Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ San Mauro Abbati

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA
TA’ SAN MAURO ABBATI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 9 ta’ Mejju 1982

  1. “Lilek tifħiri, Mulej, fil-laqgħa tal-aħwa, alleluia”.

Ejjew illum nirrepetu dan il-kliem tas-Salm, għeżież ħuti, propju tal-liturġija ta’ dan il-Ħames Ħadd tal-Għid. B’mod speċjali fl-okkażjoni ta’ din il-vista pastorali fil-parroċċa tagħkom, ejjew inħossu li aħna komunità li tibqà f’għaqda mal-Knisja kollha, f’għaqda, anzi, mal-laqgħa l-kbira tal-Poplu ta’ Alla. Il-komunità tagħna hija marbuta ma’ din il-laqgħa tal-Poplu ta’ Alla permezz ta’ rbit multiplu. Dan l-irbit għandu bidu f’Alla, Missier, Iben u Spirtu Santu, u jwassal għand Alla.

U hekk f’din il-laqgħa kbira hemm dawk kollha li qegħdin “ifittxu lil Alla” u “Ifaħħruh”; u hemm “foqra” li se jkunu “mxebbgħa” (cf. Sal 22 [21],27). Il-laqgħa tal-Poplu ta’ Alla testendi ruħha “sat-truf kollha tal-art”.  Minn kullimkien “se jiftakru u se jerġgħu lura għand il-Mulej it-truf kollha tal-art. Se jinxteħtu minn tulhom quddiemu l-familji kollha tal-poplu” (Sal 22 [21],28).

Il-laqgħa tal-Poplu ta’ Alla ma tagħrafx il-limiti tal-mewt: lill-Mulej “se jinxteħtu minn tulhom quddiemu dawk kollha li jorqdu taħt l-art, quddiemu se jiltwew dawk kollha li jinżlu fit-trab” (Sal 22 [21],30).

Il-komunità kbira terrena u ċelesti, temporali u eterna, tingħaqad ma’ Alla, li huwa il-Bidu u t-Tmiem ta’ kollox u ta’ kulħadd. F’nofs din il-laqgħa kbira kull ruħ umana, kull bniedem isib postu quddiem Alla: minnu jiksbu l-ħajja, lilu jaqdu, dwaru jkellem lill-bnedmin ġodda, lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda fuq l-art.

“U jien se ngħix għalih, / isservih id-dixxendenza tiegħi. / se titkellem dwar il-Mulej lill-ġenerazzjoni li ġejja; / se jħabbru l-ġustizzja tiegħu; / lill-poplu li se jitwieled…” (Sal 22 [21],30-32).

2. Tali xbiha tiddeskrivi ruħha quddiemna permezz tal-kliem tas-Salm responsorjali tal-liturġija tallum. Insibu xebħ bejn dan il-kwadru bibbliku u t-tagħlim dwar il-Poplu ta’ Alla, miġbur fil-kostituzzjoni konċiljari dwar il-Knisja  Lumen Gentium.

Bdanakollu, biex tifhem għal kollox ir-realtà tal-Knisja bħala Poplu ta’ Alla, kif il-laqgħa l-kbira magħquda tagħti identita ta’ ispirazzjoni u aspirazzjoni, jinħtieġ li nerġgħu naqraw b’attenzjoni u meditazzjoni fil-fond tal-qalb l-allegorija preżenti fil-Vanġelu tallum, jiġifieri x-xbiha tad-dielja u tal-friegħi, li Kristu esprima, skont ir-relazzjoni ta’ Ġwanni evanġelista, il-jum ta’ qabel il-Passjoni u l-Mewt tiegħu, fl-Aħħar Ċena.

“Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqà fija u jiena fih, jagħmel ħafna frott, għaliex mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15,5).

Din il-laqgħa kbira, mhux biss ta’ bnedmin, imma wkoll ta’ popli, li tilħaq it-truf tal-art, tegħleb il-limiti tat-temporalità u tal-mewt tal-individwi u tal-ġenerazzjonijiet; dan il-Poplu lkbir ta’ Alla jikkostitwixxi għaqda, grazzi lil Kristu. Jikkostitwixxi għaqda permezz tiegħu, bih u fih, b’xebħ tal-għaqda tad-dielja, jiġifieri ta’ organiżmu ħaj; u hija allura għaqda ta’ ħajja.

Grazzi għall-fatt li l-istess ħajja tiġri fid-dielja u fil-friegħi, dawn jikkostitwixxu għaqda.  Huwa mid-dielja li l-friegħi jieħdu l-ħajja, u minħabba f’hekk jikkostitwixxu magħha organiżmu ħaj.

Grazzi għall-fatt li bnedmin hekk numerużi u hekk differenti taħt l-aspett tal-ġenerazzjonijiet, tal-lingwi, tar-razez, tal-kulturi, tal-ġogfrafija, jieħdu l-ħajja minn Kristu, huma  jikkostitwixxu ħaġa waħda.

Huma “Poplu”. Imma mhux biss: Sa Pawl se jgħidilna li huma “Ġisem”.

Dak li Kristu, skont ir-rakkont ta’ Ġwanni evanġelista, esprima bil-metafora tad-dielja, Pawlu esprimieh bil-paragun tal-ġisem.

3. Ix-xbiha tad-dielja (bħal dik tal-ġisem f’Pawlu) tippermettilna fl-istess ħin li nsibu f’din l-għaqda “soċjali” il-post ta’ kull bniedem miksub b’mod individwali. Iva. Kristu, b’mod partikolari, jitnikker maġemb kull wieħed u waħda. Waqt li jgħid: “Jiena id-dielja tassew u Missieri huwa l-bidwi”, jgħid fl-istess ħin: “Kull fergħa li fija ma tagħmilx frott, ineħħija u kull waħda li tagħmel il-frott, jiżborha biex tagħmel frott iktar” (Ġw 15,1-2).

Kristu iktar qabel jgħid: “Intom diġa ndaf, minħabba l-kelma li għidtilkom…” (Ġw 15,3).

Jgħid “intom”, u permezz ta’ din l-“intom” irid jilħaq lil kull “int” uman: jaħseb b’mod singolari għal “kull fergħa”.

Ukoll wara huwa stress, jgħid: “Ibqgħu fija u jiena fikom” (Ġw 15,4). U minnufih wara: “Bħalma l-fergħa ma tistax tagħmel frott weħedha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk intom ukoll jekk ma tibqgħux fija” (Ġw 15,5).

Kristu jgħid “intom” u b’dan irid ifisser “kull wieħed minnkom”. Ix-xbiha li jimmarka tirrigwarda lilu stess bħala Dielja: fih biss hemm tant friegħi, jiġifieri tant bnedmin, numerużi infinitament. Imma fl-istess ħin “kull fergħa” tfisser kull bniedem. Il-multipliċità ma ssirx massa. Kull fergħa għandha mad-dielja l-kuntatt propju tagħha. Similment kull bniedem ma’ Kristu

Dan ir-rapport intimu ma’ Kristu huwa fl-istess ħin kuntatt, fi Kristu, mal-Missier. Il-Missier jikkultiva l-għalqa kbira tal-umanità, li tagħmel il-frott permezz tal-għaqda magħmula mill-bnedmin kollha fl-opra tar-Redenzjoni mwettqa mill-Iben. Huwa fl-Iben, fi Kristu, li jitwettaq dak il-proċess ħaj ta’ żbir tal-friegħi, sabiex kull waħda minnhom “tagħmel iktar frott” (Ġw 15,2).

U wkoll fih – b’referenza għar-Redenzjoni li wettaq – jiżvolġi l-proċess ta’ eliminazzjoni tal-friegħi li ma jagħmlux frott.

Ix-xbiha tat-test evanġeliku tallum iġġegħlna naħsbu b’mod partikolari fil-Knisja: id-dielja bħala l-Poplu ta’ Alla u bħala l-Ġisem Mistiku. Il-Knisja bħala “aħna” u bħala “jien”. Il-Knisja bħala “ilkoll” u bħala “kull wieħed” u kull “waħda”.

4. Il-vitalità tal-Knisja hija determinata mill-qawwa tar-rabta bejn Kristu u “kull wieħed” u “kull waħda” tal-membri tagħha. Dik it-“tibqgħu fija” tifforma ruħha permezz tal-imtenni u l-multiplu “ibqà Fija”. Kultant din l-istedina qawwija “Ibqà fija” tippossiedi l-kapaċità li testendi ruħha għal bosta sejħiet oħra. Biex testendi ruħha f’tant, tant stediniet oħra biex “nibqgħu” f’għaqda ma’ Kristu, bħal f’dielja.

Il-prova ta’ dan jistà jkun Pawlu ta’ Tarsu. L-ewwel qari bibbliku tallum ifakkar kemm qawwija kienet is-sejħa ta’ Kristu biex “jibqà” fih fir-rigward ta’ bniedem, li sa dak il-waqt kien persekutur, tant li, wara l-konverżjoni, “meta wasal Ġerusalem kien ifittex li jingħaqad mad-dixxipli, imma kollha kellhom biżà minnu, billi kien għadhom ma emmnux li hu kien dixxiplu” (At 9,26).

F’salt wieħed, f’dik il-fergħa li s’issa kienet qiegħda tikber kważi  b’dispett tad-dielja, donnha bdiet tinħass il-Ħajja vera, dik li tħabbat fi Kristu bħala dielja. U hekk hu li jibda jikber b’mod differenti, fl-għaqda l-iktar stretta miegħu. U jibda jagħmel frott abbundanti, soprabbundanti, billi kien jaf jikseb mingħand Kristu l-qawwa apostolika tiegħu kollha, ladarba mingħajru xejn ma kien ikun jistà jagħmel (cf. Ġw 15,5)

5. Ġwanni l-evanġelista u appostlu – li llum ikellimna mhux biss bil-Vanġelu, imma wkoll bil-kliem tal-ewwel ittra tiegħu – jispjega kif kull wieħed u waħda minna, f’ “kull fergħa”, għandha tiżviluppa dik il-ħajja, li tieħu l-bidu tagħha mid-dielja li hija Kristu.

Jikteb mela: “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem linqas bl-ilsien, imma bil-fatti u fis-sewwa. Minn dan inkunu nafu li aħna fil-verità; u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna…” (1Ġw 3,18-19).

Infatti, dan l-irbit ħaj, li jgħaqqadna ma’ Kristu, jilħaq l-intern tal-bniedem, lil qalbu. Dwar dan jikteb Ġwanni: “Jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla huwa aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox… jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla…għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu” (1Ġw 3,20-22).

Ejjew nagħrfu dan il-polz intern tal-qalb – il-kuxjenza – li ċċanfarna” jew “ma ċċanfarniex” skont ma noperaw ħażin jew inkella tajjeb. Fi kliem ieħor: skont ma nosservaw il-kmandamenti ta’ Alla.

Jekk nosservawhom – jikteb l-Appostlu – “ejjew ikollna fiduċja f’Alla; u kull ħaġa li nitolbuh nirċevuha mingħandu” (1Ġw 3,21-22).

Għal dak li komunament jiġi msejjaħ “l-Appostlu tal-imħabba”, din għandha x’taqsam qabel kollox mal-kmandament tal-imħabba: “Li nemmnu f’isem Ibnu Ġesù Kristu u nħobbu lil xulxin skont il-preċett li huwa tana” (1Gw 3,23).

Permezz tal-fidi u l-imħabba nibqgħu fi Kristu, bħall-fergħa fid-dielja – hekk nipproklamaw il-kliem tal-Vanġelu. Fl-ittra tal-Appostlu, iżda naqraw: “Min josserva l-kmandamenti ta’ Alla jgħammar f’Alla u hu fih” (1Ġw 3,24).

Permezz tal-fidi u l-imħabba nibqgħu fi Kristu bħall-fergħa fid-dielja, hu iżda jibqà fina – hekk jgħid it-test evanġeliku. Min-naħa tagħha l-ittra apostolika tikteb: “U minn dan nagħrfu min jgħammar fina: mill-Ispirtu li hu tana” (1Ġw 3,24).

Kristu jibqà fina permezz tal-Ispirtu Santu. U billi nibqgħu fi Kristu, nibqgħu fl-għaqda ħajja mal-Missier.

6. Il-Kelma ta’ Alla tal-Liturġija tallum tippermettilna li nġeddu fina l-għarfien tal-Knisja bħala Poplu ta’ Alla u bħala Ġisem ta’ Kristu. Tal-Knisja li aħna aħna: “kollha” u “”kull wieħed” u “kull waħda””.

Jalla din il-verità tgħinna ngħixu b’mod iktar profond il-komunità kostitwita mill-parroċċa tagħkom, b’mod speċjali fil-jum taż-żjara tar-Ragħaj tagħkom, l-Isqof ta’ Ruma.

Jien għalhekk għandi l-pjaċir insellem lill-Kardinal Vigarju, lill-Isqof taż-żona, Monsinjur Clemente Riva, mal-Kappillan u l-Viċi—Kappillan, li jaħdmu b’mod ġeneruż għall-ġid ta’ kulħadd. Magħhom tingħaqdu intom ilkoll, għeżież parruċċani ta’ San Mauro al Laurentino, li tiffurmaw din il-komunità minn sena u nofs ilu biss. Il-kostituzzjoni riċenti ta’ din il-Parroċċa tirrendikom ilkoll żgħażagħ! Għandkom quddiemkom mixja ekkleżjali u nisranija li għad trid titwettaq kollha: u nawguralkom, u nitlob lill-Mulej, sabiex l-iżvilupp tal-parroċċa tagħkom iħaddan il-Kwartier kollu fis-sinjal ta’ xhieda effikaċi ta’ Kristu u tal-Vanġelu tiegħu, u fuq kollox sabiex kull wieħed u waħda minnkom iħossuhom parti ħajja minn dan id-dmir, pjenament responsabilizzati fil-kostruzzjoni ta’ komunità nisranija ġdida u mdawla f’Ruma.

Għal dan, niżżi ħajr u fl-istess ħin ninkuraġixxi b’qawwa lil dawk kollha li diġa jiddedikaw ruħhom b’żelu għall-inizjattivi parrokkjali meħtieġa: is-sorijiet u r-reliġjużi, il-katekisti, il-membri tal-Movimenti Kattoliċi. Lilkom ilkoll nassikura tifkira speċjali fit-talb; speċjalment lill-batuti, sabiex ikunu jafu joffru b’qawwa t-tbatijiet tagħhom; lill-ħaddiema, sabiex ma tonqos qatt il-possibiltà ta’ okkupazzjoni onesta u sikura; għaż-żgħażagħ, sabiex jaraw is-sbuħija li jinvolvu  f’ħajja nisranija awtentika l-enerġiji tagħhom u l-entużjażmi tagħhom.

7. Fi tmiem din il-laqgħa meraviljuża, ejjew nerġgħu nisimgħu kliem Ġesù moqri fil-Vanġelu: “Ibqgħu fija u jiena fikom; min jibqà fija… jagħmel ħafna frott (Ġw 15,4.5). Kull wieħed u waħda minna ejjew inħossu din l-istedina ndirizzata lilna. U kull wieħed u waħda ejjew nagħrfu niskopru l-verità profonda kollha. Fi Kristu biss ħajjitna tiffjorixxi fil-milja tagħha. Ejjew, għalhekk, nibqgħu fih:  fid-dawl tiegħu, fi mħabbtu, fil-ferħ tiegħu. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: