Nibdlu n-negattiv fil-pożittiv

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 29 ta’ Awwissu 2022: Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fl-Inawgurazzjoni tal-estensjoni tal-Oratorju tas-Salesjani, Ħad Dingli.

Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Din tal-lum hi okkażjoni verament sabiħa għall-Knisja f’Malta u għal Malta. Meta inti tara dawn l-adolexxenti u ż-żgħażagħ li huma impenjati b’mod sħiħ f’dan l-Oratorju, tinduna li hawn qed tinbena b’mod pożittiv ħafna s-soċjetà Maltija u l-Knisja.

L-ewwel nett nirringrazzja ħafna lil dawk kollha li ħadmu għall-estensjoni ta’ dan il-bini u stinkaw biex ikun hawn Oratorju daqshekk sabiħ. Hu post li laqa’ fih lil tant żgħażagħ tul is-snin, u li issa qed jieħu dehra ġdida. Fl-istess waqt nixtieq nirringrazzja ħafna lis-Salesjani għall-ġid li għamlu tul is-snin f’Malta, u partikolarment hawnhekk f’Ħad Dingli f’dan il-proġett li l-ewwel kien għaż-żgħażagħ ta’ Ħad Dingli, imma żviluppa u issa jattendu fih żgħażagħ minn diversi postijiet. Is-Salesjani qed ikomplu l-missjoni ta’ Don Bosco, li tant għamel ġid u li l-Kongregazzjoni tiegħu kompliet tagħmel il-ġid tul is-snin, b’mod speċjali maż-żgħażagħ.

Nixtieq ħafna li dan li qed isir hawn fl-Oratorju jkun iktar magħruf, ħalli n-nies ikunu jafu b’tant affarijiet pożittivi li qed isiru hawnhekk u japprezzawh. Is-serata sabiħa tal-lejla hija espressjoni tal-enerġija li toħroġ minn hawn.  Insemmi wkoll il-leaders li kie żgħażagħ, li kienu attivi fl-esperjenza ta’ sitt ġimgħat dan is-sajf – imsejħa “Sajf Allegrija 2022” – u nirringrazzjahom ħafna ta’ dan il-kontribut tagħhom fl-Oratorju. Dawn qed jagħtu sehem importanti għal soċjetà aħjar, li tirrispetta aktar id-dinjità ta’ kull bniedem.

It-tema magħżula għall-esperjenza tas-sajf kienet ‘Nibnu l-pontijiet’, u hawn tassew esperjenza tagħha bis-sehem flimkien taż-żgħażagħ f’dan l-Oratorju. Hawnhekk, kif ġie spjegat tajjeb ħafna, kull persuna tista’ tħossha maħbuba, milqugħa, mogħtija l-possibiltà li tiżviluppa t-talenti tagħha, u tikber f’atmosfera ta’ familja. Hawn iż-żgħażagħ jistgħu jkunu verament iffurmati f’ċittadini onesti u Nsara tajbin.

Nawgura li dak li għamlu s-Salesjani hawn ikun ta’ eżempju kbir għalina lkoll, imma speċjalment għaż-żgħażagħ li jattendu l-Oratorju. X’għamlu s-Salesjani fil-pandemija? F’esperjenza daqshekk negattiva u kerha, u li ġabet ħafna dwejjaq fin-nies, ħadu l-okkażjoni biex jibdlu esperjenza negattiva fi proġett pożittiv. L-Oratorju kellu jinżamm magħluq għal żmien twil waqt il-pandemija, u ħatfu din l-okkażjoni bl-għajnuna ta’ ħafna biex jibdluh f’post isbaħ. Din hi tagħlima għalina lkoll biex fil-ħajja dak kollu li jidher negattiv, u li jidher daqqa ta’ ħarta, nibdluh f’xi ħaġa pożittiva għall-ġid tal-oħrajn u għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

Filwaqt li nirringrazzja mill-qalb lis-Salesjani, nixtieq ninkoraġġihom ħafna f’din il-missjoni li għandhom li tant hi importanti għalina lkoll. Jalla aħna lkoll – u b’mod speċjali ż-żgħażagħ u l-ġenituri – inkomplu nagħtu appoġġ għal esperjenzi sbieħ bħal dawn, bħalma hi tal-Oratorju, biex inkomplu nagħmlu l-ġid lil xulxin u lis-soċjetà Maltija.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: