Ġwanni Pawlu II fis-Santwarju ta’ Fatima

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PORTUGAL
(12-15 TA’ MEJJU 1982)
QUDDIESA FIS-SANTWARJU TAL-VERĠNI TA’ FATIMA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Fatima,
Il-Ħamis, 13 ta’ Mejju 1982

1. “U minn dak il-waqt id-dixxiplu ħadha f’daru” (Ġw 19,27).

B’dan il-kliem jagħlaq il-Vanġelu tal-liturġija tallum f’Fatima. L-isem tad-dixxiplu kien Ġwanni. Propju hu, Ġwanni, bin Zebbedew, Appostlu u Evanġelista, semà mill-għoli tas-salib il-kliem ta’ Kristu: “Hemm hi ommok” Qabel iżda Kristu kien qal lil Ommu: “Mara, hemm hu ibnek”.

Dan kien testament tal-għaġeb.

Waqt li ħalla din id-dinja Kristu ta lil Ommu lil raġel li għalih kien bħal ibnu: Ġwanni. Afdah lilha. U, b’konsegwenza ta’ dan ir-rigal u ta’ din il-fiduċja, Marija saret omm Ġwanni. Omm Alla saret omm il-bniedem.

Minn dik is-siegħa Ġwanni “ħadha f’daru” u sar l-għassies terren ta’ Omm imgħallmu; huwa infatti dritt u dmir tal-ulied li jieħdu ħsieb ommhom, B’mod speċjali iżda Ġwanni sar bir-rieda ta’ Kristu bin Marija. U fi Ġwanni sar binha kull bniedem.

2. “Ħadha f’daru” tistà tfisser ukoll litteralment fil-post fejn kien joqgħod.

Wirja partikolari tal-maternità ta’ Marija fir-rigward tal-bnedmin huma l-postijiet, li fihom Hi tiltaqà magħhom; id-djar li fihom Hi tgħammar; djar li fihom tinħass preżenza partikolari tal-Omm.

Tali postijiet u tali djar huma numerożissmi. U huma ta’ varjetà kbira: minn binjiet f’abitazzjonijiet jew għal għonq it-toroq, li fihom tiddi x-xbiha tal-Omm ta’ Alla, għall-Kappelli u għall-Knejjes mibnija ad unur tagħha. Hemm iżda xi postijiet, li fihom il-bnedmin iħossu partikolarment ħajja l-preżenza tal- Omm. Kultant dawn il-postijiet idawlu bil-kbir id-dawl tagħhom, jattiraw mill-bogħod lill-ġnus. Ir-raġġ tagħhom jistà jinfirex għal dijoċesi, għal nazzjon sħiħ, kultant għal iktar nazzjonijiet u saħansitra għal iktar kontinenti. Dawn huma s-Santwarji marjani.

F’dawn il-postijiet jitwettaq b’mod tal-għaġeb dak it-testment singolari tal-Mulej Imsallab: hemm il-bniedem iħoss ruħu mogħti u afdat lil Marija; il-bniedem hemm jiġri biex ikun magħha bħala Ommu propja; il-bniedem jiftaħ lilha qalbu u jkellimha dwar kollox: “Jeħodha ġo daru”, jiġifieri ġol problemi kollha tiegħu, kiultant diffiċli. Problemi propji u tal-oħrajn. Problemi tal-familji, tas-soċjetajiet, tan-nazzjonijiet, tal-umanità kollha.

3. Mhuwiex hekk is-Santwarju ta’ “Lourdes” fil-qariba Franza?  Mhix hekk “Jasna Gora” fl-art Pollakka, is-Santwarju tan-nazzjon tiegħi, li din is-sena qiegħed jiċċelebra il-ġublew tiegħu ta’ sitt mitt sena?

Donnu li hemm ukoll, bħal f’tant santwarji marjani oħra imferrxa mad-dinja, b’qawwa ta’ awtentiċità partikolari jidwi dan il-kliem tal-liturġija tallum “Int unur manifiku ta’ niesna” (Ġdt 15,10), u wkoll l-oħrajn: “Quddiem l-umiljazzjoni ta’ razzitna /… int għollejt il-waqgħa tagħna / billi ġibt ruħek b’mod rett quddiem Alla tagħna” (Ġdt 13,20).

Dan il-kliem jidwi ġo Fatima hekk bħal eku partikolari tal-esperjenzi mhux biss tan-nazzjon Portugiż, imma wkoll ta’ tant nazzjonijiet u popli oħra li jinsabu fuq il-globu terrestri: huma l-eku anzi tal-esperjenza tal-umanità kontemporanja kollha, tal-familja umana kollha.

4. Niġi hawn mela sabiex propju f’dan il-jum tas-sena li għaddiet, fi Pjazza San Pietru f’Ruma, seħħ l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa, li seħħ misterjożament mal-anniversarju tal-ewwel dehra ġewwa Fatima, li seħħet fit-13 ta’ Mejju 1917.

Dawn id-dati iltaqgħu bejniethom b’mod tali li jiena dehrli li qiegħed nagħraf sejħa speċjali biex niġi hawn. U hekk, illum jiena hawn. Ġejt biex niżżi ħajr lill-Providenza Divina f’dan il-post li Omm Alla donna għażlet b’mod hekk partikolari. “Misericordiae Domini, quia non sumus consumpti” (Lam 3,22), intenni mill-ġdid għal darb’oħra mal-profeta.

Ġejt biex fuq kollox nistqarr hawn il-glorja ta’ Alla nnifsu: “Imbierek il-Mulej Alla li ħalaq is-sema u l-art” jien ngħid mal-kliem tal-lituġija tallum (Ġdt 13,18).

U lejn il-Ħallieq tas-sema u l-art ngħolli wkoll dak l-innu ta’ glorja speċjali, li huwa hija stess, l-Immakulata Omm tal-Verb inkarnat: “Imbierka int, binti, quddiem Alla l-iktar għoli iktar min-nisa kollha li jgħixu fuq l-art…

Tassew li l-kuraġġ li sostniek ma jaqax mill-qalb tal-bnedmin li se jiftakru għal dejjem il-qawwa ta’ Alla. Alla tana eżitu feliċi għal din il-bravura għall-eżaltazzjoni kostanti tiegħek” (Ġdt 13,18-20).

A bażi ta’ dan il-kantiku ta’ tifħir, li l-Knisja tgħolli bil-ferħ hawn bħal f’tant postijiet tal-art, wieħed isib l-għażla nkomparabbli ta’ bint tal-ġeneru uman bħal Omm Alla.

U allura ikun adurat b’mod speċjali Alla: Missier, Iben u Spirtu Santu.

Tkun imbierka u meqjuma Marija, mudell tal-Knisja, inkwantu “għamara tat-Trinità Qaddisa”.

5. Sa miż-żmien li fih Ġesù, waqt li kien qiegħed imut fuq is-Salib, qal lil Ġwanni: “Hemm hi Ommok”; sa miż-żmien li fih “id-dixxiplu ħadħa f’daru”, il-misteru tal-maternità spiritwali ta’ Marija kellu t-twettiq tiegħu fl-istorja b’firxa bla qies. Maternità tfisser interess fil-ħajja tal-iben. Issa, jekk Marija hija omm il-bnedmin kollha, l-attenzjoni tagħha għall-ħajja tal-bniedem hija ta’ sinifikat universali. L-attenzjoni ta’ omm tħaddan il-bniedem kollu. Il-maternità ta’ Marija għandha l-bidu tagħha fl-attenzjoni materna tagħha ta’ Kristu. Fi Kristu Hi aċċettat taħt is-salib lil Ġwanni u, fih, aċcettat lil kull bniedem u l-bniedem kollu. Marija tħaddan lil kulħadd b’attenzjoni partikolari fl-Ispirtu Santu. Huwa, infatti Hu, bħalma nistqarru fil-“Kredu” tagħna, dak li “jagħti l-ħajja”. Huwa hu li jagħti l-milja tal-ħajja miftuħa lejn l-eternità.

Il-maternità spiritwali ta’ Marija hija mela sehem fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, ta’ Dak li “jagħti l-ħajja”. Din hija l-għaqda tas-servizz umli ta’ Dik li dwarha tgħid: “Hawn jien, jien il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38).

Fid-dawl tal-misteru tal-maternità spiritwali ta’ Marija, ejjew infittxu li nifhmu l-messaġġ straordinarju, li beda jidwi fid-dinja ta’ Fatima sa mit-13 ta’ Mejju 1917 u estenda ruħu għal ħames xhur sat 13 ta’ Ottubru tal-istess sena.

6. Il-Knisja dejjem għallmet u tkompli xxandar li r-rivelazzjoni ta’ Alla tasal għat-twettiq tagħha f’Ġesù Kristu, li huwa l-milja, u li “M’għandna nistennew ebda rivelazzjoni pubblika oħra qabel il-manifestazzjoni glorjuża tal-Mulej” (Dei Verbum, 4). Il-Knisja tevalwa u tiġġudika ir-rivelazzjonijiet privati skont il-kriterju tal-qbil tagħhom ma’ tali Rivelazzjoni uniku pubblika.

Jekk il-Knisja laqgħet il-messaġġ ta’ Fatima huwa fuq kollox għaliex huwa jiġbor fih verità u sejħa, li fil-kontenut fundamentali tagħhom huma l-verità u s-sejħa tal-Vanġelu stess.

“Ikkonvertu, (agħmlu penitenza) u emmnu fil-Vanġelu” (Mk 1,15), dan hu l-ewwel kliem tal-Messija ndirizzat lill-umanità. Il-messaġġ ta’ Fatima huwa fin-nukleju fundamentali tiegħu is-sejħa għall-konverżjoni u għall-penitenza, bħal fil-Vanġelu. Din is-sejħa kienet ippronunzjata fil-bidu tas-seklu XX, u, għalhekk, kienet indirizzata partikolarment għal dan is-seklu. Is-Sinjura tal-messaġġ donnha taqra b’intuwitu speċjali is-“sinjali taż-żminijiet”, is-sinjali ta’ żmienna.

L-appell għall-penitenza huwa matern u fl-istess ħin, qawwi u deċiż. Il-karità li “tifraħ bil-verità”(1Kor 13,6), taf tkun sinċiera u deċiża. Is-sejħa għall-penitenza tingħaqad, bħal dejjem, mas-sejħa għat-talb.  Bi qbil mat-tradizzjoni ta’ bosta sekli, is-Sinjura tal-messaġġ ta’ Fatima tindika ir-“Rużarju”, li b’mod ġust wieħed jistà jiddefinih “it-talba ta’ Marija”: it-talba, li fiha Hija tħossha marbuta magħna b’mod partikolari. Hija stess titlob magħna. B’din it-talba jitħaddnu l-problemi tal-Knisja, tas-Sedja ta’ San Pietru, il-problemi tad-dinja kollha. Barra minn dan, jitfakkru l-midimbin, sabiex jikkonvertu u jsalvaw, u l-erwieħ tal- purgatorju.

Il-kliem tal-messaġġ kien indirizzat lil tfal ta’ età minn 7 sa 10 snin. It-tfal bħal Bernardetta ta’ Lourdes, huma pprivileġġjati b’mod partikolari f’dawn id-dehriet ta’ Omm Alla.

Minn hawn il-fatt li l-lingwaġġ tagħha huwa sempliċi, biex ikunu jistgħu jifhmuh. It-tfal ta’ Fatima saru l-interlokituri tas-Sinjura tal-messaġġ u wkoll il-kollaboraturi tagħha. Waħda minnhom għadha ħajja

7. Meta Ġesù qal fuq is-Salib: “Mara hawn hu ibnek” (Ġw 19,26) – b’mod ġdid fetaħ il-qalb ta’ Ommu, il-Qalb Immakulata, u rrivelalha id-dimensjoni l-ġdida tal-imħabba u s-sinifikat il-ġdid tal-imħabba, li għalih kienet imsejħa fl-Ispirtu Santu bil-qawwa tas-sagrifiċċju tas-Salib.

Fil-kliem ta’ Fatima jidhrilna li nerġgħu nsibu propju din id-dimensjoni tal-imħabba materna , li bir-raġġ tagħha tifhem it-triq kollha tal-bniedem lejn Alla: dik li twassal bl-art, u dik li tgħaddi, mill-purgatorju, barra minn l-art. L-attenzjoni ta’ Omm is-Salvatur hija l-attenzjoni għall-opra tas-salvazzjoni: l-opra ta’ Binha. Hija attenzjoni għas-salvazzjoni, għas-salvazzjoni eterna tal-bnedmin kollha. Waqt li qegħdin jintemmu 65 sena minn dak it-13 ta’ Mejju 1917, huwa diffiċli li ma nirrejalizzawx kif din l-imħabba feddejja tal-Omm tħaddan fir-raġġ tagħha, b’mod partikolari, is-seklu tagħna.

Fid-dawl tal-imħabba materna nifhmu l-messaġġ kollu tas-Sinjura ta’ Fatima. Dak li b’mod l-iktar dirett jopponi l-mixja tal-bniedem lejn Alla huwa d-dnub, il-perseveranza fid-dnub, u fl-aħħar, iċ-ċaħda ta’ Alla. Il-kanċellazzjoni programmata ta’ Alla mid-dinja tal-ħsieb uman. Id-distakk minnu tal-attività terrena kollha tal-bniedem. Ir-rifjut ta’ Alla min-naħa tal-bniedem.

Fir-realtà is-salvazzjoni eterna tal-bniedem hija biss f’Alla. Ir-rifjut ta’ Alla min-naħa tal-bniedem, jekk isir definittiv, jiggwida b’mod loġiku għar-tifjut tal-bniedem min-naħa ta’ Alla (cf. Mt 7,23; 10,33), id-dannazzjoni.

 Tistà l-Omm, li bil-qawwa kollha ta’ mħabbitha, li tgħajjex fl-Ispirtu Santu, tixtieq is-salvazzjoni ta’ kull bniedem, tiskot fuq dak li jimmina l-istess bażijiet ta’ din is-salvazzjoni? Le, dan ma tistax tagħmlu!

Għal dan, il-messaġġ tas-Sinjura ta’ Fatima, hekk matern, u fl-istess ħin hekk qawwi u deċiż. Donnu seve, bħħal qisu qed jitkellem Ġwanni l-Battista fuq ix-xtut tal-Ġordan. Jistieden għall-penitenza. Iwissi. Isejjaħ għat-talb. Jirrakkomanda r-Rużarju.

Dan il-messaġġ huwa ndirizzat lil kull bniedem. L-imħabba t’Omm is-Salvatur jasal kulfejn tilħaq l-opra tas-Salvazzjoni. Oġġett tal-attenzjoni tagħha huma l-bnedmin kollha tal-epoka tagħna, u flimkien is-soċjetajiet, in-nazzjonijiet u l-popli. Is-soċjetajiet mhedda mill-apostasija, mhedda mid-degradazzjoni morali. Il-kollass tal-moralità jġorr miegħu l-kollass tas-soċjetajiet.

8. Kristu qal fuq is-Salib: “Mara, hawn hu ibnek”.  Bdan il-kliem fetaħ, b’mod ġdid, il-Qalb t’Ommu. Ftit wara, il-lanza tas-suldat Ruman nifdet il-kustat tal-Imsallab.

Dik il-Qalb minfuda saret is-sinjal tal-fidwa mwettqa permezz tal-mewt tal-Ħaruf ta’ Alla.

Il-Qalb Immakulata ta’ Marija, miftuħa mill-kliem: “Mara, hawn hu ibnek”, spiritwalment tiltaqà mal-Qalb tal-Iben miftuħa mil-lanza tas-suldat. Il-Qalb ta’ Marija infetħet mill-istess imħabba għall-bniedem u għad-dinja, li biha Kristu ħabb lill-bniedem u lid-dinja, billi għalihom offra lilu nnifsu fuq is-Salib, sa dik id-daqqa ta’ Lanza tas-suldat.

Tikkonsagra d-dinja lill-Qalb Immakulata ta’ Marija jfisser tavviċina, permezz tal-interċessjoni tal-Omm, għall-istess Sors tal-Ħajja, li nibet fuq il-Golgota. Dan is-sors igelgel b’mod li ma jaqtax bil-fidwa u bil-grazzja. Kontinwament iwettaq fiha t-tiswija għad-dnubiet tad-dinja. Bla ma taqtà hija s-sors ta’ ħajja ġdida u ta’ qdusija.

Tikkonsagra d-dinja lill-Immakulata Qalb tal-Omm, ifisser terġà lura taħt is-Salib tal-Iben. Iktar: ifisser tikkonsagra din id-dinja lill-Qalb minfuda tas-Salvatur, billi terġà teħodha għall-istess sors tal-Fidwa tagħha. Il-Fidwa hija dejjem ikbar mid-dnub tal-bniedem u mid-“dnub tad-dinja”. Il-qawwa tal-Fidwa tissupera b’mod infinit il-varjetà kollha tal-ħażen, li jinsab fil-bniedem u fid-dinja.

Il-Qalb ta’ Marija hija konxja, iktar minn kwalunkwè ħolqien ieħor fil-kożmu kollu, viżibbli u inviżibbli.

U għal dan issejjaħ.

Issejjaħ mhux biss għall-konverżjonoi, issejjaħ biex iġġegħlna nfittxu l-għajnuna tagħha, biex nerġgħu lura lejn is-Sors tal-Fidwa.

9. Tikkonsagra ruħek lil Marija jfisser li tħalli lilek innifsek tiġi mgħejjun minnha biex noffru lilna nfusna u lill-umanità lil “Dak li hu Qaddis” infinitament Qaddis: inħallu lilna nfusna niġu mgħejjunin minnha – billi niftakru f’Qalbha ta’ Omm, miftuħa taħt is-salib għall-imħabba lejn kull bniedem, lejn id-dinja kollha, u l-bniedem, u l-umanità, lejn id-dinja kollha kemm hi – biex toffri lid-dinja, u l-bniedem u l-umanità, u n-nazzjonijiet kollha, lil Dak li huwa infinitament Qaddis. Il-qdusija ta’ Alla wriet ruħha fil-fidwa tal-bniedem, tad-dinja, tal-umanità kollha, tan-nazzjonijiet: fidwa li seħħet permezz tas-Sagrifiċċju tas-Salib. “Għalihom jien nikkonsagra lili nnifsi”, kien qal Ġesù (Ġw 17,19).

Bil-qawwa tal-fidwa id-dinja u l-bniedem kienu kkonsagrati. Kienu kkonsagrati lil Dak li hu nfinitament Qaddis. Kienu offruti u afdati lill-Imħabba nfisha, lill-Imħabba ħanina.

Omm Kristu ssejħilna u tistedinna biex ningħaqdu mal-Knisja tal-Alla l-ħaj f’din il-konsagrazzjoni tad-dinja, f’dan l-affidament li permezz tiegħu id-dinja, l-umanità, in-nazzjonijiet, il-bnedmin individwali kollha huma offruti lill-Etern Missier bil-qawwa tal-Fidwa ta’ Kristu. Huma offruti fil-Qalb tal-Feddej minfuda fuq is-Salib.

Omm il-Feddej issejħilna, tistedinna u tgħinna biex ningħaqdu f’din il-konsagrazzjoni, f’dan l-affidament tad-dinja. Allura infatti insibu ruħna l-eqreb possibbli għall-Qalb ta’ Kristu minfuda fuq is-Salib.

10. Il-kontenut tal-appell tas-Sinjura ta’ Fatima għandu għeruqu profondament fil-Vanġelu u fit-Tradizzjoni kollha, li l-Knisja tħoss ruħha mpenjata minn dan il-messaġġ.

Hija wieġbet bil-Qaddej ta’ Alla Piju XII (li l-ordinazzjoni episkopali tiegħu kienet saret preċiżament nhar it-13 ta’ Mejju 1917, li ried jikkonsagra lill-Qalb Immakulata ta’ Marija l-ġeneru uman u b’mod speċjali l-popli tar-Russja. B’dik il-konsagrazzjoni huwa ma ssodisfax forsi għall-elokwenza evanġelika tal-appell ta’ Fatima?

Il-Konċilju Vatikan II, fil-kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium u fil-kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja kontemporanja Gaudium et Spes, spjega fil-wisgħa ir-raġunijiet tal-irbit li jgħaqqad il-Knisja  mad-dinja tallum. Fl-istess ħin, it-tagħlim tagħha dwar il-preżenza partikolari ta’ Marija fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, immatura fl-att li bih Pawlu VI, waqt li sejjaħ lil Marija wkoll “Omm il-Knisja”, indika b’mod l-iktar profond il-karattru tal-għaqda tagħha mal-Knisja u tal-attenzjoni tagħha għad-dinja, għall-umanità, għal kull bniedem, għan-nazzjonijiet kollha: il-maternità tagħha.

B’dan il-mod kien iktar intensifikat il-fehim tas-sens tal-konsagrazzjoni, li l-Knisja hija msejħa biex tagħmel billi tirrikorri għall-għajnuna tal-Qalb ta’ Omm Kristu u Ommna.

11. Biex, illum, jippreżenta ruħu quddiem il-Ġenitriċi ta’ Bin Alla, fis-Santwarju ta’ Fatima, Ġwanni Pawlu II, suċċessur ta’ Pietru, prosekutur tal-opra ta’ Piju, ta’ Ġwanni, ta’ Pawlu, u b’mod partikolari werriet tal-Konċilju Vatikan II?

Qiegħed jippreżenta ruħu, wara li reġà qara, b’biżà kbir dik is-sejħa materna għall-penitenza, għall-konverżjoni: dak l-appell imħeġġeġ tal-Qalb ta’ Marija li dewa f’Fatima 65 sena ilu. Iva, qrah b’biżà kbir f’qalbu, għaliex jara kemm bnedmin u kemm soċjetajiet, kemm insara marru fid-direzzjoni opposta għal dik indikata mill-messaġġ ta’ Fatima. Id-dnub iggwadanja dritt hekk qawwi ta’ ċittadinanza fid-dinja u ċ-ċaħda ta’ Alla infirxet bil-kbir fl-idejoloġiji,  fl-ideat u fil-programmi umani!

Imma propju għalhekk, l-istedina evanġelika għall-penitenza u għall-konverżjoni ppronunzjata bi kliem l-Omm, hija dejjem attwali. U ferm iktar attwali minn 65 sena ilu. U ferm iktar urġenti. Għalhekk din issir l-argument tas-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss, is-sena li ġejja, Sinodu li diġa qegħdin inħejju ruħna għalih.

Is-suċċesur ta’ Pietru jippreżenta ruħu hawn bħala xhud tat-tbatijiet immensi tal-bniedem, bħala xhud tat-theddid kważi apokalittiku, li qegħdin jagħfsu fuq in-nazzjonijiet u fuq l-umanità.

Dawn it-tbatijiet huwa jfittex li jħaddanhom b’qalbu dgħajfa umana, waqt li jqiegħed ruħu quddiem il-misteru tal-Qalb tal-Omm, tal-Qalb Immakulata ta’  Marija.

F’isem dawn it-tbatijiet, bl-għarfien tal-ħażin li hu mxerred fid-dinja u jhedded il-bniedem, in-nazzjonijiet, l-umanità, is-suċċessur ta’ Pietru jippreżenta ruħu hawn b’fidi ikbar fil-fidwa tad-dinja, f’din l-Imħabba feddejja li hija dejjem iktar qawwija, dejjem iktar b’saħħitha minn kull ħażin.

Jekk mela l-qalb tingħafas minħabba s-sens tad-dnub tad-dinja u minħabba l-medda tat-theddid, li qiegħda tinġabar fuq l-umanità, din l-istess qalb umana tespandi fit-tama bit-twettiq għal darb’oħra ta’ dak li għamlu diġa il-predeċessuri tiegħi: jiġifieri nikkonsagra d-dinja lill-Qalb tal-Omm, nikkonsagralha b’mod speċjali lil dawk il-popli li tassew għandhom bżonn. Dan l-att ifisser li nikkonsagra lid-dinja lil Dak li huwa Qdusija nfinita. Din il-Qdusija tfisser fidwa, tfisser imħabba iktar b’saħħitha mill-ħażin.

Qatt ebda “dnub fid-dinja” ma jistà jissupera din l-Imħabba.

Mill-ġdid għal darb’oħra. Infatti l-appell ta’ Marija mhuwiex għal darba biss. Dan huwa miftuħ għal ġenerazzjonijiet dejjem ġodda, skont is-“sinjali taż-żmenijiet” dejjem ġodda. Iva rridu nirritornaw għalih bla ma qatt naqtgħu. Nerġgħu dejjem mill-ġdid immorru lura għalih.

12. Kiteb l-Awtur tal-Apokalissi:
“Rajt ukoll il-belt qaddisa, Ġerusalem il-ġdida, tinżel mis-sema, mingħand Alla. Lesta bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha. Smajt allura leħen qawwi li kien ħiereġ mit-tronn: “Hawn hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin! Huwa se jgħammar fosthom u huma se jkunu l-poplu tiegħu, u huwa se jkun Alla -magħhom” (Ap 21,2ss).

B’tali fidi tgħix il-Knisja.

B’tali fidi jimxi l-Poplu ta’ Alla.

“L-għamara ta’ Alla mal-bnedmin” hija diġa fuq l-art.

U fiha hemm il-Qalb tal-Għarusa u tal-Omm, Marija, imżejna bil-ġojjell tal-immakulata konċezzjoni: il-Qalb tal-Għarusa u tal-Omm miftuħa taħt is-Salib mill-kliem tal-Iben għal imħabba kbira ġdida tal-bniedem u tad-dinja; il-Qalb tal-Għarusa u tal-Omm konxja tat-tbatijiet kollha tal-bnedmin u tas-soċjetajiet ta’ din id-dinja.

Il-Poplu ta’ Alla huwa pellegrin fit-toroq ta’ din id-dinja fid-direzzjoni eskatoloġika. Iwettaq il-pellegrinaġg lejn l-eterna Ġerusalem, lejn l-“għamara ta’ Alla mal-bnedmin”.

Hemm, Alla “jixxotta kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iktar il-mewt, linqas vistu, linqas krib, linqas inkwiet, għaliex l-affarijiet ta’ qabel għaddew” (cf. Ap 21,4).

Imma issa “l-affarijiet ta’ qabel” għadhom magħna. Propju huma jikkostitwixxu l-ispazju temporanju tal-pellegrinaġġ tagħna.

Għalhekk ejjew inħarsu lejn “Dak li hemm bilqiegħda fuq it-tronn, li jgħid: “Hekk hu, jien nagħmel ġodda l-ħwejjeġ kollha”” (cf. Ap 21,5).

U flimkien mal-evanġelista u appostlu ejjew infittxu li naraw bl-għajnejn tal-fidi is-sema u l-art il-ġodda” għaliex is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel” diġa għaddew…

Imma s’issa “is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel” għadhom jeżistu madwarna. Ma nistgħux ninjoraw dan. Dan jippermettilna iżda li nagħrfu liema grazzja immensa kienet mogħtija lill-bniedem meta f’nofs dan il-pellegrinaġġ, fuq ix-xefaq tal-fidi tagħna xegħel dan is-“Sinjal grandjuż: Mara” (Ap 12,1)!

Iva, tassew nistgħu ntennu: “Imbierka int, bint, quddiem Alla l-iktar għoli iktar min-nisa kollha li jgħixu fuq l-art!

… billi ġibt ruħek b’mod rett, quddiem Alla tagħna,
… int għollejt il-waqgħa tagħna”.

Tassew! Int imbierka!

Iva, hawn u fil-Knisja Kollha, fil-qalb ta’ kull bniedem u fid-dinja kollha: tkun imbirerka o Marija, Ommna l-iktar ħelwa!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: