Telefonata tal-Papa Franġisku lis-Segretarju tal-Papa Ġwanni XXIII

Print Friendly, PDF & Email

Telefonata li tmur lura għal 2013, ftit jiem wara li l-Kardinal Jorge Mario Bergoglio kien magħżul biex ikun Papa u huwa għażel għalih innifsu l-isem ta’ Franġisku.

“Hello … Monsinjur Capovilla? Jien il-Papa Franġisku”.

Kienu s-6.00pm tat-Tnejn tal-Għid. Mons. Loris Capovilla kien qiegħed fl-istudju tiegħu f’Camaitino di Sotto il Monte u, bħal dejjem, it-telefon iwieġbu hu. Jibqa’ ssummat, għax mill-ewwel jinduna l-vuċi ta’ min hi.

“Għandi f’idejja l-pamflet tiegħek”, qallu l-Papa, “u ridt nirringrazzjak personalment”.

Kien fuljett jintewa maħruġ għas-Sena tal-Fidi, iddedikat lill-“Għid tal-Qawmien fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II”.

Fil-qoxra kellu l-medalja ta’ Manzù, magħmula għall-ftuħ tal-Konċilju, li tirrappreżenta lill-Papa Ġwanni mal-Kardinal Rugambwa, bl-iskrizzjoni “Una, Sancta, Catholica, Apostolica”. Taħt, il-kelmiet “Mal-Papa Franġisku niċċelebraw il-ħamsin sena tal-Pacem in Terris, 11 ta’ April 2013, u l-mewt ta’ Ġwanni XXIII, 3 ta’ Ġunju 2013” u kwotazzjoni minn Iżaija u mill-Apokalissi: “Il-ħwejjeġ ta’ qabel għaddew. Ara, jiena se nġedded kollox”.

Emozzjonat, Mons. Capovilla seta’ jisma’ “n-nifs tal-Papa fil-mikrofonu. Qalli: ‘Qed narak bl-għajnejn ta’ qalbi, kull kelma li ktibt hi prezzjuża daqs omelija’”.

Hawn is-Segretarju ta’ Ġwanni XXIII irnexxielu jirkupra l-prontezza tiegħu tas-soltu, irringrazzjah u skuża ruħu għall-mument ta’ skiet minħabba l-ħasda, waqt li waħħal fl-età: “Issa xjaħt…”.

Imma l-Papa Franġisku wieġbu: “Il-Kardinal Comastri qalli, u mill-vuċi tiegħek nista’ nħoss li l-ispirtu tiegħek għadu żagħżugħ, dak hu li jgħodd”. Fil-fatt kien lill-Kardinal Angelo Comastri, Arċipriet ta’ San Pietru, li Mons. Capovilla kien għadda kopja tal-fuljett bil-messaġġ tiegħu tal-Għid: “Kont għidtlu”, jirrakkonta l-Arċisqof emeritu, “‘Jekk tista’, għaddih lill-Papa’”.

Il-konverżazzjoni bejn Ruma u Sotto il Monte damet ftit minuti, imma kienet intensa. U l-Papa se jżur Sotto il Monte? Min jaf, ma qalu xejn fuq hekk, imma Loris Capovilla tgħallem minn Ġwanni XXIII biex ma jpoġġi qatt limiti lill-Providenza.

Ara … https://www.ecodibergamo.it/stories/Cronaca/364175_il_papa_telefona_a_sotto_il_monte/

%d bloggers like this: