Ġwanni Pawlu II f’Wembly Stadium

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-GRAN BRITTANJA
QUDDIESA GĦAT-TIĠDID
TAL-WEGĦDIET TAL-MAGĦMUDIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Wembley, 29 ta’ Mejju 1982

Għeżież ħuti  fi Kristu.

1. Wara t-Tlugħ fis-Sema l-Appostli telgħu fis-sular ta’ fuq fejn Ġesù kien waqqaf l-Ewkaristija u kien iddetta l-liġi tal-imħabba li kienet l-ewwel u l-iktar kompluta tal-Kmandamenti tiegħu. U hemm huma inġabru, “regolari u unanimi fit-talb, flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, Omm Ġesù u ma’ ħutu” (At 1, 14).

Illejla aħna miġburin hawn f’atmosfera ugwalment spiritwali. Fil-vġili ta’ Pentekoste jien se niċcelebra din il-Quddiesa magħkom. Flimkien se nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija bħala don tagħna nfusna lill-Missier ċelesti magħqudin fl-offerta tas-sagrifiċċju ta’ Kristu fl-Ewkaristija.

Ejjew nirriflettu flimkien dwar il-Kelma ta’ Alla. L-Appostli kienu mbeżżà. Kienu qegħdin jitolbu. Aħna wkoll qegħdin nitolbu għax mimlijin bil-biżgħat u bid-dgħufgijiet. “Aħna nokorbu internament waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna”; aħna wkoll qegħdin nistennew b’perseveranza sabiex l-Ispirtu Santu jiġi biex jgħinna fid-dgħufija tagħna  (cf. Rm 8, 22-26).

Disgrazzjatament mhux id-dixxipli kollha tal-Mulej huma magħqudin għal kollox fil-fidi u fil-karità  .

Din hija waħda mir-raġunijiet taż-żjara tiegħi fil-Gran Brittanja u tal-pellegrinaġġ tiegħi tallum fil-Katidral ta’ Canterbury.  Imma jiena ġejt qabel xejn biex nagħmel żjara pastorali lill-Komunità Kattolika, biex inżur il-Knisja tal-Ingilterra u ta’ Wales:  biex inġedded l-imħabba u l-entużjażmu komuni tagħna għall-Vanġelu ta’ Kristu. Biex inwettaqkom fil-fidi u biex naqsam magħkom it-tamiet, id-dwejjaq u l-ansjetajiet.

2. Waqt li qiegħed inħares lejn din l-assemblea kbira inħossni mimli b’rispett lejn kull wieħed u waħda minnkom. Intom ulied maskili u femminili ta’ Alla; huwa jħobbkom. Jiena nemmen fikom, nemmen fl-umanità kollha, nemmen f’dinjità unika ta’ kull esseri uman u nemmen li kull individwu għandu valur li qatt ma jistà jkun injorat, li minnu ma jistà qatt ikun miċħud.

Naf ukoll li spiss, spiss wisq, id-dinjità u d-drittijiet umani ma jkunux irrispettati. Il-bniedem huwa nċitat biex jikkumbatti kontra bniedem ieħor, klassi kontra klassi oħra, f’konflitti inutli.

Immigranti, popli ta’ kulur differenti u ta’ reliġjonijiet u kultura differenti huma oġġett ta’ diskriminazzjoni u ostilità. Il-qalb tal-bniedem hija nkwetata u mħawda. Rebaħ l-ispazju imma huwa nċert dwar dak li jirrigwarda lilu. Huwa mħawwad dwar id-direzzjoni li huwa sejjer u huwa traġiku li nosservaw li s-supremazija teknoloġika tagħna hija fermi ikbar minn għaqalna lejna nfusna. Dan kollu jrid jinbidel. “Kemm huma kbar, Mulej, / l-opri tiegħek . . . Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, huma maħluqa, / u ġedded il-wiċċ tal-art” (Sal 103 [104], 24.30). Tkun din is-supplika tagħna, li aħna niġġeddu fil-profond tal-qalb bl-opra tal-Ispirtu Santu.

3. Flimkien inġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija.

Hemm bżonn li niċħdu d-dnub. Is-seduzzjoni tal-ħażen u lil Satana. Missier id-dnub u prinċep tad-dlamijiet. Hemm bżonn nistqarru l-fidi tagħna f’Alla wieħed, f’Ibnu Salvatur tagħna Ġesù Kristu u fil-miġja tal-Ispirtu Santu, tal-ħajja eterna. U nkunu responsabbli għal dak li ngħidu, marbutin ma’ patt mal-Mulej Sidna.

4. Ħuti qabel ma nkunu fidili ma’ dan il-patt hemm bżonn li nkunu poplu ta’ talb u ta’ spiritwalità profonda. Is-soċjetà tagħna hemm bżonn li terġa ssib is-sens tal-preżenza amorevoli ta’ Alla u sens imġedded ta’ rispett lejn ir-rieda tiegħu. Ejjew  nitgħallmu dan minn Marija, Ommna. Fl-Ingilterra, id-“Dowry of Mary”, il-fidila, għal sekli kienet  tragward ta’ pellegrinaġġi lejn is-Santwarju tagħha ta’ Walsingham. Illum Walsingham huwa f’Wembley u l-istatwa ta’ Sidtna ta’ Walsingham, hawn preżenti, tħeġġiġna nimmeditaw dwar Ommna. Hija obdiet bla biżà għar-rieda ta’ Alla. Iġġenerat l-Iben ta’ Alla bl-opra tal-Ispirtu Santu. Fidila f’riġlejn is-Salib hija stenniet fit-talb li l-Ispirtu Santu jinżel fuq il-Knisja naxxenti. Hija Marija li tgħallimna nisktu u nisimgħu il-leħen tal-Mulej f’nofs dinja okkupata u storbjuża. Hija Marija li tgħinna biex insibu l-ħin għat-talb. Permezz tar-Rużarju. Din it-talba kbira mqaddsa tgħinna nagħrfu lil Kristu. Aħna għandna bżonn ngħixu kif għexet hi, fil-preżenza ta’ Alla, billi ngħollu lejn Alla il-menti u l-qalb fl-attivitajiet u l-preokkupazzjonijiet tagħna ta’ kuljum.

Jalla djarkom isiru postijiet ta’ talb għall-ġenituri u l-ulied. Alla għandu jkun il-qalb ħajja tal-ħajja familjari tagħkom. Qaddsu l-Ħadd, morru għall-Quddiesa tal-Ħadd. Għall-Quddiesa fejn il-Poplu ta’ Alla jinġabar magħqud madwar l-altar biex iqim u jinterċiedi. Fil-Quddiesa intom tipprattikaw il-privileġġ kbir tal-Magħmudija, faħħru lil Alla f’għaqda ma’ Kristu Ibnu. Faħħru lil Alla f’għaqda mal-Knisja tiegħu.

Huwa barra minn dan important ħafna li tkunu f’armonija mal-Isqfijiet tagħkom. Dawn huma s-suċċessuri tal-Appostli. Huma l-għassiesa u l-għalliema tal-fidi tagħkom. Ħobbuhom u rrispettawhom u itolbu għalihom. Huma huma li rċivew id-dmir li jmexxukom lejn Kristu.

U intom, għeżież ħuti fil-ministeru tas-saċerdozju, intom għandkom responsabiltà partikolari: tridu tibnu il-Ġisem ta’ Kristu. Hemm bżonn tinkuraġġixxu lil-Lajċi fil-vokazzjoni speċifika tagħhom fis-soċjetà; hemm bżonn tgħinuhom biex “jidentifikaw ruħhom ma’ Kristu”. Hemm bżonn issostnuhom fil-ħajja nisranija tagħhom u tisfidawhom għal qdusija ferm ikbar. Offru lill-poplu tagħkom it-teżori tal-liturġija tal-Knisja. Iċċelebraw il-Quddiesa b’kompetenza, qima u mħabba. La tgħejjewx tippridkaw l-importanza ta’ Tqarbin frekwenti. Ħeġġu l-Qrar magħmul ta’ spiss. Dan huwa Sagrament li għandu qawwa u importanza dejjiema.  Ħeġġu fil-parroċċa għal atmosfera u għal drawwa ta’ talb żeluż u ta’ ħajja komunitarja.

5. Ħuti, biex inkunu fidili għall-patt ma’ Alla mhux biss irridu nkunu poplu li jitlob, imma wkoll poplu li jwettaq r-rieda tal-Missier ċelesti. Mill-ġdid għal darb’oħra hija Marija li tgħallimna. Waqt li tobdi hija taċċetta għal kollox il-proġett ta’ Alla għal ħajjitha. U waqt li tagħmel danhija tikseb il-kobor tagħha. “Imbierka dik li emmnet fit-twettieq ta’kliem il-Mulej” (Lq 1, 45).

Ejjew aħna nesprimu l-aċċettazzjoni sħiħa tagħna tal-kelma ta’ Kristu billi nirrispettaw il-prinċipji morali tal-vokazzjoni nisranija. U t-twettiq ta’ dawn it-talbiet huwa att ta’ ubbidjenza affezzjonanti lejn Ġesù Kristu, il-Verb Inkarnat ta’ Alla. Jekk il-fidi tagħna hija qawwija, il-liġijiet morali tal-ħajja nisranija – għalkemm kultant ikunu diffiċli biex twettaqhom u jitolbu dejjem sforzi u disponibiltà – ma jidhru la irraġonevoli u linqas impossibbli.

Bla dubju, il-fedeltà tagħna tqegħdna f’kuntrast mal-ispirtu tal-“era preżenti”. Iva, aħna ninsabu fid-dinja, bħala dixxipli ta’ Kristu mibgħutin fid-dinja, imma ma nippartinux lid-dinja (cf. Ġw 17, 16.18).

Il-konflitt bejn ċerti valuri tad-dinja u l-valuri tal-Vanġelu huwa parti mill-ħajja tal-Knisja li ma tistax tinjora, propju kif inhi inevitabbli parti mill-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. U huwa hawn li għandna nsibu dak is-“sabar” li dwaru kellimna San Pawl fit-tieni qari: “Aħna nokorbu internament waqt li nistennew is-salvazzjoni tagħna b’tama u perseveranza” (cf. Rm 8, 23-25).

6. Spiss tkellimt dwar id-deklin tar-rispet tal valuri morali fundamentali li huma parti essenzjali tal-ħajja nisranija.  Verament, il-valuri morali huma essenzjali għall-ħajja ta’ kull esseri uman ħieles u responsabbli, maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla u ddestinat għal ħajja iktar għolja.

Id-dinja tilfet fil-wisgħa r-ridspett għall-ħajja umana sal mill-bidu tal-konċepiment. Mhix jirnexxilha ssostni l-għaqda li ma tinħallx taż-żwieġ. Jonqos is-sosten tal-istabilità u l-qdusija tal-ħajja familjari. Hemm kriżi ta’ verità u responsabiltà fir-rapporti umani. L-egoiżmu huwa dominanti. Ir-rapporti internazzjonali huma mimlijin tensjonijiet minħabba d-differenza u l-inġustizzja eċċessiva fl-istrutturi ekonomiċi, soċjali, kulturali u minħabba il-lentezza biex jittieħdu r-rimedji meħtieġa. Spiss taħt dan kollu hemm kunċett falz tal-bniedem u tad-dinjità vera tiegħu, u għatx ta’ poter pjuttost milli xewqa li jkunu utli.

Kif nistgħu aħna l-insara naqblu ma’ dan l-istat tal-affarijiet? Qatt nistgħu nsejħu dan progress? Nistgħu forsi ngħollu spallejna u ngħidu li ma nistgħu nagħmlu xejn biex inbiddluh?

Ħuti, l-eesenza tal-vokazzjoni nisranija tikkonsisti fli nkunu “dawl” u “melħ” għad-dinja li fiha ngħixu. Ma nistgħux inkunu beżżiegħa: “L_Ispirtu Santu jiġi jgħin id-dgħufija tagħna” (Rm 8, 26).

Żommu f’moħħkom dik ix-xbiha ta’ Marija u tal-Appostli matul il-Pentekoste f’Ġerusalem.

Ftakru li l-Istess Spirtu Santu li mela moħħhom u qlubhom illum jimla l-Knisja kollha u jġibilna d-doni l-iktar sbieħ u l-iktar qawwija: “Imħabba, ferħ, paċi, sabar, tjubija, fedeltà, ġentilezza,  kontroll tagħna nfusna” (Gal 5, 22).

Ejjew naċċettaw realment il-kliem ta’ Ġesù: “Min għandu l-għatx jiġi għandi u jixrob” (Ġw 7, 37). F’dak il-waqt aħna nirċievu d-don tiegħu. “Xmajjar ta’ ilma ħaj igelglu minn sidru . . .Dan qalu b’riferenza għall-Ispirtu Santu li kellhom jirċievu l-kredenti fih”. U f’dak il-waqt bl-opra tal-Ispirtu Santu aħna nsiru poplu li jitlob: l-Ispirtu nnifsu “jinterċiedi b’insistenza għalina (cf. Rm 8, 26). U aħna nsiru poplu qaddis.

Ħuti għeżież fi Kristu, agħrfu l-vokazzjoni nisranija tagħkom. Kristu sejħilkom mid-dlam lejn id-dawl meraviljuż tiegħu. Aħsbu x’għamel Alla għalikom fil-Magħmudija u għollu għajnejkom u ħarsu lejn il-glorja finali li hemm tistenniekom.

“Bierek lill-Mulej ruħ tiegħi! / Mulej Alla tiegħi, kemm inti kbir! / Kemm huma kbar, o Mulej, l-opri tiegħek. / Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, huma maħluqa, / u ġedded il-wiċċ tal-art (Sal 103 [104], 1.24.30). Amen.

Maqlub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: