Nagħmlu l-ġid u nsalvaw il-ħajja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 5 ta’ Settembru 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tat-tlieta u għoxrin ġimgħa ta’ matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?” (Lq 6:9) Dawn huma l-mistoqsijiet li Ġesù għamel lill-kittieba u l-Fariżej meta kien fis-sinagoga, fejn mar jgħallem, u kien hemm ragel li kellu idu l-leminija niexfa. Minn naħa kien hemm il-kittieba u l-Fariżej, li kienu moħħhom f’Ġesù biex jaraw x’se jagħmel; u min-naħa l-oħra Ġesù li qara l-ħsibijiet tagħhom u għalhekk mal-ewwel għamlilhom dawn il-mistoqsijiet bħala challenge: “X’jiswa nhar ta’ Sibt? Tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?”

B’dawn il-mistoqsijiet, Ġesù mar għall-iktar ħaġa essenzjali, dik li hi prijorità: il-ġid tal-bniedem, il-protezzjoni tal-ħajja tiegħu, hemm għandna l-prijorità. Il-liġijiet u r-regolamenti, anke fil-ħajja tagħna reliġjuża, huma indirizzati lejn dan. Dan irid jenfasizza Ġesù: x’jiġi l-ewwel.  Jekk inti tista’ tfejjaq lill-bniedem, tfejqu; jekk tista’ tagħmillu l-ġid, tagħmillu l-ġid; jekk tista’ ssalvalu ħajtu, issalvaha.

Il-kittieba u l-Fariżej, li kienu nies reliġjużi, kellhom din il-fissazzjoni fuq ir-regolamenti marbutin ma’ Jum is-Sibt: x’m’għandekx tagħmel f’Jum is-Sibt. Imma li ġara kien li minħabba f’hekk, huma tilfu l-iskop ta’ Jum is-Sibt, l-iktar ħaġa essenzjali.  Bl-Ingliż hemm espressjoni li toqgħod ħafna għal kif irraġunaw huma: “Missing the wood for the trees” – li int tinsa l-iskop l-aktar importanti, dak li jiġi l-ewwel, minħabba ċerti dettalji. Dawn hekk għamlu. Għax  Alla li jqimu f’Jum is-Sibt, Alla li għalih hemm Jum is-Sibt, hu Alla tal-ħajjin, Alla li jgħożż il-ħajja, Alla li jrid il-fejqan tal-bniedem, li jridlu l-ġid.

Ara Ġesù, fil-ħajja u l-ministeru tiegħu, dejjem kien immexxi minn dal-kliem li qal hu: jagħmel il-ġid, u jfittex li jsalva l-ħajja. Nafu li fittex dejjem li jagħmel il-ġid, per eżempju bil-fejqan. Ġesù kien ifejjaq lill-bniedem fiżikament, imma anke jagħtih fejqan minn ġewwa, u fejqan ukoll fir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla u mal-oħrajn. U dejjem fittex li jsalva l-ħajja u li jagħti l-ħajja lill-bniedem.

Dan hu ta’ tagħlima għalina, messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. Jekk nieħdu dal-kliem ta’ Ġesù bħala kriterju biex imexxina fil-ħajja tagħna, ġa għandna ħafna. L-ewwel nett, li nagħmlu l-ġid u mhux id-deni. Ħu l-kelma tagħna, per eżempju. Kelma tista’ tagħmel ħafna ħsara, anke kelma waħda; u kelma waħda tista’ tagħmel ħafna ġid. Jekk ikollna f’moħħna li meta nitkellmu, u fil-mod kif inġibu ruħna mal-oħrajn, nagħmlu l-ġid u li ngħinu lil min hu fil-bżonn – għandna l-eżempju sabiħ tal-qaddisa Madre Tereża li qed nagħmlu t-tifkira tagħha llum, eżempju mill-isbaħ – hemmhekk niskopru kemm hija sabiħa l-ħajja. Papa Franġisku jgħid, fl-Eżortazzjoni Appostolika fuq il-Ferħ tal-Evanġelju: “Jekk jirnexxili ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti” (Evangelii gaudium, 274). Kemm hi sabiħa! Kemm tgħinna biex f’ħajjitna nfittxu li nagħmlu l-ġid, mhux id-deni!  Imbagħad, Ġesù jsemmi li ssalva ħajja, mhux teqridha. U aħna nafu kemm hu importanti li ngħożżu l-ħajja. Dan li qal Ġesù jibda mill-bidu nett, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, fejn hemm ukoll l-għażla: issalva l-ħajja, mhux teqridha. U tkompli f’kull waqt tal-ħajja sat-tmiem naturali. Kemm hu sabiħ meta aħna jkollna tassew din l-għożża tal-ħajja, tagħna u tal-oħrajn, li tmexxina dejjem f’kull mument ta’ ħajjitna!

Nitolbu lill-Mulej illum biex bl-għajnuna tiegħu nagħmlu l-ġid u mhux id-deni; u nfittxu li ngħożżu u nsalvaw il-ħajja, mhux neqirduha.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju 

Leave a Reply

%d bloggers like this: