Ibqa’ fil-ħemda …

Print Friendly, PDF & Email

Riflessjoni tajba għal waqt xi adorazzjoni jew waqt xi ‘quiet time’ personali

“J’Alla xejn ma jħawwdek; J’Alla xejn ma jbeżżgħek
Kollox jgħaddi; Alla ma jitbiddilx; il-paċenzja tilħaq kollox’
Min għandu lil Alla ma jonqsu xejn; Alla biss biżżejjed.”

Santa Tereża t’Avila

Ara preżentazzjoni powerpoint …

Fik hemm wisq ħsejjes.   Isma’ fil-fond ta’ dak li int  –  hemm wisq inkwiet f’moħħok u wisq piżijiet f’qalbek.   Ibqa’ waħdek,  isma’ fil-fond ta’ dak li int.   Idħol fir-refuġju ġewwieni tiegħek,  isma’ fil-fond ta’ dak li int.   Il-Mulej hawn u qed isejjaħlek,  iħobbok u jistenniek.    Ibqa’ fil-ħemda quddiem il-Mulej.        Insa  kliemek,  insa tifkirietek,  il-mistoqsijiet,  ir-ridiet,  il-proġetti tiegħek.   Ħares  lejH,  isimgħU mingħajr ma tħalli ilsna qawwijin ikunu ta’ distrazzjoni.   Ibqa’ fis-sliem quddiemU,  itlaq fiH  kull preokkupazzjoni,  kull stennija    –   kull ansjeta’   –   insa kollox.

Ibqa’ mingħajr irbit,  ħieles minn xewqatek,  fqir bħaz-zkuk mejtin fix-xitwa,  żvujtat minn dak kollu li mhux Hu.   Ibqa’ waħdek, mingħajr ċanfir,  mingħajr protesti,  mingħajr xkiel,  mingħajr mistednin barranin,  mingħajr ebda ħaġa ħlief Hu.  

Ibqa’ għal kollox waħdek m’Alla,  mingħajr ma tfittex konsolazzjonijiet umani,  “midfun” miegħU u fiH,  inti biss sabiex tagħtiH qalbek b’rigal.   Ibqa’ mingħajr swied il-qalb,  mingħajr għadab jew irritazzjonijiet,  mingħajr kburija,  mingħajr stampi foloz tiegħek innifsek.   Ibqa’ isma’ kelmtu,  ibdel lilek innifsek f’kelmtu u r-rieda tiegħu.   Ibqa’ mingħajr setgħat,  mingħajr privileġġi,  mingħajr unuri,  mingħajr idoli,  u lil Alla ħallieh ikun Alla. 

Ibqa’ f’adorazzjoni tant profonda li xejn ma jtelliflek il-ġabra,  il-konċentrazzjoni, it-telqa – għax la tbatijiet u l-anqas ferħ ma jkunu qed itellfu din it-telqa.   Ibqa’ fis-skiet quddiem il-Mulej.   Intilef, sparixxi b’mod li Hu biss ikun fik.

“Ibqa’ fis-skiet!”

“Ibqa!”

“Ibqa’ fis-skiet quddiem il-Mulej.”    (Salm 37:7)

Ħajr lil Edward Tagliaferro

%d bloggers like this: