Ġwanni Pawlu II f’quddiesa maż-żgħażagħ

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PORTUGAL
QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Lisbona
Il-Ġimghħa, 14 ta’ Mejju 1982

1. Is-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib!

Iva, “Għidu lil kiulħadd: hija qribkom is-Saltna ta’ Alla!” (Lq 10,9). B’dan il-kliem Ġesù Kristu, waqt li bagħat b’missjoni lit-tnejn u sebgħin dixxiplu, irrakkomandalhom li jħabbru l-Messaġġ, kif għadna kemm smajna mill-Vanġelu tallum. Imma dan il-kliem huwa wkoll indirizzat lill-insara taż-żminijiet kollha: lilna, għalhekk li ninsabu miġburin hawn f’isem il-Mulej, b’kontinwità mad-dixxipli li semgħuh direttament.

Huwa dirett b’mod speċjali lilkom, żgħażagħ, li tinsabu hawn, f’dan il-wara nofsinhar f’numru kbir, mimlijin entużjażmu u ferħ, billi timmanifestaw d-disponibiltà tagħkom lil Kristu u x-xewqa li tibnu dinja iktar umana u nisranija. Intom depożitanti ta’ din it-tama kbira tal-umanità, tal-Knisja u tal-Papa. Alla tani l-grazzja li nħobb ħafna liż-żgħażagħ; għalhekk nieħu gost inkellimkom bħalma ħabib ikellem lil ħabibu, ma’ kull wiehed b’mod individwali, bl-għajnejn fl-għajnejn, minn qalb għal qalb.

“Is-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib!”. U kważi nażżarda ngħid: dan il-kliem huwa dirett b’mod speċjali lilkom żgħażagħ Portugiżi, ulied poplu ta’ missjunarji, li xerrdu dan il-messaġġ, bħalma enfasizza is-Sinjur Kardinal Patrijarka, Don Antonio Ribeiro.

Grazzi, Sinjur Kardinal, għal kliemek. Dan jikkonfortani u naċċettah bħala wegħda ta’ kontinwità, billi nibgħat it-tislim tiegħi lil dawk kollha li tagħhom interpretajt is-sentimenti. U, f’din is-siegħa, nirrendi qima ta’ gratitudni, f’isem il-Knisja kollha, lill-impriżi kbar ta’ Evanġelizzazzjoni tal-Portugal missjunarju.

Is-Saltna ta’ Alla hija tassew fil-qrib! Resqet lejn il-bniedem b’mod definittiv. Hija fostna u ġo fina. Il-qorbien tas-Saltna ta’ Alla jikkonsisti, qabel kollox, fil-fatt li Alla ġie u assuma n-natura umana. Hija qribna ħafna fi Kristu. Infatti, fih, is-Saltna hija hekk qribna, li sa ċertu punt, issir diffiċli li nimmaġinaw qorbien ikbar u iktar intimu. Jistà Alla javviċina lejn il-bniedem iktar milli jsir Bniedem?

Iktar milli hekk qrib, fi Kristu, Mulej u Salvatur tagħna, is-Saltna ta’ Alla hija dejjem quddiem il-bniedem. Hija proposta lill-bnedmin, bħala missjoni xi jwettqu, bħala skop x’jilħqu. Fid-dimensjonijiet differenti tal-eżistenza tagħhom, il-bnedmin jistgħu, għalhekk, joqorbu lejh jew jitbiegħdu minnu. Fuq kollox, jistgħu jaslu biex jilħquh fihom infushom u jwettquh ġo fihom.

Imma jistgħu wkoll jitilfgħuh minn quddiem għajnejhom, jiddevjaw mill-prospettiva. Jistgħu saħansitra jeħduha kontrih.

Jistgħu wkoll ifittxu li jbegħdu u jwarrbu lill-bniedem minnu.

Iżda Kristu ġie fid-dinja biex jintroduċi lill-bnedmin fis-Saltna ta’ Alla, biex jinserixxi s-Saltna fil-qlub tal-bnedmin u f’nofshom. Ferm iktar minn hekk: Kristu afda propju din is-Saltna lill-bnedmin. Sejħilhom biex jaħdmu għas-Saltna ta’ Alla. U dan ix-xogħol għandu l-isem ta’ evanġelizzazzjoni.

2. Il-kelma “Evanġelizzazzjoni” ġejja mill-“Vanġelu”, li jfisser “Bxara t-Tajba”. Is-Saltna ta’ Alla tinbena fuq dawn is-sisien tal-Bxara t-Tajba. Din hija t-tħabbira tas-salvazzjoni definittiva tal-bniedem. U hawn nistgħu nistaqsu: x’inhi s-“salvazzjoni”?. Ejjew nieqfu ftit fuq il-kliem ta’ Iżaija, mismugħ fl-ewwel qari tal-Quddiesa tallum:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, / għaliex il-Mulej ikkonsagrani bid-dlik; / ħatarni biex inwassal il-Bxara t-Tajba lil dawk li jbatu, / biex nikkura lil dawk ta’ qalbhom imdejqa, /biex inħabbar il-ħelsien lill-ilsiera / u l-ħelsien lill-priġunieri, biex nipproklama s-sena tal-grazzja tal-Mulej” ( 61,1-2).

Dan il-kliem tal-profeta baqà għal bosta sekli fi stennija tal-waqt li jkun moqri fis-sinagoga ta’ Nażżaret, minn Dak li kien miżmum bħala Bin il-Mastrudaxxa”: Ġesù ta’ Nażżaret. U hu, wara li qrah, qal: “Illum twettaq dan il-pass tal-Iskritturi li intom smajtu b’widnejkom” (Lq 4,21).

Il-kliem ta’ Iżaija, li Ġesù ta’ Nażżaret kien ħa bħala program tal-missjoni tiegħu,  jinkludi eżattament il-bxara t-tajba fir-rigward tas-salvazzjoni.

X’inhi mela s-salvazzjoni? Hija r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, imwettqa fil-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tal-eżistenza tiegħu. L-istess għelbien tal-ħażin għandu diġa karattru feddej. Il-forma definittiva tal-fidwa se tikkonsisti għall-bniedem fil-ħelsien għal kollox mill-ħażin u fl-ilħuq tal-milja tat-tajjeb. Din il-milja tissejjaħ, u hija infatti, is-salvazzjoni eterna. Titwettaq fis-Saltna ta’ Alla bħala realtà eskatoloġika ta’ ħajja eterna. Din hija realtà taż-“żmien futur” li permezz tas salib ta’ Kristu, kellu bidu bil-Qawmien mill-Imwiet tiegħu. Il-bnedmin kollha huma msejħa għall-Ħajja eterna. Huma msejħin għas-salvazzjoni. Għandkom għarfien ta’ dan? Għandkom għarfien ta’ dan, intom żgħażagħ ħbieb tiegħi: li l-bnedmin kollha huma msejħin biex jgħixu ma’ Alla u li, mingħajru, jitilfu l-muftieħ tal-“misteru” tagħhom infushom?

3.Dan l-appell għas-salvazzjoni huwa mwassal minn Kristu. Huwa għandu għall-bnedmin “kliem ta’ ħajja eterna” (Ġw 6,68); u jdur lejn il-bniedem kif inhu, f’ċirkustanzi differenti ħafna:huwa jimmira lejn il-bniedem konkret li jgħix fuq l-art.  Huwa jdur b’mod partikolari lejn il-bniedem li jbati, fil-ġisem u fir-ruħ. Huwa jiġi, bħalma smajna fl-ewwel qari, biex “jikkonsla lil dawk li jibku…/ biex jagħti lil dawk li huma mdejqa kuruna minflok irmied, / żejt ta’ ferh minflok l-ilbies tal-vistu, / glorja minflok disperazzjoni” ( 61,2-3). Imma jdur ukoll lejkom żgħażagħ!

Iva, lilkom żgħażagħ: għaliex fl-ispirtu tagħkom hija stampata, b’mod partikolari, il-problematika essenzjali tas-salvazzjoni, bit-tamiet u t-tensjonijiet, it-tbatijiet u r-rebħiet kollha tagħha.

Wieħed jaf kemm intom sensibbli għat-tensjonijiet bejn it-tajjeb u l-ħażin, li jeżisti fid-dinja u fikom infuskom.

Fl-intimu tagħkom infuskom, tbatu meta taraw it-trijonf tal-gideb u tal-inġustizzja; tbatu minħabba li tħossukom inkapaċi li twasslu għat-trijonf tal-verità u tal-ġustizzja; tbatu, biex tiskopru lilkom infuskom, fl-istess ħin, ġenerużi u egoisti. Tkunu tixtiequ tkunu utli u taqdu dejjem b’inizjattivi favur dawk maħqura, imma… tħossukom ittraduti minn tant affarijiet u miġbuda minn oħrajn li jaqtgħulkom ġwenħajkom.

Spontanjament taslu biex tirrifjutaw il-ħażin u tixtiequ t-tajjeb. Imma kultant ikollkom diffikultà fl-osservanza u l-aċċettazzjoni tal-fatt li biex taslu għat-tajjeb hemm bżonn li tgħaddu miċ-ċaħda, l-isforz, il-glieda, is-salib; dan seħħ lil dak iż-żagħżugħ li, waqt li xtaq il-perfezzjoni u waqt li ried isegwi lil Ġesù, ma rnexxilux jifhem u jaċċetta li kien meħtieġ li jirrinunzja għall-ġid materjali.

Fuq kollox, għeżież żgħażagħ, barra minn dawn it-tensjonijiet, intom tippossiedu attitudni kważi konnaturali biex tevanġelizzaw. Għaliex l-evanġelizzazzjoni ma ssirx mingħajr l-entużjażmu ġovanili, mingħajr żgħożija tal-qalb, mingħajr ġabra ta’ kwalitajiet li bihom iż-żgħożija hija kotrana: ferħ, tama, trasparenza, qlubija, idejaliżmu… Iva, is-sensibiltà tagħkom u l-ġenerożità spontanja tagħkom, it-tendenza lejn dak kollu li hu sabiħ, jagħmlu minn kull wieħed u waħda minnkom “allejat naturali” ta’ Kristu. Iktar, fi Kristu biss issibu tweġiba għall-problemi tagħkom u għall-ansjetajiet tagħkom. U intom tafu għaliex: huwa kien il-bniedem li l-iktar ħabb; u ħallielna “kodiċi” ta’ mħabba, il-Vanġelu tiegħu li, moqri mill-Konċilju, “…jipproklama l-libertà ta’ wlied Alla: jirrifjuta l-iskjavitù kollha, li tirriżulta, fl-aħħar minn l-aħħar, mid-dnub; tirrispetta integralment id-dinjità tal-kuxjenza u d-deċiżjoni libera tagħha; mingħajr ma tinterrompi, tiftakar li t-talenti umani kollha għandhom iduru f’servizzi ta’ Alla u tal-bnedmin; u fl-aħħarnett, tirrakkomanda l-karità lil kulħadd  ” (Gaudium et Spes, 41).

Fl-aħħarnett, l-imħabba biss issalva. U nirrepeti: il-problematika tas-salvazzjoni – jiġifieri ir-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin – hija tema fundamentali tal-ħajja umana. Il-ħajja tal-bniedem tiżvolġi ruħha kollha kemm hi fl-orbita ta’ din is-sejħa. Minħabba dan it-tema “salvazzjoni” hija minn dawk li huma mnaqqxa, b’mod partikolari, fir-ruħ taż-żgħażagħ. Huwa mportanti li nkunu nafu nagħmlu l-qari tagħha b’intuwizzjoni u li niżviluppawha b’mod onest fil-ħajja u fix-xogħol.

4. Is-salvazzjoni hija missjoni. Kristu ġie biex jgħidilna li s-salvazzjoni – jiġifieri, is-Saltna ta’ Alla – hija missjoni. Ġie wkoll biex jgħallimna kif għandna niżviluppawha.

Lit-tnejn u sebgħin dixxiplu, li jibgħat “tnejn tnejn quddiemu, fil-bliet u l-postijiet kollha fejn hu kien feħsiebu jmur”, Kristu qal: “Il-ħsad huwa ħafna, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil sid il-ħsad sabiex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10,2).

Il-Knisja tfakkarna dan il-kliem sikwit. Tfakkru b’mod partikolari, biex tistedinna nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, għall-vokazzjonijiet missjunarji.

Imma, għeżueż żgħażagħ, mhux biżżejjed li nitolbu biex il-Mulej iqanqal dawn il-vokazzjonijiet. Hemm bżonn li nkunu personalment attenti għall-appell li huwa jrid jindirizzalna, hemm bżonn li ma jonqosniex il-kuraġġ biex inwieġbu b’mod ġeneruż għal dan l-appell. Il-komunitajiet insara għandhom bżonn saċerdoti li jitimgħuhom bil-Kelma u bil-Ġisem ta’ Kristu, jinħtieġu ħajja reliġjuża, li tkun is-sinjal ta’ Alla u offerta lil Alla għall-benefiċċju tal-aħwa. U intom ma tixtiqux ittawlu l-preżenza tal-Mulej fid-dinja tallum, wieġbu għaċ-ċkejknin li jfittxu min jaqsmilhom il-ħobż u ma jsibux (cf. Lam 4,4)?

Tkellmu dwar evanġelizzazzjoni, ftakru id-dmir missjunarju hawn, fil-Portugal, u qanqlu wieħed mill-aspetti l-iktar pożittivi tal-istorja ta’ pajjiżkom. Minn hawn telqu tant missjunarji, antenati tagħkom, li wasslu l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni lill-bnedmin oħra. Mil-Lvant għall-Punent (il-Ġappun, l-Indja, l-Afrika, il-Brażil…); u wkoll illum għadu viżibbli l-frott ta’ din l-evanġelizzazzjoni. U bosta minn dawn il-missjunarji kienu żgħażagħ bħalkom. Kif nistà ma nfakkarx, fost l-oħrajn hawn f’Lisbona, l-eżempju ta’ San João de Brito, żagħżugħ minn Lisbona, li, waqt li ħalla l-ħajja faċli tal-qorti, telaq lejn l-Indja, biex iwassal il-Vanġelu tas-salvazzjoni lill-iktar foqra u abbandunati waqt li identifika ruħu magħhom u waqt li ssiġilla l-fedeltà tiegħu lil Kristu u lil ħutu bix-xhieda tal-martirju.

Ġuvintur u xebbiet tal-Portugal: Għollu għajnejkom u ħarsu lejn “l-għelieqi mdehba tal-ħsad”, fl-istennija tad-dirgħajn għax-“xogħol”.

5. Tkellimna dwar is-saċerdozju, il-ħajja reliġjuża u x-xogħol missjunarju. Bħala forma ta’ vokazzjonijiet li għandhom importanza partikolari fir-rigward tal-evanġelizzazzjoni, u li għalihom il-Knisja titlob b’mod speċjali. Wieħed iħoss sejħa għal dan it-talb mill-kliem tal-Mulej: “Itlobu mela lil sid il-ħsad, sabiex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10,2).

Imma kliem il-Mulej Ġesù rigward “bosta ħsad” u dwar il-ħaddiema, hemm bżonn li nifhmuh b’sens ferm iktar fundamentali u, fl-istess ħin, iktar wiesà minn dak indikat fil-modi ta’ vokazzjonijiet fil-Knisja, li għadna kemm semmejna.

Waqt li jitkellem dwar “ħsad”, dwar “bosta ħsad” u dwar “ħaddiema”, Kristu irid, l-ewwel u qabel kollox, iġiegħel lis-semmiegħa tiegħu jifhmu li s-“Saltna ta’ Alla”, jiġifieri is-“salvazzjoni”, hija d-dmir tal-bnedmin kollha. Kull persuna għandha tħoss lilha nfisha “ħaddiem”, protagonista tas-salvazzjoni propja tagħha: il-ħaddiem li huwa msejjaħ għall-“ħsad”. Kull persuna għandha taqlà b’mod onest din is-salvazzjoni. U dan huwa essenzjali wkoll għall-opra kollha ta’ evanġelizzazzjoni.

“Ħsad” għalhekk ifisser, twettiq fina nfusna tal-missjoni tal-evanġelizzazzjoni. Kull persuna hija msejħa mill-Kelma ta’ Alla għal dan il-ġeneru ta’ xogħol; huwa msejjaħ b’mod speċjali kull żagħżugħ – tifel jew tifla. Ma nistgħux nevanġelizzaw lill-oħrajn, jekk qabel ma nkunux evanġelizzati aħna. Ma nistgħux nikkollaboraw għas-salvazzjoni tal-oħrajn jekk qabel ma nidħlux aħna fil-mixja tas-salvazzjoni.

Bdejna din il-mixja tas-salvazzjoni f’jum il-Magħmudija tagħna, meta waqt li ċħadna l-ħażin, għazilna t-tajjeb, f’Ġesù Kristu; bdejna ngħixu il-Ħajja l-Ġdida, frott ta’ Mewtu u l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu. Din il-ħajja għandha tiżviluppa dejjem. Għalhekk huwa jibqà magħna, fil-Knisja: jibqà b’mod speċjali fl-Ewkaristija u fil-Penitenza.

Intom ilkoll, intom żgħażagħ ħbieb tiegħi, tapprezzaw dawn is-sorsi ta’ ħajja? Tafu tikkorrispondu għall-istedina ta’ Ġesù – il-Ħobż tal-Ħajja! – waqt li tipparteċipaw b’mod koxjenti fl-Ewkaristija, bix-xewqa ta’ għixien fil-milja tiegħu, li tirbħu l-ħażin u tikkonkwistaw it-tajjeb? U meta jkun hemm bżonn, minħabba d-dnub, tal-imperfezzjoni jew tad-dgħufija, tafu ssegwu l-mixja tal-konverżjoni u tar-rikonċiljazzjoni billi tfittxu s-sagrament tal-Penitenza, il-maħfra u l-ħajja? Iffurmaw il-kuxjenza tagħkom u kunu fidili lejn il-Mulej li jħobb u jaħfer.

6. Iktar ma nidħlu fix-“xogħol fina nfusna”, naraw b’mod ċar li ma nistgħux inkunu “ħaddiema tas-salvazzjoni propja”, mingħajr ma naħsbu fl-istess ħin għall-oħrajn. Il-problema tas-salvazzjoni propja hija marbuta b’mod organiku mal-kwistjoni tas-salvazzjoni tal-oħrajn. U dan huwa wkoll essenzjali għall-evanġelizzazzjoni.

Il-bnieden jibda ħajtu billi jirċievi. Meta jitwieled isib ruħu nserit f’dinja magħmula mill-oħrajn, b’mod ewlieni minn dawk l-eqreb tiegħu: ġenituri, ħutu bniet u subien. It-tarbija tirċievi prattikament kollox, mill-ikel sal-formazzjoni. Hemm jitgħallem jitkellem, jimxi u jgħix mal-oħrajn. Meta jiskopri l-għana u l-ħiliet tiegħu, iż-żagħżugħ ifittex li jgħaddi din il-fażi nfantili ta’ li jirċievi biex jgħaddi għall-fażi li jagħti. Ma jikkuntentax ruħu bid-dinja li rċieva, irid joħloq id-“dinja tiegħu”. Dan huwa l-waqt tal-ikbar għażla ta’ ħajja. Dan huwa l-waqt li fih jippjana u jħejji l-orjentazzjoni bażilari li jrid jistampa fuq il-bqija ta’ ħajtu  .

Dan il-passaġġ, minn li jirċievi għalli jagħti, mid-dipendenza għalli jassumi r-responsabbiltà propja, ma jiġix bla kriżijiet. Imma b’mod speċjal kriżijiet ta’ tkabbir u ta’ maturazzjoni. Bosta drabi ż-żagħżugħ ma jkunx mifhum u linqas ma’ jifhem lilu nnifsu. Diġa ma jridx jitqies iktar bħala tifel, imma jħoss li għadu mhuwiex adult. Bosta drabi jeżita fl-intimu tiegħu.

Mill-banda l-oħra kollox donnu jistenbaħ fih: jiskopri l-valuri, is-sess, limħabba u l-ideal; jiskopri wkoll d-dimensjoni vera tal-fidi. Skoperta grandjuża għalikom għeżież żgħażagħ!

Id-dinja issa ma tidhrilkomx bħala mit, imma bħala dmir kbir li jimponi ruħu fuqkom, il-ħajja tagħkom ma tippreżentax ruħha iktar bħala don. Issir impenn. L-attitudni tagħkom ma tirriduċix ruħha għall-istennija tal-kollox lest.  Żewġ preokkupazzjonijiet kbar jisfidawkom fil-prospettiva tal-futur: it-tħejjija għall-professjoni u it-tħejjija għall-istat tal-ħajja. Dawn iż-żewġ preokkupazzjonijiet kultant jassorbukom sat-telf tas-sabar. It-tensjoni tagħkom ta’ żgħażagħ nistgħu niġbruha bejn id-“diġa” u l-“le għadni”. Tħossu diġa r-responsabiltà, imma għad ma kellkomx l-opportunità li turuha. Diġa tridu tikkontribwixxu b’mod effikaċi għall-ġid komuni. Tant bl-ideat kif ukoll bl-opri, imma għadhom ma ppreżentawx ruħhom l-okkażjonijiet.

Issa huwa eżattament f’dan il-waqt, fil-waqt kbir tal-għażla u t-tħejjija tal-futur tagħkom, li l-iktar tinħtieġu lil Kristu. U, immexxija minnu, tistgħu tagħżlu l-professjoni u l-futur tagħkom, billi jkollkom quddiem għajnejkom il-ġid komuni u l-esiġenzi tas-saltna ta’ Alla, l-esiġenzi tal-fidi. Intom imsejħa biex “taħdmu” għas-salvazzjoni tal-oħrajn fl-istess ħin li taħdmu għas-salvazzjoni tagħkom. Intom imsejħa biex tkunu appostli, biex tevanġelizzaw il-Bxara t-Tajba, ikunu xi jkunu l-għażliet tagħkom għall-futur.

Kunu ġenerużi: agħżlu b’imħabba u ħejju ruħkom sewwa. Ħejju ruħkom għall-professjoni onestament u denjament, ħejju ruħkom għall-istat tal-ħajja li se tħaddnu; jekk tagħżlu iż-żwieġ, dan għamluh bis-serjetà u bir-rispett għal min  jum wieħed se jkun jaqsam magħkom il-ħajja u l-ideali tal-familja skont Alla.

7. Fis-sewwa il-“ħsad huwa ħafna”. U jimporta biss li kull wieħed u waħda minna jsiru “ħaddiema” awtentikament evanġeliċi. Il-“ħsad” jindika l-frott tax-xogħol uman. Imma jindika, fl-istess ħin, id-don li jasal għandna, permezz tal-ħolqien.

Is-salvazzjoni li Kristu jqiegħed quddiem il-bniedem bħala l-missjoni tiegħu hija, fl-istess ħin, don, u hija don b’mod speċjali.

“… se jkollkom il-qawwa tal-Ispirtu Santu, li se jinżel fuqkom, u se tkunu x-xhieda tiegħi f’Ġerusalem, fil-Ġudea kollha u fis-Samarija, u sat-truf estremi tal-art” (At 1,8). Dan huwa l-aħħar kliem li, skont l-Atti tal-Appostli, Kristu Rxoxt lissen fuq l-art, qabel it-Tlugħ fis-sema tiegħu. Ninsabu fil-perijodu liturġiku li jinfirex bejn il-Qawmien mill-Imwiet u l-Miġja tal-Ispirtu Santu: minħabba dan, tali kliem għalina jintlibes mill-ġdid b’attwalità partikolari.

Huwa mill-Ispirtu Santu li l-bnedmin jirċievu l-qawwa li jsalvaw. Jiġifieri, is-salvazzjoni li għall-bniedem hija dmir personali u komunitarju, għandha tkun imwettqa bil-qawwa tal-Ispirtu Santu.

Għal dan din tfisser, qabel kollox, don. Hija don kbir li permezz tiegħu Alla jaqsam mal-bniedem xi ħaġa li hija essenzjalment tiegħu. Sa ċertu punt, “jirregala Lilu nnifsu lill-bniedem”; jirregala Lilu nnifsu fi “Kristu”.

Jirregala lilu nnifsu biex ikun dik il-qawwa ta’ verità u mħabba, li tifforma l-“bniedem il-ġdid”, kapaċi li jittrasforma d-dinja: verità li, waqt li turi ruħha bħala esiġenza tal-għarfien u tad-dinjità umana, tiddetta l-għażliet ta mħabba, tal-imħabba li tavviċina, tgħaqqad, televa, tibni, u ssalva, meta nagħtu daqqa t’id lill-oħrajn fi fraternità umana, nisranija u ekkleżjali. Tirregala ruħha, b’mod partikolari, fis-Sagramenti – il-Magħmudija, il-Griżma, il-Qrar, l-Ewkaristija – li permezz tagħhom huwa mogħti jew miżjud id-don li, miċ-Ċenaklu wasal sa għandna, bħala Ħobż tal-Ħajja u bħala “Qawwa”, li jum wara jum, sal-qawmien tagħna għall-Ħajja eterna (cf. Ġw 6,51.58), ma’ Kristu biex ngħixu flimkien mal-Missier.

Hekk imissna nilqgħu dejjem is-salvazzjoni bħala Don u, fl-istess ħin imissna niddedikaw ruħna bħal għal missjoni.

Iktar ma jkollna għarfien tal-kobor tad-Don, iktar b’mod imħeġġeg nassumu l-missjoni, iktar b’mod serju nsiru l-“ħaddiema tal-ħsad”. Hawn hu l-fond tal-kwistjoni; dan huwa l-kuntest vitali tal-evanġelizzazzjoni.

8. Kristu Rxoxt isejjaħ lid-dixxipli tiegħu għall-evanġelizzazzjoni, billi jgħidilhom: “se tkunu x-xhieda tiegħi” (At 1,8). Hawn hu l-kliem-muftieħ!

Insiru xhieda ta’ Kristu, meta, bħala dixxipli tiegħu tal-Vanġelu, timmatura fina l-problema tas-salvazzjoni, il-problema tas-sejħa għas-Saltna ta’ Alla. Meta nilqugħuha, nagħmluha tagħna u nidentifikaw ruħna magħha. Meta tagħti sinifikat lil ħajjitna kollha u lill-mod tagħna ta’ kif naġixxu. Żgħażagħ maskili u femminili, ulied il-Portugal tal-jiem tagħna: Ħarsu lejn tant li ġew qabilkom fl-imgħoddi, ukoll huma wlied din il-Patrija. Ulied il-kultura tagħha u tal-lingwa tagħha. Tat-tbatijiet tagħha u tar-rebħiet tagħha. Kemm minnhom illum iwieġbu  bid-don totali tal-ħajja, għall-appell ta’ Kristu! Mir-Reġina Santa Isabel għal João de Deus, minn Antonio de Lisboa għal a João de Brito – biex nitkellmu biss dwar qaddisin kanonizzati – minn mixjiet differenti, huma kollha ċcaqilqu fil-karità ta’ Alla, namrati tal-ideal tal-verità u tal-imħabba, imċaqilqin mill-Ispirtu ta’ Kristu.

U min jistà jgħid, quddiem l-entużjażmu u l-ferħ tagħkom, li ż-żgħażagħ Portugiżi tallum huma inqas interessati, inqas disponibbli u inqas attenti għal Kristu minn dawk tal-imgħoddi? Iva, Kristu jafda fikom!

Il-Knisja tafda fikom! Il-Papa jafda fikom!

Ilqgħu, maħbubin żgħażagħ, ilqgħu mill ġdid għal darb’oħra l-appell ta’ Kristu: Kunu ix-xhieda tiegħu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: