Ġwanni Pawlu II fil-festa ta’ Marija Reġina tal-Polonja

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-FESTA TA’
MARIJA REĠINA TAL- POLONJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tnejn, 3 ta’ Mejju 1982

Ikun Imfaħħar Ġesù Kristu!

Għeżież ħuti. Ejjew illum ningħaqdu b’mod partikolari mal-konnazzjonali tagħna f’Art Twelidna, ma’ ħutna l-Pollakki li f’dan il-jum iqimu lil Marija bħala Omm u Sultana tal-Polonja. Din hija l-festività ewlenija, it-3 ta’ Mejju. Flimkien magħhom ejjew nitolbu, nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Flimkien magħhom ejjew nisimgħu l-Kelma ta’ Alla: L-Apokalissi u l-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, imma fuq kollox il-Vanġelu li fih l-Appostlu u l-Evanġelista Ġwanni jgħaddi l-ikbar ġrajja ta’ ħajtu, jasserixxi mill-ġdid il-waqt li fih huwa jiġi ppreżentat minn Kristu lil Ommu bħala iben, mogħti, afdat, rakkomandat bħala iben. Ġesù qal: “Hemm hi ommok… hemm hu ibnek!” (Ġw 19,26-27). U hekk, fit-talb, waqt li nimmeditaw il-Kelma ta’ Alla, ejjew inħarsu, bħal fi priżma eterna, wkoll lejn il-ġrajjiet qrib u mbegħda tal-istorja tagħna. Fuq kollox ejjew inħarsu lejn dik il-ġrajja li minnha issa jifirduna kważi mitejn sena: il-Kostituzzjoni tat-3 ta’ Mejju. Ġrajja enormi! Huwa sinifikattiv li dan jaħbat fil-vġili tal-qasma definittiva ta’ Art Twelidna. Jidher mela li l-Kostituzzjoni baqgħet ittra mejta. U wkoll l-esperjenza storika tixhed li l-Kostituzzjoni iffurmat il-ħajja tan-nazzjon, ukoll taħt id-dominju stranġier u fis-sistema l-oħra. Hija saret ir-ruħ tal-ħajja soċjali, tal-ħajja nazzjonali u tul l-għaxriet ta’ snin, tul il-ġenerazzjonijiet ħejjiet lill-antenati tagħna għar-rikostruzzjoni tal-indipendenza. Issa donnu li huwa destin storiku tagħna: dak li minnunfih huwa diġa programm ta’ ħajja, irid, kultant, ikun attwat fil-ħajja bi prezz tal-mewt. Hekk seħħ appuntu bil-Kostituzzjoni tat-3 ta’ Mejju.

U l-eqred ġrajjiet tagħna, ta’ dawn is-snin, donnhom li għandhom elokwenza simili. Aħna konxji li l-ġrajjiet tas-snin tmenin marbuta mal-kelma “Solidarnosc” għandhom huma wkoll skop kbir fil-ħajja tan-Nazzjon u fl-aspirazzjoni tiegħu għsall-identità, u fir-rieda li jifforma l-futur. Minkejja li li kellhom jissaportu l-piż tal-esperjenza storika, aħna ma nitilfux il-konvinzjoni li dawn il-kontenuti u wkoll dawn il-ġrajjiet – bħal darba waħda l-Kostituzzjoni tat-3 ta’ Mejju – se jiffurmaw l-ħajja tan-Nazzjon. Għaliex ġejjin minn ruħu, iwieġbu lil ruħu, u n-Nazzjon – jekk għandu jgħix – irid jgħix b’ruħu propja!

U huwa għalhekk li lejn il-ġrajjiet viċini u mbegħda għandna nħarsu mill-priżma ta’ dawn il-kelmiet eterni, li kienu ppronunzjati mill-għoli tas-Salib. Permezz tal-priżma ta’ dawn il-kelmiet, li bihom il-bniedem ġie afdat lil Omm Alla bħala binha. F’dan l-uiniku bniedem aħna lkoll inħossuna afdati lil Marija. U għalhekk ngħixu bil-għarfien ta’ dan l-affidament lil Omm Alla, bħan- nazzjon kollu. Mhux biss kull wieħed għalih, imma bħala komunità. Inħossuna mgħannqin minn dawn il-kelmiet: “Hawn hu ibnek”; inħossuna ulied u nqisuha bħala Ommna. U din il-maternità tagħha nestenduha għall-ġenerazzjonijiet kollha, għall-ġrajjiet kollha mnbegħda u viċini.

Fl-evoluzzjoni ta’ dawn il-ġrajjiet, li minkejja fid-diffikultajiet ma qatgħux li jkunu għalina dejjem mimlija tama, naqraw is-sinjali tal-maternità tagħha. Jibqgħu tagħna! Jibqgħu tagħna għaliex għandna l-Omm. Il-maternità hija s-sors tal-identità għal kull wieħed u waħda minna. L-ewwel dritt tal-bniedem huwa dak li jigi b’mod dirett mill-maternità.

U hekk ukoll din il-maternità singolari ta’ Marija, mgħoddija darba waħda lill-Evanġelista u Appostlu Ġwanni, u mifruxa lil tant bnedmin u lil nazzjonijiet sħaħ, u fuq kollox lin-nazzjon tagħna, tagħtina sens partikolari ta’ identità. Tippermettilna li ngħixu bit-tama u li navanzaw lejn il-futur, waqt li niżżu ħajr ta’ dak kollu li fil-passat kien tajjeb u krejattiv.

Il-ġurnata tallum tistedinna biex naħsbu dwar dan kollu b’mod partikolari. Sinjal partikolari ta’ preżenza, tal-preżenza materna tal-Ġenitriċi ta’ Alla, f’nofsna, hija Jasna Gora. Niftakruh dan illum għaliex huwa it-3 ta’ Mejju. Niftakruh ukoll għaliex din hija s-sena ta’ Jasna Gora – 600 sena tal-preżenza tagħha f’nofsna fix-xbiha ta’ Jasna Gora. U hekk ilkoll bil-qalb ejjew nimxu dan il-pellegrinaġġ ukoll fit-toroq ta’ ħajjitna.

Naħseb dwar il-pellegrinaġġ tiegħi f’Jasna Gora, ili żmien naħseb fih u nixtieq li nwettqu. Dan inqisu dmir tiegħi, id-dmir tal-qalb, id-dmir ta’ iben lejn l-Omm. Lejha u lejn in-nazzjon tiegħi, jien moralment impenjat li nmur flimkien mal-konnazzjonali tiegħi bil-mixi għand is-Sinjura ta’ Jasna Gora għal dan l-anniversarju kbir. Inqis ukoll li għandhom jinħolqu kondizzjonijiet adegwati għal dan u nikkonsidrah f’isem il-prestiġju tal-Polonja u fl-isem ta’ nazzjon millenarju.

Għeżież ħuti miġburin hawn, qrib il-Grotta ta’ Lourdes, ejjew inħossuna bħallikieku preżenti spiritwalment f’Jasna Góra u ejjew ngħixu l-misteru kollu ta’ dak il-post sagru, l-elokwenza kollha ta’ dik ix-xbiha, ta’ dik il-maternità, li kienet mogħtija d-difiża tan-nazzjon tagħna. Għaliex il-maternità hija dejjem għall-ħajja, għad-difiża tal-ħajja. Jekk il-lum hija mportanti l-ħajja ta’ kull bniedem, mill-bidu tal-waqt tal-konċepiment, bl-istess mod hija mportanti wkoll il-ħajja tan-nazzjon kollu, li tiegħu tħossok iben, iben ikkonċeput, dejjem f’kontinwazzjoni, dejjem iġġenerat, dejjem adoloxxenti u matur, dejjem marbut mal-identita tiegħu u mas-sens tar-rabta tal-omm: kemm ma’ din l-Omm li għandek hawn fuq din l-art, Art Twelidek, kif ukoll mal-Omm li hija l-iktar mudell perfett tal-ommijiet kollha, hekk tal-Knisja bħal tal-Patrija: mal-Omm Ċelesti, ir-Reġina tal-Polonja, il-Verġni ta’ Jasna Gora.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: