Marija ttellagħna ’l fuq

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 15 ta’ Awwissu 2022: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’Jum is-Solennità tal-Għid tal-Assunta. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Meta tkun l-iktar kuntenta l-omm? Naħseb li kollha kemm aħna għandna esperjenza diretta, jew bħala ġenituri jew bħala wlied. Tgħiduli: ‘Meta tara lil uliedha miġburin’. Dan huwa wieħed mill-istinti profondi tal-omm: li tħoss lil uliedha, dawk li ħarġu minn ġufha, qegħdin madwarha. Imma mhux biss. Kieku jkollhom l-ulied ikunu miġburin mal-omm, imma jkunu f’kunflitt ma’ xulxin, ikollhom xi jgħidu bejniethom, tista’ tkun kuntenta l-omm? L-omm tkun kuntenta meta tara lil uliedha kuntenti.

Tgħid Marija kuntenta bina? Fi kliem ieħor, tarana kuntenti? Nippruvaw inweġbuha bis-serjetà din il-mistoqsija, mhux biex inkunu sibna risposta. Kieku jkolli nistaqsi lili nnifsi: Jien kuntent? Marija kuntenta għax jien kuntent? Naħseb importanti li nagħmluha mistoqsija bħal din, u nsibu r-risposta sinċiera, anki jekk m’aħniex kuntenti. L-importanti li r-risposta tkun sinċiera.

Qabel ilbieraħ ħareġ stħarriġ magħmul fl-Istati Uniti, ma nafx jekk ġiex f’idejkom. Fost ir-riżultati ssorprendieni l-fatt li l-poplu tagħna hu meqjus bħala wieħed mill-iktar popli stressjati u rrabjati. Dan kollu ġagħalni naħseb. Jien ma tantx inħalli lili nnifsi niġi influwenzat mis-servejs; għax sintendi kull stħarriġ, ir-riżultat tiegħu jasal fejn irid iwasslu min ikun qiegħed jagħmlu. Imma naħseb li hija sintomatika li ngħidu li aħna għandna diffikultà aktar minn pajjiżi oħra tal-Ewropa biex inkunu sereni, biex inkunu trankwilli, biex inkunu kuntenti. Dan kollu jrid iġagħalna naħsbu u nirriflettu, imma wkoll nieħdu deċiżjonijiet, nagħmlu għażliet.

Qed nagħmlu Festa kbira lil Santa Marija. U jistħoqqilha festa kbira, u għandna bżonn nagħmlu festa kbira, għax aktar ma l-bniedem jiggranfa mal-art, aktar ma l-bniedem ħsiebu biex jaħdem u jistinka, aktar ma l-bniedem jara biss flus, aktar ma l-bniedem irid biss jasal, aktar ma jħoss li ħajtu hi marbuta mas-suċċessi u l-insuċċessi li jkollu f’din il-ħajja hawn fuq l-art – u din hija realtà tagħna, bil-Knisja b’kollox – aktar inħossu l-bżonn li nħarsu ’l fuq, aktar għandna l-bżonn li jagħtina tama u dawl minn fuq, aktar għandna bżonn tal-Festa ta’ Santa Marija, aktar għandna bżonn tal-Assunzjoni: dik li telgħet is-Sema biex turina t-triq.

Jien nixtieq, bl-għajnuna tal-Evanġelju tal-lum, nagħmlu ftit passi biex naraw kif aħna wkoll illum nistgħu nitilgħu tarġa jew tnejn, nistgħu naqbdu t-triq tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema, biex meta ġurnata nidħlu fil-ħajja l-oħra, aħna magħha ningħaqdu f’rabta sħiħa fl-imħabba tal-Missier li hemm tistenniena.

L-Evanġelju (Lq 1:39-56) b’mod sabiħ ħafna jibda: “F’dawk il-ġranet” (v. 39). Liema ġranet? L-Evanġelista Luqa kien għadu kemm irrakkonta l-ġrajja sabiħa tat-Tħabbira lil Marija, li tisma’ lil Alla jkellimha permezz tal-anġlu. Dawk kienu l-ġranet wara li kellimha l-anġlu u ħabbrilha li hi se ġġorr l-ewwel f’qalbha u f’moħħha lil Alla, għax kienet tħobbu, u għalhekk kienet kapaċi tisimgħu… wara li semgħet lill-anġlu, wara li Alla beda jsir bniedem fil-persuna tagħha, mhux biss f’ġufha. Aħna neħlu wisq mal-bijoloġiku; neħlu wisq mal-fatt li saret omm, mal-maternità fiżika tagħha. Imma Marija, qabel ma saret omm f’ġufha, saret omm f’moħħha u f’qalbha, għax laqgħet din il-Kelma li Alla bagħtilha permezz tal-anġlu.

U x’tagħmel Marija? L-Evanġelju jgħidilna: “F’dawk il-ġranet Marija qamet” (v. 39). Dak il-verb tqum huwa importanti. Irridu ndaħħluha f’moħħna li kull kelma tal-Iskrittura mhix impoġġija hemm bl-addoċċ. Qamet – il-verb bil-Grieg huwa anastase, l-istess verb użat biex ngħidu li Ġesù Kristu rxoxta, qam. Fil-fatt, il-Griegi fl-Għid il-Kbir jgħidu: “Christos anesti” – Kristu qam, irxoxta.

Il-Kelma ta’ Alla, meta aħna nisimgħuha, meta aħna naċċettawha bħal Marija – “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (v. 38) – meta jien nikkonfronta ruħi magħha, meta nħalliha tidħol fija, x’tagħmilli? Daqshekk dipressjoni, daqshekk stress, daqshekk inkwiet, daqshekk problemi… tqum – anastase. Marija tqum u tibda tielgħa lejn is-Sema. Ma tħalliniex daqshekk marbutin mal-art, ma tħalliniex mifxulin daqshekk fit-tgerfix, fit-taħwid li kultant nidħlu fih, minħabba l-urġenzi u l-emerġenzi tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, minħabba l-preokkupazzjoni li se mmutu bil-ġuħ; jew agħar u agħar, minħabba l-preokkupazzjoni li jkollna inqas minn ħaddieħor, li ma nirrealizzax lili nnifsi skont dak li għandi jew skont dak li se jkolli. F’liema baħar ta’ nkwiet titfagħna din id-dinamika, din l-enerġija ħażina li jista’ jkun hemm fil-qalb tagħna… li rridha tgħaddi tiegħi, irrid nakkwista, irrid inkun l-ewwel? Dan kollu jitfagħna mal-art, jitfagħna f’dipressjoni, jitfagħna fl-inkwiet.

Marija tisma’ l-Kelma u tqum. L-Evanġelju jkomplu u juża verb ieħor: “U marret tħaffef lejn l-għoljiet” (v. 39). Ma għandhiex telqa, mhix tbati mill-inkwiet, mill-istress, mid-dipressjoni. Min iqum, iħaffef; min iqum, mimli enerġija. “Marret tħaffef lejn il-għolja” hi traduzzjoni iktar preċiża, aktar milli “lejn l-għoljiet”. Meta ngħidu “lejn il-għolja, f’belt tal-Lhudija”, kull min jisma’ l-Evanġelju tiġih f’moħħu ħaġa waħda: Ġerusalemm. Ġerusalemm hija l-għolja fil-belt tal-Lhudija, hija l-post fejn jgħammar Alla, hija l-post tal-paċi, il-post tal-barka, il-post li kull Lhudi kien jitniehed u jitħabat biex xi darba jew oħra jasal, imur u jżuru. Dan għax kien jemmen li hemmhekk bil-preżenza ta’ Alla se jkollu l-barka, u l-barka ma kinitx biss xi ħaġa spiritwali, imma l-barka hi wkoll xi ħaġa materjali. Igawdu mhux biss il-moħħ u l-qalb, imma jgawdi wkoll il-ġisem. Il-fidi tagħna mhix biss spiritwali, mhix biss oġġett tal-ispirtu, imma hija s-salvazzjoni tal-persuna sħiħa tagħna, tal-ġisem sħiħ tagħna: ġisem u ruħ. Min ikun seren, min ikun trankwill, għandu inqas probabbiltà li ċertu mard jaqbad miegħu, għandu iktar kapaċità u possibbiltà li jeħles minn ċerti dgħufijiet bijoloġiċi u fiżjoloġiċi iktar mill-bniedem li huwa inkwetat, iktar mill-bniedem li ħajtu kollha hija preokkupazzjoni, għax tonqos il-fiduċja, tonqos il-barka.

Allura Marija titla’ tħaffef lejn l-għoljiet, lejn Alla, lejn din l-għolja ta’ Ġerusalemm. Hawnhekk ukoll Marija tixtieq tistedinna, tixtieq tarana kuntenti, tixtieq li kull wieħed u kull waħda minna jkollu fih il-ħeġġa, biex jitla’ fuq l-għolja, biex imur lejn Ġerusalemm – biex intom, nies ta’ din il-parroċċa, titilgħu fuq l-għolja, titilgħu lejn dan il-Katidral, titilgħu tirċievu l-barka ta’ Alla, mhux biss tal-moħħ u tal-qalb, mhux biss tal-ispirtu, imma wkoll tal-ġisem. Alla jsalva l-bniedem sħiħ!

Ma ninsewx li Marija hija l-‘Arka l-ġdida’, l-Arka tal-Patt il-ġdid. L-Ewwel Qari, proprju meħud mill-Ktieb tal-Apokalissi (11:19a; 12:1-6a,10ab), beda b’din ix-xena tal-Arka tal-Patt. L-Arka kienet dik il-kaxxa li Mosè kien poġġa fiha ftit manna mid-deżert, biċċa mill-bastun ta’ Aron, imma fuq kollox l-Għaxar Kelmiet, it-Torah, it-Twavel tal-Liġi. Din l-Arka kienet id-dar ta’ Alla, sinjal tal-preżenza ta’ Alla. Allura Marija hi l-Arka l-ġdida, id-dar ta’ Alla l-ġdida, għax Alla qed jgħammar fiha, fil-persuna ta’ Ġesù. Alla qiegħed jgħammar f’moħħha u f’qalbha, hi li semgħet il-Kelma, hi li semgħet u laqgħet il-kelma tal-anġlu.

Issa għandna t-tielet verb: “Daħlet għand Żakkarija” (v. 40). Tidħol għand Żakkarija u ma sellimlux, imma ssellem – verb ieħor – lil Eliżabetta. Ħa nieqfu fuq Żakkarija. “Daħlet għand Żakkarija”. Il-Kelma ta’ Alla, meta mismugħa ta’ veru fuq l-għolja, tidħol fid-dar, teħodha miegħek, tgħixha matul il-ġurnata. Il-Kelma ta’ Alla mhix magħmula biex tinqara, titkanta, u ngħidu kemm hi sabiħa, u tibqa’ hawn. Il-Kelma ta’ Alla tiġi mxandra fil-quddiesa, fuq l-għolja, biex imbagħad inniżżluha magħna, biex issir parti mill-ħajja tagħna, biex tidħol fid-dar ta’ Żakkarija. Żakkarija kien dak li sabha bi tqila biex jemmen, li bħali u bħalek nitħabtu u niġġieldu biex din il-kelma li nisimgħu, nemmunha u naċċettawha tassew. B’differenza minn Marija, li semgħetha, laqgħetha u qamet, Żakkarija le.

Il-Kelma ta’ Alla li nisimgħu fil-knisja rridu nġorruha magħna u neħduha fid-dar tagħna, aħna li nsibuha bi tqila biex nemmnu. Imma llum jew għada dik il-Kelma tagħtina s-sliem, anki jekk mingħalina ma ġara xejn; meta morna smajna quddiesa, anki jekk mingħalina ma ġara xejn; meta morna attendejna għal laqgħa madwar il-Kelma ta’ Alla. Ngħiduha: ‘Imma tmur għalxejn, ma ġara xejn; imma xorta għandi l-inkwiet, anzi kważi kważi żdied iktar l-inkwiet minn qabel’ – imma anki meta mingħalina hekk, dik il-Kelma ġġiblek il-paċi. Marija tidħol għand Żakkarija u ssellem lil Eliżabetta. Il-kelma ssellem mhix sempliċiment ‘bonġu’ u ‘saħħa’. Il-kelma ssellem, Shalom għal-Lhud, tfisser il-ġid kollu li tista’ takkwista persuna. Meta ngħidu li Marija, mimlija b’Ġesù, l-Arka tal-Patt il-ġdid, mimlija b’Alla, mimlija b’din il-pożittività, mimlija b’din il-preżenza sabiħa, tidħol fid-dar ta’ Żakkarija u ssellem lil Eliżabetta… araw x’jiġri: il-ferħ, l-hena, il-paċi tassew. Kemm infittxuha ’l hawn u ’l hemm il-paċi f’ħajjitna!

Għamilna mistoqsija fil-bidu: imma jien kuntent jew le? Marija qed tgħidilna fejn tista’ ssib il-kuntentizza, fejn tista’ ssib il-paċi. Ma ninsewx kif jibda dan l-Evanġelju u kif jispiċċa. Jibda: “F’dawk il-ġranet” (v. 39), jiġifieri meta l-anġlu ħabbar lil Marija u hi semgħet il-Kelma; jispiċċa: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (v. 46). Min ifaħħar lill-Mulej, min hu mimli bil-ferħ, jekk m’għandux il-paċi f’qalbu, li ġiet mill-Kelma? Minn fejn ġabitha din l-enerġija Marija, biex tkun daqshekk pożittiva, biex tagħti daqshekk glorja lil Alla, minkejja dak kollu li qed jiġrilha? Ma ninsewx li Marija bniedma bħalna, ma fehmitx ħafna minn dak li qiegħed jiġrilha, imma kellha ħaġa waħda importanti u stabbli f’ħajjitha: il-fiduċja f’dak li kellimha, f’Alla.

L-istess jiġrilha Eliżabetta. “Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha” (v. 41), hi wkoll tinfexx f’għanja ta’ tifħir. Jinfexx f’għanja ta’ tifħir min hu ferħan. Għaliex hi ferħana Eliżabetta? Mhux biss għax se jkollha lil Ġwanni, imma fuq kollox għax dak il-ħin iltaqgħet mal-Kelma. Dak il-ħin Marija, bil-Kelma ta’ Alla f’qalbha, iltaqgħet ma’ Eliżabetta, u għadditilha din il-Kelma, tatha din il-Kelma.

Hawn nixtieq nieqaf ftit fuq din il-laqgħa ta’ bejn dawn iż-żewġ persuni: Marija u Eliżabetta. Kienu qraba, u l-ewwel li tiġi f’moħħi li nistaqsi hu: Ma’ min ma nħossnix komdu mill-qraba tiegħi? Ma’ min għandi l-inkwiet, spiss fuq il-ħmerijiet? Ma’ min għandi l-inkwiet ma’ ħuti? Għax jekk għandek l-inkwiet, jekk forsi qed twebbes rasek, waħħalt saqajk ma’ xi ħaġa importanti iktar mill-persuna; allura kif tista’ tippretendi li tinqala’ mill-art? Jekk inti mwaħħal, kif tista’ tippretendi li titla’ ftit ’il fuq u ttiegħem u tiggosta xi ftit mill-ferħ tal-Assunta, mill-ferħ ta’ Marija Mtellgħa s-Sema? Kif tista’ int, jekk għandek xi tgħid ma’ ħuk, jekk għandek xi tgħid ma’ oħtok, tippretendi li jkollok il-paċi ta’ vera? Tagħmel x’tagħmel, tiffesteġġja kemm tiffesteġġja, tixrob kemm tixrob, tiekol tajjeb kemm tiekol tajjeb, tilbes sabiħ kemm tilbes sabiħ, ikollok flus kemm ikollok flus, xejn, jekk mhux il-maħfra, mhu se jdewwi jew ifejjaq dik il-ferita li bil-mod il-mod tkompli ddemma’ u trabbi l-materja ġewwa fik u f’ta’ madwarek.

Bejn Marija u Eliżabetta bilfors li jitqanqal il-ferħ. It-tnejn mimlijin bil-preżenza tal-Kelma, bil-preżenza ta’ Alla. Mhux huma biss, imma anki l-persuni li jġorru fihom. Sa minn dejjem, sa mill-eternità, sa minn meta kien il-bniedem, hu kien konvint li dak li għandu f’ġufu ġie permezz tiegħu, imma mhuwiex tiegħu, huwa ieħor. Hemm bżonn tal-ġuf tal-omm, hemm bżonn li l-omm tospitah lil dak l-essri l-ġdid, imma mhix hi l-proprjetarja ta’ dak l-essri l-ġdid. Dak huwa xi ħadd ieħor lil hinn minnha. Għidu lil min qed jitħabat biex ikollu t-tfal; għidu lil min qiegħed jitħabat u jagħmel li jista’, mhux biss biex ikollu t-tfal, imma biex jipprova jrabbi lit-tfal kif jixtieq, biex jipprova jagħti direzzjoni tajba lil uliedu, għax jinduna li dawn m’għadhomx tiegħu, jew jinduna li dawn qatt ma kienu tiegħu. Ejjew nagħrfu u nindunaw x’inhi l-verità, li l-bniedem, min-natura tiegħu stess, għaraf minn dejjem: li l-persuna tal-omm għandha d-dmir tal-ospitalità, imma ma għandhiex id-dritt tal-proprjetà. Hawn xi ħadd minna, kieku tiġi ommok u tgħidlek bħalissa: ‘Inti proprjetà tiegħi’, li ma jirribellax, u ma jqumx fuq saqajh u jgħidilha: ‘Iva, inti ġibtni fid-dinja, imma le, jien m’iniex tiegħek’.

Hawn xi ħadd minna li jaċċetta li jkun oġġett tas-sodisfazzjon ta’ xi ħadd ieħor? Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-mentalità abortista, il-mentalità li hija inklinata li teqred it-tarbija fil-ġuf, jew teqred saħansitra dawk il-ftit ċelloli ffertilizzati fil-bidu nett tal-ħajja, aktarx li hija mentalità materjalistika għall-aħħar. Materjalista mhux xi ħaġa li ma temminx, imma jfisser li f’ħajti jista’ jiġrili li l-persuni l-oħrajn ta’ madwari narahom sempliċement oġġett li jissodisfa l-bżonnijiet tiegħi. Jekk inti taqdini, jekk tissodisfali l-bżonn tiegħi, sewwa; għax illum għandi bżonn ta’ tarbija u rridha, naċċettaha u nilqagħha; imbagħad tiġi darb’oħra, u għax inti oġġett biex tissodisfa l-bżonnijiet tiegħi, inqum filgħodu u ngħid: ‘U le, ma rridhiex’. Hawn xi ħadd minna jieħu gost ikun oġġett, proprjetà, li jiġi użat jew ikkunsmat skont il-pjaċir jew kif jidhrilha l-persuna l-oħra? Din il-mentalità b’xorti ħażina, mingħajr ma nindunaw, qed tintakka mhux biss il-fidi, l-ispiritwalità, imma qed tintakka l-umanità, qed tintakka l-bniedem: il-bniedem li jdur kontra tiegħu nnifsu.

Jiena naħseb li ħafna minnkom kellkom esperjenza ta’ annimali, kif jieħdu ħsieb u jħarsu ż-żgħar tagħhom! Dawn ma jgħallimhom ħadd, imma allaħares tmur tmiss ħarufa, allaħares tmur tmiss papru żgħir jew papra, allaħares tmur tmiss kelb jew kelba, qattus jew qattusa żgħira; għax dik l-omm, li m’għandhiex intelliġenza jew fidi, taf x’tagħmel! U aħna x’għamilna? Aħna għidna li dawn bla vuċi, u għamilna sew li ħloqna l-assoċjazzjonijiet li jiddefendu l-annimali. Imma llum jien ngħid li għandna bżonn noħolqu assoċjazzjoni li tiddefendi l-embrijun.

Għandna bżonn, aħna stess, li nqumu fuq tagħna, u niddefendu mhux lil Alla, jew lil Kristu, jew lill-Madonna, imma niddefendu lilna nnfusna. B’xorti ħażina ħafna drabi wara mentalità abortista hemm jew dan il-materjaliżmu li għadna kif spjegajna – inti sempliċiment oġġett, li taqdini meta rridek, u meta m’għandix bżonnok, nagħsrek u narmik – u ħadd minna ma jieħu gost jiġi użat b’dan il-mod; jew inkella, agħar u agħar, dak li forsi kixef l-istħarriġ ta’ jumejn ilu, mentalità ta’ aggressività enormi, ta’ rabja kbira. Ma tistax tkun int irrabjat, ma tistax tkun int imweġġa’ ġo fik, biex saħansitra jkollok l-istonku, ikollok l-enerġija li teqred l-ispeċi tiegħek, forsi inti li tieħu ħsieb l-ispeċi tal-annimali!

Marija trid taqlagħna minn dan it-tgerfix tal-moħħ kollu. Noqogħdu fti attenti… Ħafna drabi l-mentalità bonista, il-mentalità tal-hekk imsejħa ħniena, il-mentalità tal-hekk imsejħa attenzjoni għal min hu batut, qed tiżvijana f’sitwazzjonijiet li ma nafux fejn iwassluna. Intom ħarsu ftit madwarkom fid-dinja, u araw jekk id-dinja ta’ madwarna hix aħjar jew le. Araw jekk id-dinja ta’ madwarna, li telqet lil Alla u telqet il-fidi, tinsabx f’sitwazzjoni sabiħa jew f’sitwazzjoni kerha. Ejja nkunu ftit egoisti, u fl-istess ħin inkunu nogħġbu lil Marija, għax Marija tridna tassew kuntenti. Ejjew naħsbu tassew fir-razza umana, ejjew naħsbu tassew fina, ejjew naħsbu tassew f’dak li ħallewlna sabiħ u tajjeb missirijietna.

Dan kollu nistgħu nagħmluh billi nżommu f’rasna llum dak il-vers li bih San Luqa jispiċċa d-djalogu bejn Marija u Eliżabetta: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (v. 45). Eliżabetta hawnhekk tgħaqqad żewġ affarijiet flimkien: tgħaqqad l-hena mal-fiduċja, mal-fidi. Għandna riċetta tal-ferħ, tal-hena: “Hienja dik li emmnet”. L-hena ma jiġix daqskemm ikollok, daqskemm għandek – intom tafu, kollha kemm aħna għandna xi ftit esperjenza – imma l-hena jiġi daqskemm għandna fiduċja f’Alla. Il-fiduċja f’Alla diġà terfagħna ’l fuq. Il-fiduċja f’Alla diġà titfagħna fl-isfera tad-Divin, fid-dimensjoni tiegħu, diġà tgħaqqadna ma’ Marija. Ejjew ningħaqdu magħha. Viva Santa Marija!

Leave a Reply

%d bloggers like this: