X’inhi d-Domma tal-Assunzjoni u r-rilevanza tagħha llum?

Print Friendly, PDF & Email

Kien l-1 ta’ Novembru tal-1950 meta l-(Venerabbli) Papa Piju XII ipproklama bħala domma li l-Verġni Marija, “meta għadda ż-żmien tal-ħajja tagħha fid-dinja, ġiet imtella’ fil-glorja tas-sema bir-ruħ u bil-ġisem”.

Il-Knisja, fit-tagħlim tagħha, tfakkarna fil-kliem tad-domma fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Niċċelebrawha llum u għalhekk tajjeb li ngħidu xi ħaġa fuq it-Tlugħ is-Sema ta’ Marija. Nafuha bħala l-festa ta’ Santa Marija. Isem sabiħ, Marija, li f’ħafna snin kien l-aktar isem mogħti lit-trabi bniet fil-pajjiżi Nsara.

Din il-verita’ kienet magħrufa fit-tradizzjoni Nisranija, affermata mill-Padri tal-Knisja, u fuq kollox kienet aspett relevanti fil-qima mogħtija lill Omm Alla. Jiġifieri dan it-twemmin kien diġa’ ċelebrat fil-kult fid-devozzjoni tal-poplu t’Alla. Għalhekk ma kienx diffiċċli li dawk li jemmnu jaċċettaw id-domma. Id-differenza kienet il-mod li jħarsu lejn din il-verita’ l-Kristjani tal-Punent, b’Ruma bħala ċ-ċentru, u l-Insara tal-Lvant tal-Ewropa, li nafuhom bħala l-Biżantini. Aħna nżommu li Marija ġiet imtella’ s-sema. L-istatwi u l-pitturi juri lil Marija mtella’ mill-anġli fis-sema. Tant hu hekk li fejn, fil-pitturi, jkun hemm l-appostli, dawn qed jarawha tielgħa, qed iħarsu ‘l fuq. Jekk immorru fil-Lvant, niltaqgħu ma’ kultura oħra, dik imsejħa tad-Dormizio, il-Madonna rieqda. L-appostli mhumiex iħarsu ‘l fuq, imma lejn Marija, fis-sodda tal-mewt tagħha.

Id-Dormizio, mewt ta’ Marija

X’ġara minn Marija wara l-mewt ta’ Ġesu’. Ħadha għandu Ġwanni. Kemm għexet ma nafux. U mietet jew raqdet? Ma ninsewx li Ġesu’ wkoll għadda mill-mewt. L-importanti mhux il-kif, imma li Marija ngħaqdet ma’ binha Ġesu’ b’ġisem glorifikat. Hekk kien Kristu wara l-Qawmien, u hekk kien jixraq lil Marija, l-unika bniedma li ma kellhiex id-dnub oriġinali, li b’konsegwenza tiegħu ġiet il-mewt. Il-ġisem ta’ Marija ma kellux jara t-taħsir. Ma jistax jiġi xi ħadd u jgħid li għandu relikwija tal-Madonna, xi parti mill-għadam tagħha.

Allura, l-element kulturali kien il-forza li ddetermina l-formulazioni ta’ din id-domma: id-domma tidher li hi att ta’ tifħir u ta’ eżaltazzjoni tal-Verġni Mqaddsa. Għalhekk mad-domma ġie spjegat li din ġiet proklamata “għall-unur tal-Iben, għall-glorifikazzjoni ta’ Ommu u għall-ferħ tal-Knisja kollha.”

Huwa twemmin Bibliku? Fil-Vanġelu tal-lum, Marija stress ippronunzjat b’mod profetiku kliem li jorjentaw għal dan. Tgħid: “Minn issa ‘l quddiem il-ġenerazzjonijiet kollha jsejħuli hienja.” Din l-espressjoni tal-Magnificat tindika li t-tifħir lil Marija, Omm Alla, hu magħqud intimament ma’ Binha Ġesù u jirrigwarda l-Knisja f’kull żmien u kullimkien. Jista’ jkun li din il-glorifikazzjoni kienet teżisti fi żmien meta Luqa li qiesha bħala dmir  impenn tal-komunita’ Nisranija għall-ġenerazzjonijiet kollha. Kliem Marija jgħidilna li hu dover tal-Knisja li tiftakar fil-kobor ta’ Marija bil-fidi. Mela din is-sollennità hi stedina biex infaħħru lil Alla u nħarsu lejn il-kobor ta’ Marija, għaliex aħna naraw min hu Alla fl-uċuħ ta’ dawk li huma tiegħu.

Tlugħ is-sema ta’ Marija, Peter Paul Rubens, 1577-1640

Bir-raġun li Marija tiġi glorifikata bit-tlugħ is-sema tagħha. Il-Magnificat, dan l-innu lil Alla l-ħaj u li jaħdem fl-istorja hu innu ta’ fidi u ta’ mħabba li joħroġ minn fomm Marija. Hija għexet b’fedelta’ eżemplari u żammet f’qalbha il-kelma t’Alla lill-poplu tiegħu, il-wegħdiet li għamel lil Abram, Iżakk, Ġakobb, u dan sar it-talba tagħha. Il-Kelma t’Alla fil-Magnificat kienet it-talba tagħha, kienet dawl għat-triq tagħha hekk li tagħmilha disponibbli biex tilqa’ fil-ġuf tagħha il-Kelma li saret laħam.

Nistgħu nistaqsu: “Xi jfisser Tlugħ is-Sema ta’ Marija fil-mixja tagħna, fil-ħajja tagħna?” Tweġiba tista’ tkun: Fl-Assunzjoni naraw li f’Alla hemm spazju għall-bniedem, Alla stess hu d-dar li tkellem dwarha Ġesu’. U Marija ma tmurx ‘il bogħod minna; min imur lejn Alla jersaq viċin lejna, għax Alla hu viċin kulħadd u Maria, dejjem fil-preżenza t’Alla, hi ħdejna, ħdejn kull wieħed minna.

Id-dinja għandha bżonn din il-festa. Hi festa fejn It-tama u l-imħabba jingħaqdu flimkien. Għax illum hawn ħafna kliem fuq dinja aħjar kif dejjem nistennew. Imma hi l-preżenza t’Alla li tiggarantixxi dinja aħjar. Żgur li dinja li titbiegħed minn Alla ma ssirx aħjar, imma tinżel dejjem ‘l isfel. Marija ttellagħna ‘l fuq, billi hi viċin Binha u nafu li hi maġenbna u li tħobbna.

%d bloggers like this: