiet rispettivi tagħkom. Kunu rikonoxxenti lejn il-Mulej għad-don tal-fidi u tal-pleġġ batteżimali. Għixu u ixhdu b’mod konsistenti u b’kuraġġ il-fidi tagħkom, kunu intom ukoll il-ħmira tal-ħajja nisranija kulfejn issibu ruħkom u taħdmu. Għixu bil-ferħ u b’mod konsistenti l-jiem taż-żgħożija tagħkom biex għada tkunu persuni kapaċi, insara tajbin, ċittadini onesti, bennejja taċ-ċiviltà tal-imħabba, preżenza ħajja ta’ Kristu Rxoxt f’nofs dawk kollha li magħhom se taqsmu l-pellegrinaġġ tagħkom fuq din l-art. Kunu membri attivi tal-Knisja, ħobbu lill-Knisja, la tistħu qatt minn Ommkom! Kunu kollaboraturi tar-Rgħajja tagħkom fis-servizz tal-poplu tagħkom fi triqtkom lejn pajjiżna ċelesti.
Lilkom ilkoll, lill-għeżież tagħkom, kif ukoll liż-żgħażagħ l-oħra kollha fid-dijoċesijiet tagħkom minn qalbi nagħtikom il-barka apostolika tiegħi. Amen!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb