Qari tar-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Inħalli f’nofsok poplu umli u mċekken.
Sof 2:3; 3:12-13

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija
Fittxu lill-Mulej ilkoll,
intom, l-umli tal-art,
li tagħmlu ordnijietu,
fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà;
biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej
ikollkom fejn tistkennu.

“U nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken”.
U f’isem il-Mulej ifittxu l-kenn
dawk li jifdal minn Iżrael.
Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor,
u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom,
hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu
bla ma jbeżżagħhom ħadd.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 145(146):7,8-9a,9bc-10

R/. (Mt 5:3): Henjin il-foqra fl-ispirtu.

Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.

Hu jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

QARI II
Alla għażel il-ħwejjeġ dgħajfa tad-dinja.
1 Kor 1:26-31

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, qisu s-sejħa tagħkom: għax mhumiex ħafna fostkom li huma għorrief skont il-qies tad-dinja; mhumiex ħafna s-setgħana, mhumiex ħafna n-nobbli.

Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn lil dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla.

Minnu li intom tinsabu fi Kristu Ġesù li sar għalina l-għerf mingħand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa, biex bħalma hu miktub, min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5:12a

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ifirħu u thennew,
għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Henjin il-fqar fl-ispirtu.
Mt 5:1-12a

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

“Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja,
għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom
u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: