Qari tat-Tlieta tat-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta

QARI I
Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.
Lhud 10:1-10

Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, il-Liġi ta’ Mosè, billi għandha biss id-dell tal-ġid li għandu jiġi, u mhux dan l-istess ġid, lil dawk li jersqu qrib lejn Alla ma tista’ qatt tagħmilhom perfetti bis-saħħa ta’ dawk is-sagrifiċċji li huma joffru bla waqfien minn sena għal sena. Għax kieku kien hekk, dawk li jagħtu l-kult lil Alla ma kinux forsi jwaqqfuhom dawn is-sagrifiċċji kieku kienu jħossu ruħhom bla dnubiet u mnaddfin minnhom darba għal dejjem? Għall-kuntrarju, b’dawn l-istess sagrifiċċji ssir it-tifkira tad-dnubiet minn sena għal oħra. Għax ma jistax ikun li d-demm tal-gniedes u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet. Għalhekk Kristu meta daħal fid-dinja qal:
“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx,
imma ġisem int ħejjejt għalija;
vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx.
Jien imbagħad għedt: “Hawn jien, ġejt
biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla,
kif fil-ktieb hemm miktub fuqi”.

L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk”, għalkemm dawn titlobhom il-Liġi. Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”.

B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel biex iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 39(40):2,4ab,7-8a,10,11

R/. (ara 8): Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. R/.

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.

Ma ħbejtx f’qalbi l-ġustizzja tiegħek;
il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;
ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek lill-ġemgħa kbira. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11:25

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.
Mk 3:31-35

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

F’dak iż-żmien, ġew omm Ġesù u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. Qalulu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk”. U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?”. Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: