Qari tat-Tnejn tat-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

Qari I

Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh.

Lhud 9, 15.24-28

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, Kristu hu medjatur ta’ patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta’ qabel, dawk li huma msejħa minn Alla jiksbu l-wirt ta’ dejjem li hu wegħedhom.

Għax Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla.

U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja. Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu.

U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4.5-6

R/. (1a): Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt

u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ix-Xitan wasal fit-tmiem.

Mk 3, 22-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan Ġesù għandu fih lil Begħelżebul”, u wkoll: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”.

Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem.

Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur. Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem”.

Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: