Ġwanni Pawlu II fil-Katidral ta’ Canterbury

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-GRAN BRITTANJA
ĊELEBRAZZJONI EKUMENIKA FIL-KATIDRAL TA’ CANTERBURY
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
IS-Sibt, 29 ta’ Mejju 1982

1. Is-siltiet li l-Arċisqof Runcie u jien qrajna huma siltiet mill-Vanġelu skont Ġwanni u jinkludu l-kliem li Sidna Ġesù Kristu qal lejlet il-Passjoni. Waqt li kien jiċċena mad-dixxipli. Kien talab hekk: “Agħmel li jkunu ħaġa waħda; bħalma int, Missier, inti fija u jiena fik, huma wkoll ikunu fina, sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17, 21).

Dan il-kliem huwa kkaraterizzat b’mod partikolari mill-Misteru Paskwali tas-Salvatur tagħna, mill-Passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet. Minkejja li kien ippronunzjat darba biss, dan jibqà tul il-ġenerazzjonijiet kollha.  Kristu jitlob bla ma jaqtà għall-għaqda tal-Knisja tiegħu, għaliex iħobbha bl-istess imħabba li kellu għall-Appostli u għad-dixxipli li kienu miegħu waqt l-Aħħar Ċena. “Jien ma nitlobx għalihom biss, imma wkoll għal dawk li se jemmnu fija wara li jkunu semgħu l-kelma tagħhom” (Ġw 17, 20). Kristu jirrivela prospettiva divina li fiha l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu huma preżenti. Preżenti wkoll fil-misteru profond tal-Knisja: l-għaqda tal-imħabba li teżisti bejn Missier, Iben u Spirtu Santu tippenetra fil-qlub ta’ dawk li Alla għażel bħala tiegħu, u hija sors tal-għaqda  tagħhom.

Il-kliem ta’ Kristu jidwi b’mod partikolari illum, f’dan il-katidral qaddis li jfakkarna l-figura tal-missjunarju l-kbir Widstin, li kien mibgħut mill-Papa Ġirgor il-Kbir sabiex l-ulied maskili u femminili tal-Ingilterra jkunu jistgħu jemmnu fi Kristu.

Għeżież ħuti, aħna lkoll partikolarment sensibbli għal dan il-kliem tat-talba saċerdotali ta’ Kristu. Il-Knisja ta’ żmienna hija dik li tieħu sehem b’mod partikolari fit-talb lil Kristu għall-għaqda, u li tfittex it-triq lejn din l-għaqda, ubbidjenti għall-Ispirtu li jitkellem bil-kliem tal-Mulej. Aħna nixtiequ nkunu ubbidjenti, b’mod speċjali llum, f’dan il-jum storiku mistenni minn ġenerazzjonijiet għal diversi sekli. Nixtiequ nobdu dak li Kristu jsejjaħ l-Ispirtu tal-verità.

2. Waqt il-festa ta’ Pentekoste tas-sena li għaddiet Kattolċi u Anglikani iltaqgħu ma’ Ortodossi u Protestanti, kemm f’Ruma kif ukoll f’Kostantinopli, biex ifakkru l-Konċilju ta’ Kostantinopli I waqt li pprofessaw l-fidi komuni propja fl-Ispirtu Santu, Mulej u donatur tal-ħajja. Mill-ġdid, għal darb’oħra, lejlet din il-festa kbira ta’ Pentekoste, ninsabu miġburin fit-talb biex bil-qalb nitolbu lil Missierna ċelesti biex jibgħat mill-ġdid fuq il-Knisja l-Ispirtu Santu, l-Ispirtu ta’ Kristu. Infatti, skont il-kliem tal-Kredu ta’ dak il-Konċilju aħna nqisu l-Knisja bħala l-opra per eċċellenza tal-Ispirtu Santu: ngħidu infatti “nemmnu fil-Knisja waħda, qaddisa, kattolika u apostolika”.

Is-siltiet tal-Vanġelu tallum b’mod partikolari ġibdulna l-attenzjoni dwar żewġ aspetti tad-don tal-Ispirtu Santu li Ġesù talab fuq id-dixxipli tiegħu: dan hu l-Ispirtu tal verità u l-Ispirtu tal-għaqda. Fil-jium tal-ewwel Pentekoste l-Ispirtu Santu niżel fuq dak il-grupp ċkejken ta’ dixxipli biex iwettaqhom fil-verità tas-salvazzjoni tad-dinja min-naħa ta’ Alla, permezz tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ibnu, biex jgħaqqadhom fl-uniku Ġisem ta’ Kristu, li huwa l-Knisja. Hekk nafu li meta aħna ngħidu “Agħmel li jkunu ħaġa waħda” bħalma huma Ġesù u l-Missier, dan iseħħ sabiex “id-dinja tkun tistà temmen”, u bil-fidi tkun tistà tkun salvata (cf. Ġw 17, 21). Infatti ma jistax ikollna fidi oħra għajr dik tal-Pentekoste, il-fidi li fiha kienu mwettqa l-Appostli mill-Ispirtu tal-verità. Aħna nemmnu li l-Mulej Irxuxtat għandu l-qawwa li jsalvana mid-dnub u mill-qawwa tad-dlamijiet. Nemmnu wkoll li konna msejħa biex “insiru ġisem wieħed, spirtu wieħed fi Kristu” (Prex Eucharistica III).

3. Minn hawn u ftit ieħor se nġeddu flimkien il-wegħdiet tal-Magħmudija. Nixtiequ niċċelebraw dan ir-rit li huwa l-istess għall-Anglikani u għall-Kattolċi, bħala xhieda tas-sagrament tal-Magħmudija. Li permezz tagħha ingħaqadna ma’ Kristu. Fl-istess ħin umilment nirrendu kont tal-fatt li l-fidi tal-Knisja li lilha nippartienu ġġib is-sinjali tal-firda tagħna. Flimkien inġeddu ċ-ċaħda tagħna għad-dnub biex inwettqu li aħna nemmnu li Kristu rebaħ id-dominju ta’ Satana fuq id-“dinja” (Ġw 14, 17). Se nipprofessaw mill-ġdid l-intenzjoni tagħna li nitbegħdu min dak kollu li huwa ħażin, u li nduru lejn Alla, awtur ta’ dak kollu li huwa tajjeb u sors ta’ dak kollu li huwa qaddis. Waqt li nirrepetu l-professjoni tal-fidi tagħna f’Alla Wieħed u Tlieta – Missier, Iben u Spirtu Santu – nerġgħu inqiegħdu tama kbira fil-wegħda ta’ Ġesù: “Il-Missier se jibgħatilkom f’ismi kunsillier, l-Ispirtu Santu. Huwa jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom” (Ġw 14, 26). Il-wegħda ta’ Kristu timliena fiduċja fil-poter ta’ dan l-istess Spirtu Santu, li se jfejjaq il-firda introdotta fil-Knisja tul il-korsa tas-sekli nibdew minn l-ewwel Pentekoste. Hekk it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija jsir impenn biex nagħmlu l-almu kollu tagħna biex nikkollaboraw bil-grazzja tal-Ispirtu Santu, li hu biss jistà jiggwidana lejn il-jum li fih nipprofessaw ilkoll flimkien il-milja tal-fidi tagħna.

4. Ejjew nifformulaw flimkien b’fiduċja mal-Ispirtu Santu it-talba tagħna għall-għaqda, ladarba Kristu wegħdna li l-Ispirtu Santu, il-Kunsiller, se jkun magħna għal dejjem (cf. Ġw 14, 16). B’fiduċja u kuraġġ l-Arċisqof Fisher iddeċieda li jmur iżur lill-Papa Ġwanni XXIII waqt il-Konċilju Vatikan II, u l-Arċisqfijiet Ramsey u Coggan marru jżuru lil Papa Pawlu VI. Bl-istess fiduċja weġibt jien għall-interessi tal-Ispirtu Santu biex illum inkun hawn flimkien magħkom ġo Canterbury.

5.Għeżież ħuti tal-Komunità Anglikana “intom l-għożża u x-xewqa tiegħi” (Fil 4, 1), jien tassew kuntent li ninsab hawn f’dan il-Katidral important biex nitkellem direttament magħkom: dan il-bini stess huwa wirja elokwenti tas-snin twal tagħna ta’ wirt komuni u tas-snin mnikkta ta’ firda li segwew. Taħt dan l-istess saqaf San Tumas Becket ġarrab il-martirju tiegħu, Mill-ġdid infakkru lil Wistin, Dunstan u Anselmu, u dawk l-irħieb kollha li wettqu s-servizz tagħhom f’din il-Knisja bl-istess fedeltà.  Il-ġrajjiet maġġuri tal-istorja tas-salvazzjoni huma raffigurati fil-ħġieġ antik li naraw hawn fuqna. Barra minn dan hawn qimna l-manuskritt tal-Vanġelu li kien mibgħut f’Canterbury minn Ruma 1300  mitt sena ilu. Bl-eżempju inkoraġġjanti tal-moltitudni li pprofessaw il-fidi tagħhom lejn Ġesù Kristu matul is-sekli spiss a spejjeż ta’ ħajjithom, saġrifiċċju li wkoll illum jiġi kultant mitlub, kif tfakkarna l-kappella l-ġdida li dalwaqt se nżuru – f’dan il-post qaddis jien nappellalkom, ħuti nsara, u b’mod speċjali lill-membri tal-Knisja tal-Ingilterra, u lil dawk tal-Komunità Anglikana tad-dinja kollha, sabiex taċċettaw l-impenn li l-Arċisqof Runcie u jien assumejna llum mill-ġdid quddiemkom. Tali mpenn jikkonsisti fli nitolbu u naħdmu biex nilħqu r-rikonċiljazzjoni u l-għaqda tal-Knisja skont il-ħsieb u x-xewqa tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.

6. Din hija l-ewwel darba li Papa  qed iżur Canterbury; jiena niġi għandkom fl-imħabba – l-imħabba ta’ Pietru li lilu l-Mulej kien qal: “Tlabt għalik, biex inti tkun tistà żżomm il-fidi tiegħek; u inti ġaladarba tkun indimt, saħħaħ lil ħutek” (Lq 22, 32). Niġi wkoll fl-imħabba ta’ Ġirgor li bagħat lil Santu Wistin f’dan il-post biex jagħti lill-merħla tal-Mulej l-attenzjoni ta’ ragħaj (cf. 1 Pt 5, 2). Kif għandu jagħmel kull ministru tal-Vanġelu, jien intenni llum kliem il-Mulej: “Ninsab f’nofskom bħala qaddej” (Lq 22, 27). Flimkien miegħi nnifsi qed inġibilkom, għeżież ħuti tal-Komunità Anglikana, it-tamiet u x-xewqat, it-talb u r-rieda tajba ta’ dawk kollha li huma magħqudin mal-Knisja ta’ Ruma, li sa minn żminijiet l-iktar remoti jingħad li “tippresiedi fl-imħabba” (S. Ignazio di Antiochia, Ad Romanos, Prooem.).

7. Minn hawn u ftit ieħor l-Arċisqof Runcie se jingħaqad miegħi biex jaqra Dikjarazzjoni Komuni, li fiha se niġbru fil-qosor ir-riżultati milħuqa tul il-mixja twila tal-għaqda u se nispjegaw il-program li qegħdin nipproponu u t-tamiet li nittamaw dwar il-fażijiet ġodda tal-pellegrinaġġ tagħna komuni. Madankollu tali tamiet u programmi ma jservu għal xejn jekk it-taqtigħa tagħna lejn l-għaqda ma tkunx irradikata fl-għaqda tagħna ma’ Alla; infatti Ġesù qal: “Dakinhar tkunu tafu li jiena ngħix magħqud mal-Missier, u intom magħqudin miegħi u jiena magħkom. Min iħobbni verament jagħraf il-kmandamenti tiegħi u jqegħdhom fil-prattika. Min iħobbni jkun maħbub minn Missieri; jien ukoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġw 14, 20-21). Din l-imħabba ta’ Alla hija mifruxa fuqna fil-persuna tal-Ispirtu Santu, l-Ispirtu tal-verità u tal-għaqda. Ejjew niftħu qlubna għal din l-imħabba possenti waqt li nitolbu sabiex, waqt li ngħidu l-verità fl-imħabba, inkunu nistgħu nagħrfu fis-sensi kollha fih li hu l-kap, Sidna Ġesù Kristu (cf. Ef 4, 15). Jalla d-djalogu li bdejna jwassalna sal-jum tar-ristorazzjoni tal-għaqda fil-fidi u fl-imħabba.

8. Lejlet il-Passjoni Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni tosservaw il-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14, 15). Illum ħassejna d-dmir li ningħaqdu flimkien biex nobdu l-kmandament il-kbir: il-kmandament tal-imħabba. Irridu nħaddnuh fil-milja tiegħu, ngħixuh internament u nuru l-qawwa tiegħu skont il-kliem tal-Imgħallem: “Jien se nitlob lill-Missier, u hu se jtikom Kunsillier ieħor, li se jkun dejjem magħkom, l-Ispirtu tal-verità. Id-dinja ma tarahx u linqas ma tagħrfu, għalhekk ma tistax tirċevih. Intom tagħrfuh, għaliex qiegħed magħkom u se jkun magħkom dejjem (Ġw 14, 16-17).

L- imħabba tiżdied permezz tal-verità, u l-verità tinġibed lejn il-bniedem permezz tal-imħabba. Konxju dwar dan, jiena ngħolli lejn il-Mulej din it-talba: O Kristu, jalla dak kollu li jagħmel parti mil-laqgħa tallum jitnissel mill-Ispirtu tal-verità u jirrendi ruħu fertili permezz tal-imħabba. Ħares quddiemna: il-passat u l-futur!

Ħares quddiemna: ix-xewqa ta’ tant qlub!

Int, li int il-Mulej tal-Istorja u l-Mulej tal-qlub umani, kun magħna! Ġesù Kristu, Iben etern ta’ Alla, kun magħna!

Amen.

Maqlub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: