Ġwanni Pawlu II f’quddiesa għall-bdiewa

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PORTUGALL
(12-15 TA’ MEJJU 1982)
QUDDIESA GĦALL-BDIEWA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Vila Viçosa
Il-Ġimgħa, 14 ta’ Mejju 1982

Maħbub ħija, Monsinjur Maurilio de Gouveia, Arċisqof ta’ Évora,
maħbubin ħuti fl-Episkopat,
eċċellentissimi Awtoritajiet,
għeżież ħuti u
għeżież bdiewa u ħaddiema ta’ dawn l-artijiet Portugiżi.

1. “Morru intom ukoll fl-għalqa tad-dwieli tiegħi u jkollkom is-salarju ġust” (Mt 20,4).

F’dan u f’siltiet oħra evanġeliċi Ġesù jesprimi ruħu permezz ta’ parabboli, li l-kontenut tagħhom huwa meħud mid-dinja li hemm madwaru. Fihom l-Imgħallem Divin jirreferixxi, bosta drabi, għax-xogħol tar-rabà.

Hekk jiġri fit-test taċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma tallum, bil-parabbola tal-ħaddiema tal-għalqa tad-dwieli. Kristu, permezz ta’ eżempji meħudin mid-dinja maħluqa u infatti magħrufa mis-semmiegħa tiegħu, jintroduċihom fir-realtà soprasensibbli u indiviżibbli tas-Saltna ta’ Alla. Fis-sewwa, hekk kien li hu kien jagħmel biex ifiehem lill-bnedmin is-saltna spiritwali tiegħu.

Il-bniedem li jaħdem onestament, bħala esseri liberu u ntelliġenti, ikompli l-opra tal-ħolqien, billi jwettaq il-komunjoni ma’ Alla; billi jsir parteċipi fil-Fidwa sa ma jasal għas-sehem gradwali u sħiħ fil-Ħajja divina. Huwa f’din il-prospettiva li nimmeditaw il-parabbola, għeżież uliedi tal-Portugal u b’mod speċjali tar-reġġjuni ta’ Ribatejo, Alentejo u Algarve, u wkoll magħkom għeżież nomadi u Pellegrini li ġejtu minn artijiet oħra Portugiżi jew mill-viċina Spanja. Niżżi ħajr lis-sinjur Arċisqof ta’ Evora, għall-kliem amabbli ta’ tislima u, ugwalment, liż-żagħżugħ ħaddiem li għamilha ta’ interpret tas-sentimenti ta’ sħabu.

Jien ukoll insellmilkom u rrid ngħidilkom, lilkom ilkoll li tgħixu fix-xogħol iebes tal-kultivazzjoni tal-art: il-preżenza tiegħi hawn, u wkoll dik tas-sinjur Arċisqof ta’ Evora u ta’ Isqfijiet oħra tal-Portugal u ta’ Spanja, hija sinjal konkret li l-Knisja tifhem u tagħtaf l-aspirazzjonijiet leġittimi tagħkom ta’ ġustizzja, progress u paċi fl-impenn tal-professjoni tagħkom. Il-Knisja, il-Papa, l-Isqfijiet tal-Portugal huma magħkom biex jgħinukom tirbħu nuqqas ta’ fehim u inġustizzji, biex jagħtu jdejhom lill-iktar foqra u sfavoriti, fl-isfera tal-missjoni tagħha, sabiex ilkoll tkunu tistgħu tagħmlu progress u tieħdu sehem bil-kalma fil-valuri umani u għoljin ta’ xogħol dehen u peoduttiv. Hawn, fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni ta’ Vila Vicosa, taħt il-ħarsa tas-“Sultana” tal-Portugal, inkurunata minn Dom João Quarto, ejjew nagħmlu r-riflessjoni tagħna, waqt li nitolbu lill-Ispirtu Santu, Spirtu ta’ verità u mħabba, biex idawwalna u jassistina.

2. Il-parabbola tal-ħaddiema tal-għalqa tad-dwieli, li għadha kemm inqrat, tinkludi veritajiet important ta’ ordni soprannaturali. L-ewwel waħda hija li l-ġustizzja tas-Saltna ta’ Alla titwettaq ukoll permezz tal-opra tal-bniedem, permezz ta’ “xogħolu fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej”. Kull wieħed huwa mistieden minnu, biex “jibni” d-dinja fid-diversi modi, waqtiet u aspetti tal-ħajja umana u terrestri. It-tieni verità hija li d-don tas-Saltna ta’ Alla, offrut lill-umanità, huwa fuq kull u kwalunkwè kejl li l-bnedmin soltu jużaw biex jivvalutaw ir-relazzjoni bejn ix-xogħol u s-salarju. Dan id-don imur ‘il hemm mill-bniedem.

Billi huwa soprannaturali, wieħed ma jistax ikejlu bi kriterji purament umani.

It-test evanġeliku tal-ħaddiema tal-għalqa tad-dwieli u l-oħrajn taċ-ċelebrazzjoni tallum, jistednuna għal riflessjoni dwar ix-Xogħol tal-bniedem, speċjalment dwar ix-xogħol tal-art, fil-prospettiva tal-ordni u tal-ġustizzja li jmisshom isaltnu fis-soċjetà  .

Il-Knisja, kif tafu tajjeb, iddedikat bosta attenzjoni għal dawn il-problemi tal-imsejħa “Kustjoni soċjali”, b’mod speċjali fl-aħħar seklu. Minkejja li l-attenzjoni bikrija tagħha marret għall-industrija u għax-xogħol industrijali, ix-xogħol ukoll tal-bniedem li jikkultiva l-art ikkostitwixxa parti ċara u mportanti tat-tagħlim tal-Knisja, sa minn żmien tal-enċiklika Rerum Novarum ta’ Ljun XIII. Hekk Piju XI akkuża pubblikament l-influwenza tal-kapitaliżmu ndustrijali dwar l-agrikoltura, waqt li ddeplora s-sitwazzjoni ta’ tant bdiewa, “ridotti f’kondizzjoni ta’ ħajja nferjuri, imċaħħda mit-tama ta’ lħuq ta’ kwalunkwè porzjon ta’ art u, konsegwentement, suġġetti għal dejjem għall-kondizzjoni ta’ proletarjat, jekk ma jużawx rimedji opportuni u effikaċi” (Piju XI, Quadragesimo Anno, III, 59).

Imma kien fuq kollox il-Papa Ġwanni XXIII, dixxendent minn familja tal-kampanja, li ddedika attenzjoni speċjali għall-problemi tal-ħajja agrikola, billi talab għall-agrikoltura il-post li jixirqilha. Fil-Mater et Magistra huwa jirrakkomanda mhux biss li jintgħeleb l-iskwiribliju eżistenti bejn id-diversi setturi ta’ kull Pajjiż, imma ttratta wkoll il-problema ta’ prospettiva mondjali, waqt li enfasizza l-bżonn ta’ ekwilibri ġodda u tal-koperazzjoni solidari tal-Pajjiżi għonja u b’mod predominanti industrijalizzati mal-fqar, li qegħdin jiżviluppaw u b’ekonomija agrikola irritardjata.

Fiż-żminijiet tagħna ta’ tensjonijiet ekonomiċi u soċjali enfasizzati, taċċentwa ruħha l-viżjoni unilaterali tal-progress, indirizzata b’mod aċċentwat għall-industrijalizzazzjoni. Imma huwa konsolanti li tara wkoll li qiegħed jispikka l-bżonn li jiġi mogħti lura lill-agrikultura il-post li hi tikkompeti fil-qasam tal-iżvilupp ta’ kull nazzjon u tal-progress internazzjonali. Propju riċentement l-Isqfijiet tagħkom, fid-dawl tal-enċiklika Laborem Exercens, kienu wrew il-bżonn li “jattakkaw b’deċiżjoni il-kroniki mard tal-agrikoltura fil-Portugal, fil-linja tal-għarfien tad-dinjità u tad-drittijiet tal-irġiel, tan-nisa u tal-familji tar-rabà” Kienu osservaw tajjeb ħafna huma “li mhux biżżejjed li xxandar id-drittijiet”, imma huwa urġenti li “toħloq il-kondizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, sabiex ikun possibbli li tissodisfa dawn id-drittijiet, u hekk il-bdiewa speċjalment dawk żgħażagħ, iħossu ruħhom stimolati biex jiffissaw ruħhom għall-art u għax-xogħol agrikolu”. Din hija sfida għal kulħadd u li għaliha “l-istess ħaddiema rurali ma jistgħux iħallu li jwieġbu, billi jinfetħu għal forom ġodda ta’ assoċjazzjoni u koperazzjoni bejniethom u għal inizjattivi opportuni ta’ modernizzazzjoni ta’ tekniki u ta’ kultura ”.

3. Għall-viżjoni tagħna tal-problemi tax-xogħol tar-rabà sabiex ikun dak li għandu jkun, hemm bżonn li niffissaw il-ħsieb – b’kontinwità mat-tradizzjoni tad-duttrina soċjali tal-Knisja – fuq id-dinjità u l-pożizzjoni tal-bniedem f’din id-dinja. Fis-sewwa huwa l-bniedem li jwettaq ix-xogħol u huwa minħabba l-kawża tal-bnedmin li x-xogħol kollu uman għandu jkun imsejjes fil-ġustizzja, ispirat u vvalorizzat mill-imħabba reali u effettiva tal-proxxmu.

Permezz tas-Salm 8, li għadna kemm irreċitajna ftit ilu, nistgħu nifhmu x’inhu l-Bniedem fil-ħsieb ta’ Alla u fl-ordni tal-ħolqien. Fil-preżenza tal-Mulej, is-Salmista jagħmel lilu nnifsu din id-domanda: “X’inhu l-bniedem?” Sa ċertu punt, id-domanda hija magħmula lill-istess Alla: “Meta nikkontempla s-smewwiet, opra ta’ jdejk, / il-qamar u l-kwiekeb li inti ffissajt, / x’inhu l-bniedem, li int tiftakar fih, / bin il-bniedem, għaliex int taħseb fih?” (Sal 8,4s).

Dan il-kliem jitkellem dwar iċ-ċokon tal-bniedem, fil-konfront mal-opri kbar tal-ħolqien.

Fl-istess ħin ixandru id-dinjità inkomparabbli tiegħu. Difatti, minkejja ċ-ċokon tal-bniedem, Alla “jiftakar fih u jieħu ħsiebu”. Id-dinjità umana teċċella ferm iktar bis-sentenza li jżid is-salmista: “Tajtu d-dominanza fuq l-opri ta’ jdejk, / Inti qgħedthom taħt riġlejh” (Sal 8,7).

Fl-enċiklika Laborem Exercens jiena ridt neżalta l-figura prominenti tal-“bniedem li jaħdem”.

Dan huwa l-“muftieħ essenzjali” għall-interpretazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi soċjali. Bil-kelma “Xogħol” nindika l-attività umana kollha, ibda minn dik l-iktar modesta u ta’ esekuzzjoni utli, sa dik l-iktar elevata. Għax-xogħol tal-art ukoll għandhom japplikaw il-kriterji jew il-prinċipji ġenerali esposti f’dik l-enċiklika, li fiha niddedika diversi paġni “għad-dinjità tax-xogħol agrikolu” (Ġwanni Pawlu II, Laborem Exercens, 21).

4. Għeżież Ħaddiema rurali, irġiel u nisa, żgħażagħ u anzjani: lilkom ukoll il-Mulej tal-għalqa tad-dwieli jiddirieġi ruħu fil-Vanġelu bl-istedina: “Mur int ukoll fl-għalqa tad-dwieli tiegħi u se nagħtik is-salarju xieraq”. Ukoll jekk konċiża, din is-sentenza twassalna għall-istudju ta’ diversi problemi li s-soluzzjoni tagħhom tistà tkun miksuba biss permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji etiċi fundamentali, ta’ valur universali, li fihom jibbaża ruħu l-progress reali tas-soċjetà. Waqt li jiġu applikati hemm bżonn li tingħata mportanza lis-sitwazzjonijiet partikolari, lid-diversi modi u gradi ta’ żvilupp ta’ kull żona umana. F’kelma waħda, hemm bżonn li nħarsu lejn l-esiġenzi tal-ġustizzja  u nattribwixxu il-primat morali lil dak li joħroġ mill-verità totali dwar il-bniedem.

Id-dinja kontemporanja, minkejja l-progress xjentifiku enormi u tat-teknika, qiegħda tgħix taħt il-biżà ta’ katastrofi kbira, li tistà taqleb ta’ taħt fuq is-suċċessi kbar tagħha, kemm-il darba l-gwerra tipprevali fuq il-paċi. Minħabba dan, l-ispejjeż għall-armamenti hemm bżonn li jonqsu, biex jiggarantixxu lill-pajjiżi kollha minimu ta’ kondizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp globali, b’nod speċjali għal dak li għandu x’jaqsam mas-settur agrikolu u alimentari. L-istat ta’ faqar assolut ta’ ċerti gruppi umani ta’ bosta Pajjiżi, b’ekonomija arretrata, joffendi d-dinjità ta’ miljuni ta’ persuni imġegħla jgħixu f’kondizzjonijiet ta’ miżerja degradanti. Huwa għalhekk urġenti li nagħtu lill-ħaddiema tar-rabà l-possibiltà li jwettqu b’mod konkret id-drittijiet umani fundamentali.

5. Fl-ewwel qari bibbliku meħud mill-ktieb ta’ Amos, nitkellmu dwar l-edifikazzjoni tar-rovini, jiġifieri dwar ir-“rikostruzzjoni”. Jekk inhu diffiċli tibni, iqum ukoll iktar, wara ċerti fażijiet ta’ deklin, li tiltaqà ma’ forom ġodda ta’ ekwilibriju u ta’ tiġdid, biex tegħleb opinjonijiet u proċessi antikwati u tipproduċi iktar u aħjar.

Fi strateġija nazzjonali ta’ żvilupp, addattata għall-kondizzjonijiet konkreti ta’ ħila u ta’ kultura propji, l-iżvilupp armoniku u progressiv tal-agrikoltura għandu bżonn li jkun inkwadrat fi program globali tad-diversi setturi tal-ekonomija nazzjonali, li tqis sewwa l-oġġettivi umani fundamentali; jiġifieri, mhux iż-żieda tal-produzzjoni effettiva biss, imma wkoll id-distribuzzjoni ekwa tal-prodott tax-xogħol. B’tali nkwadrament fi programm globali, wieħed irid joqgħod attent li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ infrastrutturi adegwati, ta’ kondizzjonijiet opportuni ta’ kreditu, ta’ mezzi moderni u biżżejjed ta’ transport u ta’ xogħol, bil-kummerċ rispettiv estern u intern tal-prodotti agrikoli, fl-intern ta’ spirtu krejattiv ta’ kompetizzjoni b’saħħitha.

6. “Se nagħtikom dak li huwa ġust”, jgħid is-sid tal-parabbola evanġelika. Dan huwa kliem ta’ importanza kapitali, għaliex jirreferi għall-problematika gravi tas-salarju ġust u tad-drittijiet umani u tad-dinjità tal-ħaddiem tal-art (Ġwanni Pawlu II, Laborem Exercens, 16-23). F’dan il-punt jeħtieġ li nagħrfu il-post privileġġjat ta’ min jaħdem l-art, kemm jekk għandu x’jaqsam ma’ bdiewa propjetarji jew sempliċement bdiewa mhux propjetarji. L-impriżi kbar għandhom jutilizzaw l-art, billi dejjem iġibuha li tipproduċi dejjem iktar, bis-sehem opportun tal-bdiewa, u billi jissuġġettaw l-effiċjenza u l-utilità propji għad-dritt ta’ salarju ġust ta’ dawk li jikkontribwixxu għall-produzzjoni, mingħajr ma jitlfu l-funzjoni soċjali tal-propjetà.

Għal dan huwa ta’ min japprezza l-inizjattivi u l-azzjonijiet ikkombinati ta’ assoċjazzjonijiet kbar ta’ bdiewa u ħaddiema. Mingħajr ma nittraskuraw il-valur ekonomiku tal-impriżi agrikoli ta’ gruppi iktar zġhar, ta’ familji u saħansitra ta’ individwi, b’possibiltà ta’ sfruttament vantaġġjuż tal-propjetà. Ikun tajjeb ħafna jekk il-bdiewa jkunu jistgħu jaħdmu l-art tagħhom, billi joħolqu impriżi agrarji tassew funzjonali.

7. Għeżież bdiewa u ħaddiema rurali; bi spirtu ta’ kollaborazzjoni, intom għandkom tkunu l-awturi tal-progress tal-agrikoltura, bħala element important tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ art twelidkom. Fittxu, mela, li tiżviluppaw l-ispirtu ta inizjattiva, billi tippromwovu l-inserzjoni taż-żgħażagħ ikkwalifikati fl-impriżi agrikoli. Ippermettuli li nfakkarkom: il-prinċipji espressi fil-Laborem Exercens dwar il-bniedem li jaħdem, b’mod partikolari dwar il-ħaddiem tar-rabà, dawn japplikaw ukoll għan-nisa li jaħdmu l-art.

Iżda, bħalma tafu tajjeb, il-progress agrikolu mixtieq ma jistax iseħħ mingħajr istruzzjoni suffiċjenti u formazzjoni professjonali, li ssegwi l-modernizzazzjoni tal-metodi u mezzi tal-attività agrikola.

Għal dan ma nistgħux nieqfu milli nirrakkomandaw l-isforz ta’ tant li fil-Portugal jaħdmu f’dan is-sens.

Jiftakru iżda l-Isqfijiet tagħkom, fid-dokument ikkwotat, li “ir-Riforma agrarja ma tistax tkun mod strumentali biex jinkisbu interessi partiġġjani, għaliex jolqot il-ħajja tal-bnedmin tal-agrikoltura b’tali dimensjoni u profondità li huwa kriminali tagħmel minnha strument ta’ parti. Ir-riforma agrarja għandha tkun riforma tal-agrikoltura fil-Portugal, fis-sens li tippersonalizza x-xogħol agrikolu. Huwa important li, f’dan il-punt wieħed jinnota d-dmir li kulħadd jattwa b’metodi li jirrispettaw il-libertà, l-awtonomija u s-sehem responsabbli tal-bdiewa u taċ-ċittadini kollha, fil-fomentazzjoni tal-ġustizzja soċjali”.

8. Ejjew, għeżież ħaddiema tar-rabà, għal darb’oħra għall-parabbola evanġelika. Din tgħallem li l-bniedem ma jgħix biss fid-dinja, fis-soċjetà, fi stat jew nazzjon, imma huwa wkoll imsejjaħ, fl-istess ħin, għas-Saltna ta’ Alla. Li dwarha titkellem ix-xbiha tal-għalqa tad-dwieli. Ix-xogħol uman tal-art (u għall-art) u l-kostruzzjoni tas-Saltna ta’ Alla jiltaqgħu u jingħaqdu bejniethom. Is-Saltna ta’ Alla ma tistax tkun ivvalutata, mid-dimensjonijiet ta’ ordni soċjali u terren. Il-bini tagħha jseħħ mhux biss għall-mertu, imma wkoll għall-grazzja, u b’mod speċjali għall-grazzja, li tagħmel possibbli kull u kwalunkwè mertu. Bħala frott tal-grazzja u tal-mertu, is-Saltna ta’ Alla mhix premju korrispondenti għall-mertu, bħalma jistà jkun is-salarju fir-rigward tax-xogħol li jkun sar, imma huwa, l-ewwel u qabel kollox, don soprannaturali: Don li huwa ‘il fuq minn kull mertu.

Aħna lkoll ċittadini tal-patrija ċelesti. Ix-xogħol tagħna huwa ta’ mportanza straordinarja għas-suċċess tal-ġid komuni. Imma aħna wkoll ċittadini tas-Saltna ta’ Alla, li mhix ta’ din id-dinja u li tasal għandna bħal don divin u bħala vokazzjoni nisranija.

Il-Mulej jistedinna biex inwieġbu għal din il-vokazzjoni u biex ningħaqdu miegħu, permezz tat-talb li jfisser ix-xogħol tagħna ta’ nsara.  “Ora et labora” – itlob u aħdem – huwa prinċipju antik mogħti minn San Benedittu lill-irħieb tiegħu. L-għaqda tax-xogħol mat-talb u li tagħmel ix-xogħol talb, jagħtikom kuraġġ, kostanza u serenità biex tirbħu d-diffikultajiet u n-nuqqas ta’ fehim, jagħmel iktar ferrieħi x-xogħol tagħkom, bl-aqwa impatti fil-kristjaneżmu tagħkom, fil-kostruzzjoni ta’ soċjetà aħjar u iktar ferrieħa.

Nieħu pjaċir infakkar hawn il-figura tradizzjonali u nisranija tal-ħaddiem rurali ta’ dawn l-artijiet Portugiżi, li, minn dak li rrakkontawli, mad-daqq tal-Ave-Marija jew tat-“Trinità” u diġa id-dar, għad-daqq tal-“Erwieħ, mill-kampnari tal-Knejjes, iwaqqaf, għall-mument, l-attività tiegħu biex jgħolli ħsibijietu lejn l-Għoli, waqt li jitlob lil Alla, donatur tal- ġid kollu.

9. “O Mulej Alla tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha”! Hawn f’dan is-Santwarju tal-Verġni Immakulata, illum l-Isqof ta’ Ruma, u suċċessur ta’ San Pietru, jgħolli lejk idejh, il-ħsieb u l-qalb, flimkien mal-ulied kollha maskili u femminili tan-Nazzjon Portugiż f’għaqda speċjali ma’ dawk li jikkultivaw l-art bix-xogħol ta’ jdejhom u bil-għaraq ta’ ġbinhom. F’għaqda waħda magħhom, o Missier tat-tjubija u Mulej tal-univers, nitolbok il-barka tiegħek fuq xogħlhom iebes. Bierek. Mulej, l-għelieqi tagħhom u t-tbatijiet tagħhom! Tinżel abbundanti l-barka tiegħek fuq il-familji tagħhom u fuq il-komunitajiet kollha tagħhom! Bierek, Mulej, lill-Art Twelidhom, il-Portugal!

Ħallieq tal-Univers, huwa frott ta’ dawn in-nies il-ħobż u l-inbid li kuljum noffru fis-Sagrifiċċju ewkaristiku, sabiex jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnek Ġesù Kristu. Dan huwa xogħol li jservi għall-Ewkaristija!

Jalla dawn l-artijiet, ir-rabà kollu tal-Portugall, minn Minho sa Tràs-os Montes all’Algarve, ikunu dejjem iffavoriti bi ħsad abbundanti. Jalla l-grazzja tas-Saltna tiegħek tgħarraq il-qlub tal-abitanti kollha tiegħek!

Fis-Saltna tiegħek ta’ ġustizzja, ta’ paċi u ta’ mħabba, agħti Mulej, il-premju etern lilhom ilkoll. Int dan il-premju, fl-istess ħin ir-rabta sagra biex tgħaqqadhom fl-imħabba u fil-paċi, li qatt ma jintemmu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: