Ġwanni Pawlu II fis-Santwarju del Sameiro – Braga

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PORTUGAL
(12-15 TA’ MEJJU 1982)
QUDDIESA GĦALL- FAMILJI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Santwarju del Sameiro – Braga
Is-Sibt, 15 ta’ Mejju 1982

1. “La tibżax Abraham . . . id-dixxendenza tiegħek se tkun waħda numeruża!” (Ġen 15, 1-5)
L-istorja meraviljuża ta’ Abraham. “Missier il-fidi tagħna”, meħuda mill-qari tal-liturġija tallum, tenfasizza żewġ veritajiet fundamentali. Fihom tikkonċentra ruħha l-attenzjoni tagħna u t-talb tagħna tul din l-Ewkaristija.

L-ewwel waħda hija li l-futur tal-bniedem fuq l-art huwa marbut mal-familja. It-tieni, li l-Pjan divin tas-Salvazzjoni u l-istorja tas-Salvazzjoni jgħaddu mill-familja.

Din hija laqgħa ta’ familja – tal-familja ta’ wlied Alla, miġbura biex tiċċelebra s-sagrifiċċju ewkaristiku – li fih se naħsbu biex napprofondixxu dawn il-veritajiet.

Ippermettuli li, l-ewwel u qabel kollox, insellem lill-familja Portugiża hawn rappreżentata minn numru kbir ta’ koppji u familji tal-belt u l-arċidijoċesijiet ta’ Braga u ta’ reġġjuni differenti tal-Portugal: jien hawn biex inwasslilkom kelma ta’ stimolu biex tikkultivaw il-valuri essenzjali taż-żwieġ.

Tislima lill-movimenti u lill-organizzazzjonijiet tal-familja, b’mod speċjali ta’ karattru ekkleżjali, uħud impenjati fit-tħejjija għaż-żwieġ, oħrajn fil-promozzjoni tal-ispiritwalità konjugali, oħrajn fl-attenzjoni tal-problemi li jitqanqlu fi ħdan il-familji: inwasslilkom inkuraġġiment biex issegwu Pastorali Familjari solida, wiesgħa, strutturata tajjeb, effikaċi għall-ġid ta’ tant djar Portugiżi. Jalla l-familji ta’ dan il-Pajjiż jikkonsolidaw ruħhom fl-imħabba u fl-għaqda, bħala xbiha tal-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu (cf. Ef 5, 25) u jkomplu hekk biex iwettqu l-missjoni li Alla afdalhom: għal dan ejjew nitolbu f’din l-Ewkaristija, persważi li l-futur ukoll tal-Portugal jgħaddi mill-familja (cf. Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, Concl.).

2. Fil-familja toqgħod u, mill-familja iktar minn kwalunkwè soċjetà, istituzzjoni jew ambjent ieħor, jiddependi l-futur tal-bniedem. Din il-verità kienet dwiet fid-djalogu ta’ Abraham ma’ Alla, mismugħ ftit waqtiet ilu fil-qari tal-paġna suġġestiva tal-Ġenesi. “Il-premju tiegħek se jkun kbir ħafna”, kien wiegħed il-Mulej lil ħabibu. “X’se ttini, Mulej?” kien staqsa Abraham, bi ftit jew wisq xettiċiżmu – – “Se nitlaq bla wlied . . . ”  (Ġen 15, 2). Għas-sottomissjoni skonsolata ta’ Abraham isegwi l-ferħ tiegħu meta, “fiż-żmien iffissat minn Alla” (Ġen 21, 2) Sara tagħtih iben.

Il-futur tal-bniedem huwa, qabel kollox, il-bniedem innifsu. Huwa l-bniedem imwieled mill-bniedem: minn missier u minn omm, minn raġel u minn mara. Għalhekk il-futur tal-bniedem jiddeċiedi ruħu fil-familja.

Iż-żwieġ huwa s-sies tal-familja, kif il-familja hija l-quċċata taż-żwieġ. Huwa mpossibbli li tifred waħda mill-oħra. Hemm bżonn li nikkonsidrawhom flimkien fid-dawl tal-futur tal-bniedem.

Din hija verità evidenti u, bdanakollu, hija verità mhedda. Għal bosta raġunijiet l-umanità hija mwassla biex taħseb dwar l-eżistenza propja tagħha preżenti u futura iktar skont kategoriji ta’ dak li l-bniedem jipproduċi – jew aħjar, b’kategoriji ta’ mezzi – milli skont id-dimensjoni tal-iskop, propju tal-bniedem.

Ċirkustanzi diversi donnhom jispjegaw u jiġġustifikaw tali mod ta’ ħsieb. Wieħed jistà saħansitra jgħid li l-bniedem jagħmel hekk b’“konsiderazzjoni għall-bniedem”: inkwetat biex jassikura l-eżistenza tiegħu fuq l-art.

Dwar dan il-punt għandhom sewwa xi jgħidu il-pubblikazzjonijiet kontemporanji fil-qasam tad-demografija u tal-ekonomija.

Iżda, waqt li naħsbu għall-bniedem, għall-futur tiegħu fuq l-art, l-ewwel u qabel kollox skont kategoriji ta’ kemm jipproduċi u ta’ kemm iġiegħel l-art tipproduċi, faċli ferm li nikkommettu żball fundamentali: il-bniedem iħalli li jkun il-valur ewlieni u essenzjali. Minn skop isir mezz.

Hekk, il-mod tal-ħsieb tagħna jitbiegħed mill-ħsieb tal-Ħallieq li, fost il-krejaturi kollha tal-art, ried biss għalih innifsu lill-bniedem . . . (cf. Gaudium et Spes, 24).

F’dan il-punt, preċiżament, hija nsostitwibbli l-vokazzjoni tal-familja. Il-Familja wkoll, min-natura stess tagħha, trid “il-bniedem għalih innifsu”; tifforma bħal komunità ta’ persuni li jħarsu lejn il-bniedem bħala tali: il-bniedem konkret, dejjem uniku u rrepetibbli, raġel, mara, missier, omm, iben u bint. Għal dan, il-Familja, fl-atmosfera attwali tad-dinja – speċjalment tad-dinja “sinjura”, tad-dinja taċ-èċiviltà materjali elevata” – hija mhedda. Hija, bdanakollu, tibqà s-sors tat-tama tad-dinja, Huwa fiha li, minkejja kollox, jiddeċiedi ruħu l-futur tal-bniedem-ippermettuli – li  nikkonkretizza – tal-bniedem fil-Portugal, impenjat biex isaħħaħ il-bażijiet li fuqhom huma msejsa il-progress ekwilibrat, il-qbil u l-paċi.

3. “Erfà għajnejk lejn is-sema u għodd il-kwiekeb, jekk għandek il-ħila . . . Hekk se tkun id-dixxendenza tiegħek!” (Ġen 15, 5) jgħid il-Mulej lil Abraham. It-tifel li se jitwieled se jkun il-bidu tal-familja u tar-razza, iz-zokk jew il-fundatur tat-tribù u tan-nazzjon.

Il-bniedem mhux iddestinat biex jibqà waħdu. Ma jeżisti ebda solitarju fuq l-art, Huwa msejjaħ biex jgħix ħajtu f’komunità. Għalhekk welldu l-komunitajiet, l-ewwel u l-iktar waħda fundamentali ta’ dawn hija l-familja. U permezz tal- komunitajiet, l-ewwel fosthom il-familja, il-bniedem kull ma jnur jifforma u jimmatura lilu nnifsu bħala bniedem. Hekk, imwieled fil-komunità matrimonjali tar-raġel u tal-mara, il-bniedem jaf l-edukazzjoni tiegħu lill-familja. L-edukazzjoni, bi qbil mas-sinifikat partikolari ta’ din il-kelma, hija ddestinata biex “tumanizza” l-bniedem. Il-bniedem sa minn l-ewwel waqt tal-konċepiment fil-ġuf matern, gradwalment jitgħallem biex ikun bniedem: u dan it-taħriġ fundamentali jidentifika ruħu eżattament bl-edukazzjoni. Il-bniedem huwa l-futur tal-familja stess u tal-umanità kollha kemm hi, imma l-futur tiegħu huwa marbut b’mod inseparabbli mal-edukazzjoni.

Il-familja għandha d-dritt ewlieni u fundamentali li teduka, imma jgħabbiha wkoll id-dmir ewlieni u fundamentali tal-edukazzjoni. Fit-twettiq ta’ dan id-dmir essenzjali li jappartieni strettament lill-vokazzjoni tagħha, il-familja tmur biex tixrob mis sors tat-teżor il-kbir tal-umanità kollha li huwa l-kultura; u b’mod iktar dirett, mill-kultura tal-ambjent fejn jinsabu għeruqha. Minħabba dan l-ordni ta’ fatti, il-bniedem isir werriet tal-imgħoddi li fih kull ma jmur jittrasforma ruħu fil-futur: mhux biss il-futur tal-familja propja tiegħu, imma wkoll tal-istess Nazzjon u tal-umanità kollha.

4. Fl-istess ħin li jkun qed jiżvolġi dan iċ-ċiklu normali tal-familja, tat-twelid u tal-edukazzjoni tal-bniedem, minn fiħ jgħaddi b’mod organiku l-pjan divin tas-salvazzjoni, ipproporzjonat għall-bniedem sa mill-bidu, flimkien mal-allejanza matrimonjali, u mwettaq u mġedded – wara l-waqgħa fid-dnub – f’Ġesù Kristu. F’Ġesù Kristu, il-Pjan divin tas-Salvazzjoni għandu l-milja tiegħu.

Nixtieq, ħuti l-iktar għeżież, fit-tħabbir ta’ din id-duttrina ta’ validità universali, ma jkolli bżonn nagħmel xejn għajr niżżi ħajr lil Alla u nifraħ lill-familji Portuġiża, għaliex hawn huma rrispettati:
– il-prinċipji taċ-ċentralità tal-bniedem fl-istituzzjoni familjari,
– l-implikazzjoni u l-imperattivi prattiċi għall-prwol tal-kultura u għad-dmir tal-edukazzjoni.

Iżda meta wieħed iqis il-ġeneralizzazzjoni rapida tal-fenomeni soċjali, mal-inċidenza fil-mentalità u l-imġieba taċ-ċelluli tas-soċjetà u tal-persuni ma nistax inħalli li ma nwissix hawn il-kuxjenza umana u nisranija tagħkom ilkoll. Għaliex il-kawża l-kbira tal-familja tinteressa lil kulħadd; li nagħmel appell għall-impenn ta’ dawk responsabbli b’mod l-iktar dirett mill-kultura,, b’mod speċjali tal-kultura msejħa “tal-massa”, tar-responsabbli tal-edukazzjoni, tal-aġenti tal-pastorali.; biex jagħmlu appell, fl-aħħarnett, lil dawk kollha li jistgħu jikkontribwixxu biex iżommu u jippriservaw sitwazzjoni favorevoli lill-komunità konjugali u familjari, fejn bit-trażmissjoni tal-ħajja, jeżisti l-obbligu gravissmu tal-edukazzjoni tal-ulied. U intom, għeżież missirijiet u ommijiet tal-familja, konxji li l-fuklar tagħkom huwa l-ewwel skola ta’ valorizzazzjoni umana tal-ulied li Alla tagħkom, intom konxji wkoll, bla dubju, minn dan id-dmir l-ieħor li jolqotkom: li tħejju kollox jew ukoll tesiġu li wliedkom ikunu jistgħu javanzaw b’mod armoniku, fl-axxensjoni tal-ħajja, appoġġjati minn formazzjoni umana u nisranija konvenjenti. Il-Knisja tifraħ meta l-poteri kostitwiti fis-soċjetà, waqt li jagħtu mportanza lill-pluraliżmu u lil libertà reliġjuża ġusta, “jgħinu lill-familji sabiex l-edukazzjoni tal-ulied tkun tistà tingħata fl-iskejjel kollha, skont il-prinċipji morali u reliġjużi tal-istess familji” (Gravissimum Educationis, 7).

5. L-ewwel verità dwar il-familja, ppreżentata s’issa, tiddistingwi ruħha fl-episodju tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, episodju ftit li xejn imfakkar fil-qari tat-test ta’ San Luqa. Ejjew niftakru x’seħħ: bi qbil mal-preskrizzjoni tal-liġi tat-Testment il-Qadim tarbija, wara erbgħin jum mit-twelid kellha tittieħed fit-Tempju. Ħaditu Marija biex tissottometti ruħha mal-liġi ritwali tal-Purifikazzjoni tal-omm, wara li tkun ikkonċepiet. Magħha mar ukoll Ġiżeppi biex joffri s-sagrifiċċju obligatorju f’tali ċirkostanzi. Imwieled fil-lejl ta’ Betlem, Bin Marija hekk daħal fil-wirt spiritwali ta’ Iżrael – in-Nazzjon tiegħu. Fl-istess ħin, it-Tifel ħa miegħu Wirt spiritwali ieħor: il-wirt tal-Imħabba Eterna tal-Missier, li “tant ħabb lid-dinja li taha lil Ibnu, sabiex ebda persuna ma tintilef, imma jkollha l-ħajja ta’ dejjem” (cf. Ġwv 3, 16). B’Ġesù Kristu, il-Wirt divin tal-ħajja eterna jidħol, mhux biss fil-ħajja ta’ Iżrael, imma f’dik tal-umanità kollha. Dan jesprimih il-kliem profetiku ppronunzjat minn Xmun, hekk kif lemaħ lit-Tifel: “Issa ħalli, o Mulej, li l-qaddej tiegħek / imur bis-sliem skont kelmtek; / għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, / imħejjija minnek quddiem il-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus / u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2, 29-32).

L-istess Xmun, fil-kliem tiegħu ispirat u profetiku, iġegħlna nifhmu fl-istess ħin li din għandha x’taqsam ma wirt diffiċli. Huwa jgħid lil omm l-imwieled ġdid: “Dan it-tifel jinsab hawn għar-rovina u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael, sinjal ta’ kontradizzjoni sabiex ikunu żvelati l-ħsibijet ta’ ħafna qlub.

U lilek ukoll xabla tinfidlek ruħek” (Lq 2, 34).

6. Il-propjetajiet tal-patt u tal-grazzja huma, sa mill-bidunett, magħqudin mal-familja. Għal dan, iż-żwieġ ukoll, sa ċertu punt, huwa sagrament, bħala simbolu  tal-inkarnazzjoni futura tal-Verb ta’ Alla. Sagrament li Kristu kkonferma u fl-istess ħin ġedded bil-kelma tal-Vanġelu u bil-misteru tal-Qawmien mill-Mewt tiegħu.

Bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, ir-raġel u l-mara iħaddnu bejniethom l-allejanza matrimonjali, li bi stituzzjoni divina, “sa mill-bidu” hija ndissolubli. B’għeruqha fil-komplimentarjetà naturali li teżisti bejn ir-raġel u l-mara, l-indissolubiltà hija mqaddsa mill-kompromess reċiproku u totali, u hija mitluba mill-ġid tal-ulied. Fid-dawl tal-fidi, timmanifesta ruħha l-aħħar verità tagħha, li hija li tkun proposta “bħala frott, sinjal u esiġenza tal-imħabba assolutament fidila, li Alla għandu lejn il-bniedem u li l-Mulej Ġesu jgħix mal-Knisja”. B’dan il-kliem esponejt it-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja fl-eżortazzjoni apostolika Familiaris Consortio (cf. Ġwanni Pawlu  II Familiaris Consortio, 20) fuq talba tal-Isqfijiet mill-partijiet kollha tad-dinja, miġburin fis-Sinodu ta’ Ruma, biex jistudjaw il-problemi tal-familja nisranija fid-dinja moderna. Din id-duttrina, bla dubju, ma tarmonizzax mal-mentalità ta’ tant kontemporanji tagħna, li jiġġudikaw impossibbli kompromess ta’ fedeltà għall-ħajja kollha. Is-Santi Padri tas-Sinodu, għalkemm ukoll koxjenti tal-kurrenti idejolġiċi kuntrarji tallum, iddikjaraw li hija missjoni speċifika tal-Knisja “li tippridka l-aħbar ferrieħa tal-irrevokabiltà ta’ dik l-imħabba konjugali li għandu Ġesù Kristu is-sies u l-qawwa” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 20). U spjegaw li tali missjoni ma timponix ruħha biss fuq il-Ġerarkija; ukoll lilkom, lil kull waħda mill-koppji insara, msejħa biex ikunu fid-dinja “sinjal”, dejjem imġedded “tal-fedeltà li ma tinbidilx li biha Alla u Ġesù Kristu jħobbu lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda mill-bnedmin” (Ivi.).

7.Kull wieħed u waħda mill-bnedmin: għalhekk ukoll dak jew dik li jiltaqgħu fi żwieġ fallut. Alla ma jonqosx milli jħobb lil dawk li jisseparaw, linqas lil dawk  li bdew għaqda ġdida irregolari. Huwa jkompli jakkumpanja tali persuni b’fedeltà immutabbli ta’ mħabbtu, billi kontinwament jiġbed l-attenzjoni lejn il-qdusija tar-regola miksura u, fl-istess ħin,, billi jistedinhom ħalli ma jabbandubawx it-tama. Waqt li tirrifletti, b’xi mod, l-imħabba ta’ Alla, il-Knisja wkoll ma teskludix mill-ansjetà pastorali propja lill-miżżewġin separati u miżżewġin mill-ġdid; anzi, tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom il-mezzi tas-salvazzjoni. Minkejja li żżomm il-prattika, msejsa fuq l-Iskrittura Mqaddsa, li ma tammettix tali persuni għall-komunjoni ewkaristika, minħabba li l-kondizzjoni tal-ħajja tagħhom topponi b’mod oġġettiv għal dak li tfisser u topera l-Ewkaristija, il-Knisja tħeġġeġ għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, u għall-frekwenza tas-sagrifiċċju tal-Quddies, għall-perseveranza fit-talb u fl-opri tal-karità, għall-edukazzjoni tal-ulied  fil-fidi nisranija, għall-kuultivazzjoni tal-ispirtu u l-opri ta’ penitenza, biex b’dan il-mod jitolbu l-grazzja ta’ Alla u jkunu disposti li jirċevuha (cf. Ivi. 84).

Il-Knisja għandha għarfien li tkun fid-dinja, b’dan it-tagħlim, “sinjal ta’ kontradizzjoni”.

Il-kliem profetiku ta’ Xmun ippronunzjat fuq it-Tifel, japplika għal Kristu f’ħajtu u wkoll għall-Knisja fl-istorja tagħha. Bosta drabi Kristu, il-Vanġelu tiegħu u l-Knisja, jsiru “sinjal ta’ kontradizzjoni” quddiem dak li fil-bniedem mhuwiex “ta’ Alla”, imma tad-dinja u saħansitra tal-“prinċep tad-dlamijiet”. Ukoll meta jsejjaħ lill-ħażin b’ismu u meta jeħodha kontrih b’mod deċiż, Kristu dejjem jersaq lejn id-dgħufija umana. Ifittex in-nagħġa l-mitlufa. Idewwi l-feriti tar-ruħ. Isabbar lill-bniedem bis-salib tiegħu. Fil-Vanġelu,’għandux esiġenzi li għalihom il-bniedem ma jistax jissodisfa bil-grazzja ta’ Alla u bir-rieda propja tiegħu. Anzi, l-esiġenzi tiegħu għandhom bħala għan il-ġid tal-bniedem, fid-dinjità vera tiegħu.

8. Hemm bżonn li l-viżjoni taż-żwieġ u tal-familja, li għaliha intom tfittxu li tiggwidaw ruħkom , għeżież ħuti, tifforma ruħha bi tluq mid-dawl imwassal minn Kristu: li tali prospettiva tkun frott ta’ fidi ħajja. “Għall-fidi, Abraham, imsejjaħ minn Alla, obda, billi telaq lejn art li kellu jirċievi b’wirt u telaq mingħajr ma kellu ebda ħjiel fejn kien sejjer” (Ld 11, 8). Din is-sejħa divina li darba messet lil Abraham, tiġi biex issir biċċa minn kull wieħed u waħda minna, fl-ewwel post permezz tal-Magħmudija. Għall-Magħmudija aħna msejħin biex inkunu “kowerrieta tal-wegħda divina” biex nieħdu l-ħajja bħala “pellegrinaġġ fid-direzzjoni tal-Art Imwegħda” jew aħjar tal-Belt eterna “li l-Arkitett u l-Bennej tagħha huwa Alla nnifsu”.

B’dan il-konċett ta’ ħajja, intom tafu li huwa interess kostanti tal-Knisja li xxandar id-drittijiet tal-persuna umana, suġġetti għad-drittijiet ta’ Alla Mulej suprem; u fl-intern ta’ dawn id-drittijiet, id-dritt għall-ħajja jokkupa dejjem l-ogħla post. Fiż-żwieġ, ir-raġel u l-mara huma msejħin biex jittrażmettu it-Teżor tal-ħajja lil krejaturi umani oħra, permezz ta’ paternità u maternità umanament responsabbli. F’kontinwità mar-regoli asseriti fil-Konċilju Vatikan II u fl-enċiklika  Humanae Vitae u waqt li niġbru s-sentiment tas-Santi Padri tal-aħħar Sinodu tal-Isqfijiet, fakkart fl-eżortazzjoni apostolika Familiaris Consortio, fost id-drittijiet prijotarji tal-ġenituri, dak li jkollhom l-ulied li jixtiequ, billi jirċievu fl-istess ħin dak kollu meħtieġ biex irabbuhom u jedukawhom b’mod xieraq.Għal dan il-Knisja tikkundanna bħala offiża gravi għad-dinjità umana u għall-ġustizzja il-manuvri biex jikkondizzjonaw b’mod indiskriminat il-libertà tal-miżżewġin fir-rigward tat-trażmissjoni tal-ħajja u għall-edukazzjoni tal-ulied. Ħassejtni fid-dmir li li nesponi wkoll “mentalità kontra l-ħajja” insidjuża, li qiegħda tinfiltra fil-ħsieb tallum. Alla jgħid lil kull bniedem: “Ilqà l-ħajja kkonċeputa bl-operat tiegħek!” Dan jgħidu permezz tal-kmandamenti tiegħu u bil-leħen tal-Knisja; u jgħidu b’mod dirett bil-leħen tal-kuxjenza umana. Leħen qawwi li wieħed ma jistax jgħaddi mingħajr ma jisimgħu minkejja li “ilħna” oħra stunati, minkejja dak li wieħed jagħmel biex jifgaha.

Il-karattru fl-istess ħin korporali u spiritwali tal-għaqda konjugali, dejjem imdawla mill-imħabba personali, għandha twassal biex tirrispetta s-sesswalità, id-dimensjoni tagħha għal kollox umana, u li qatt ma tintuża bħala “oġġett”, biex ma tiddewwibx l-għaqda personali tar-ruħ u tal-ġisem waqt li tferi “l-istess ħolqien ta’ Alla, fir-relazzjoni l-iktar intima bejn natura u persuna” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 32).Ir-responsabilità fil-ġenerazzjoni tal-ħajja umana – tal-ħajja li għandha titwieled ġo familja – hija kbira quddiem Alla!

9.Billi jinqeda bil-kollaborazzjoni krejatriċi tal-ġenituri Alla-Missier irid jirrepeti mill-ġdid għal darb’oħra is-sejħa tiegħu għal dixxendent ġdid tal-ġeneru uman. Irid ukoll isejjaħ lilu biex isir “ko-werriet tal-wegħda ta’ Alla” u biex jerħilha lejn l-“Art” li kienet “imwegħda” f’Ġesù Kristu lill-bnedmin kollha.  

Il-familja hija l-post tal-vokazzjoni divina tal-bniedem. Huwa meħtieġ li l-koppji nsara  l-ġenituri jkunu konxji ta’ din ir-responsabiltà u jikkollaboraw bl-aħjar rieda tajba għal din il-vokazzjoni divina tal-bniedem il-ġdid, billi jiżviluppaw l-opra tal-vokazzjoni nisranija, b’mod speċjali b’dik tal-katekeżi li titnissel mill-eżempju tal-ħajja.

Ukoll il-vokazzjonijiet, partikolarment importanti għall-missjoni feddejja tal-Knisja, jitnisslu mill-Familji nsara, benniena tas-saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, missjunarji u appostli futuri! Għalkemm illum jeżistu diffikultajiet fl-opra edukattiva, il-ġenituri nsara għandhom, b’fiduċja u kuraġġ, jiffurmaw l-ulied għall-valuri essenzjali tal-ħajja umana, mingħajr ma jitilfu minn quddiem għajnejhom li, billi huma responsabbli lejn il-Knisja domestika tad-dar tagħhom, huma msejħin biex jibnu l-Knisja l-kbira fl-ulied (cf. Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 38) u, min jaf, biex jibnuha permezz ta’ wliedhom “imsejħa minn Alla”. U jekk Alla difatti se jsejjaħ għas-servizz tas-Saltna tiegħu, għeżież ommijiet u missirijiet, kunu ġenerużi miegħu bħalma huwa kien magħkom.

10. Nieħu gost niċċelebra din l-Ewkaristija magħkom dwar il-familja fil-kwadru ta’ dan is-Santwarju ta’ Sameiro, monument tan-nies Portugiżi tal-imħabba lejn il-Verġni Mqaddsa, hawn meqjuma u msejħa taħt it-titlu tal-Immakulata Konċezzjoni. L-għarajjes numerużi li jagħżlu dan is-Santwarju għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom jagħmluh bla dubju biex iqegħdu il-fuklar tagħhom taħt il-protezzjoni speċjali tal-Madonna. Jalla jkun dan il-ġest ta’ devozzjoni pleġġ ta’ solidità tal-familji nsara ta dan ir-Reġġjun, billi jikkonfermaw dak li qal Monsinjur  Arċisqof, li f’dan ir-Reġġjun, ġeneralment, il-familji jissejsu fuq bażijiet insara u jiffjorixxu fihom, bi frekwenza, vokazzjonijiet “saċerdotali, reliġjużi u missjunarji”. Niżżi ħajr lil Alla għal dan. Niżżi ħajr ukoll lill- Monsinjur  Enrico Dias Nogueira għall-kliem  entużjastiku u ta’ mħabba li għoġbu jindirizzali . Jien ukoll insellimlek, Monsinjur Arċisqof, l-istess bħal lill-eċċellentissmi Awrorità u lill-Brakkaniżi u ugwalment lill-abitanti ta’ dan ir-Reġġjun ta ‘ Minho u ta’ Tràs-os-Montes (tad-dijoċesijiet ta’ Viana do Castelo, ta’ Braganca u Miranda u ta’ Vila Real), lil kulħadd, mingħajr eċċezzjoni: Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, fidili, mingħajr ma ninsa l-Ispanjoli numerużi, li ġew flimkien mar-Rgħajja tagħhom mill-artijiet viċini tal-Galizia.  U minn hawn nesprimi sentimenti kordjali ta’ simpatija u ta’ mħabba f’Gesù Kristu Mulej lill-emigranti kollha tal-familja Portugiża.

Fr-riferenzi tiegħu dwar il-belt u l-arċidijoċesi ta’ Braga u r-reġġjun tagħha, nenfasizza bi pjaċir il-perċentwal elevat tal-prattika nisranija fost il-popolazzjoni li tiffrekwenta l-Quddiesa tal-Ħadd u s-sagramenti l-oħra. Komplu hekk u intensifikaw kontinwament, hawn u fil-Portugal kollu, il-fedeltà lejn Alla għall-fedeltà tal-imgħoddi tiegħu. U f’dan għandha rwol insostitwibbli l-familja.

Ħuti.

Huwa kbir is-sagrament taż-żwieġ, li ta oriġni lill-familji tagħkom u qed ikompli jirrinfreskaha! Hija kbira l-missjoni tal-familji tagħkom:
– il-futur tal-bniedem fuq l-art huwa marbut mal-familja;
– il-pjan divin tas-Salvazzjoni u l-istorja tas-Salvazzjoni jgħaddu mill-familja umana!

Verġni Immakulata, Sidtna tas-Sameiro, / Omm it-“tfajjel” imqiegħed bħala “sinjal ta’ kontradizzjoni”; / qrib Ibnek, Ġesù Kristu, / li kliemu żammejt u immeditajt f’qalbek / agħti lill-familji kollha tal-Portugal / il-grazzja li jkunu jafu jisimgħu u jżommu fedelment il-Kelma ta’ Alla!

Omm il-Verb divin, fil-Familja Sagra ta’ Nażżaret, / ikseb għal dawn il-familji l-armonija, l-imħabba u l-grazzja / Jalla fihom ma jkun qatt kontradizzjoni “s-Sinjal”, / ma tkun qatt  imgiddba l-imħabba ta’ Alla Ħanin, / immanifestata f’Ġesù Kristu! Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: