“Il-Mulej iħabbat il-bieb biex jiġi għandna, imma kemm-il darba ħabbat ukoll il-bieb ta’ ġewwa biex aħna noħorġuh!”.
Il-Papa Franġisku offra din il-konsiderazzjoni f’messaġġ awdjo-viżiv, li ntbagħat liż-żgħażagħ li qed jieħdu sehem fl-avveniment “Hechos 29”, jew “Atti 29”. Il-konferenza internazzjonali saret bejn il-5 u s-6 ta’ Awwissu, f’Monterrey, il-Messiku, u ġabret flimkien “evanġelizzaturi diġitali” – Kristjani li qed ifittxu li jevanġelizzaw online u fuq il-midja soċjali – biex iħeġġiġhom ikunu membri attivi tal-Knisja fl-ispazju diġitali.
Fil-messaġġ qasir tiegħu, l-Papa bagħat isellem mill-qalb lill-parteċipanti f’dik li sejjaħ bħala “inizjattiva mportanti”.
“Jalla din il-laqgħa tgħinkom tħossu li intom komunità, bħala parti mill-ħajja missjunarja tal-Knisja, li qatt ma beżgħet tmur lejn orizzonti u fruntieri ġodda u, bil-kreattività u l-kuraġġ, tħabbar il-ħniena u t-tenerezza ta’ Alla”.
Il-Papa Franġisku fakkar ukoll fl-inkoraġġiment li offra lill-Kattoliċi waqt il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fil-Kanada. “Irridu nsibu modi ġodda biex inxandru l-qalb tal-Evanġelju lil dawk li għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu”, tenna. “Dan jitlob kreattività pastorali li kapaċi tilħaq lin-nies fejn qed jgħixu – mhux tistenniehom jiġu – issibu opportunitajiet ta’ smigħ, djalogu u li tilqgħu”.
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ liż-żgħażagħ Kattoliċi biex ma jibżgħux jiżbaljaw hekk kif ifittxu li jevanġelizzaw online.
“Qatt ma niddejjaq nirrepeti li nippreferi Knisja miġrugħa għax tidħol fil-periferiji eżistenzjali tad-dinja, għal Knisja marida għax tibqa’ magħluqa fit-titoli żgħar tagħha”.
Il-Qdusija Tiegħu esprima t-tama tiegħu li l-missjunarji diġitali jistgħu jagħmlu l-internet u l-midja soċjali postijiet li huma “mimlijin umanità, peress li jaġixxu bħala Samaritani Tajba lejn l-oħrajn”. Meta tittratta sew lill-oħrajn online, qal, il-kultura kontemporanja tista’ tasal biex “tkun taf lil Alla billi tħossu fikom”. “Morru wasslu t-tama ta’ Ġesù, speċjalment lil dawk li huma l-aktar imbiegħda, u agħtuhom raġunijiet għat-tama li hemm fihom”, qal.
Il-Papa temm il-messaġġ awdjo-viżiv, b’kelma ta’ inkoraġġiment għall-evanġelizzaturi diġitali kollha. “Jalla l-kliem ikun akkumpanjat mill-karità”, qal il-Papa Franġisku, “u jalla l-virtualità ssaħħaħ il-preżenza sabiex il-web jiġġenera komunjoni li tagħmel lil Ġesù preżenti fil-kultura tagħha stess”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-08/pope-francis-mexico-hechos-29-message-digital-evangelizers.html