Il-persekuzzjoni kontra l-insara kienet katalist għat-tixrid tal-Kristjaneżmu
Fl-ewwel qari tal-quddies għal matul iż-żmien liturġiku tal-Għid, il-Knisja tippreżentalna kuljum siltiet mill-Atti tal-Appostli. Ħafna jħarsu lejn dan il-ktieb sempliċiment minn perspettiva storika. Madankollu, l-għan tal-awtur sagru, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, ma kienx biss li jħallilna rakkont tal-ġrajjiet tal-knisja tal-bidu, imma li mill-kitba tiegħu, joħroġ qawwi ħafna l-aspett teoloġiku tal-ġrajja, dak li juri kif l-Ispirtu s-Santu mexxa lill-Knisja biex tikber minn setta Lhudija żgħira f’Ġerusalemm għal moviment li tferrex madwar id-dinja.
Filwaqt li jagħtina kronika biblika taż-żmien immedjat ta’ wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, l-awtur Luqa juri b’mod ċar kif huma u jseħħu, dawn il-ġrajjiet kienu qegħdin jinsġu xibka, dejjem aktar mifruxa fost il-popli, biex hekk jitwettqu miri li jmorru ferm lil hinn minn sempliċi pjan uman. Mill-ġrajja kollha, jidher evidenti kif per eżempju, l-istess persekuzzjonijiet kontra l-ewwel komunità nisranija, mhux talli ma fixklux it-tixrid tal-messaġġ tal-Evanġelju, iżda kienu huma stess il-mezz li xprunawh f’ħeffa tant impressjonaniti
Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli joffrilna xhieda fundamentali dwar l-oriġini u l-iżvilupp bikri tal-Knisja Nisranija matul l-ewwel seklu wara Kristu. Tema ċentrali li toħroġ minnu b’mod konsistenti hija l-paradoss li permezz tal-persekuzzjoni li ħafna drabi tqajjmet minn ċerti ċrieki tal-Lhud, il-moviment Nisrani mhux biss ma ġiex imrażżan, iżda kien imħeġġeġ li jespandi lil hinn mill-limiti ġeografiċi u etniċi oriġinali tiegħu. Minn dan il-ħames ktieb tat-Testment il-Ġdid naraw kif l-istess persekuzzjoni serviet ta’ katalist għat-tixrid tal-Evanġelju fl-Imperu Ruman kollu.
L-oppożizzjoni inizjali f’Ġerusalemm
Fil-bidu tiegħu, il-Kristjaneżmu kien bażikament moviment Lhudi li kien jopera fi ħdan il-qafas reliġjuż u kulturali f’Ġerusalemm. L-Appostli, speċjalment Pietru u Ġwanni, kienu jmorru jippridkaw fil-Tempju stess. Hemm, kienu konfrontati mill-awtoritajiet reliġjużi, ġew arresti u kienu mhedda bosta drabi. It-tensjoni bejn il-komunità Nisranija fil-bidu nett tagħha, u l-mexxejja Lhud kienet dejjem qed tikber. Mument kruċjali li kompla jqawwiha kien bla dubju ta’ xejn il-martirju ta’ Stiefnu. Dan l-avveniment mhux biss juri l-estremiżmu tal-oppożizzjoni Lhudija lejn l-insara, iżda kien ukoll sinjal ta’ persekuzzjoni sistematika kontra tagħhom.
It-tixrid tal-Insara mal-Imperu Ruman
Wara l-mewt ta’ Stiefnu, kienu bosta mid-dixxipli li xterdu. L-Atti jiddeskrivu kif kulħadd, ħlief l-Appostli, tferrex fir-reġjuni tal-Lhudija u s-Samarija. Din id-diaspora sfurzata kellha konsegwenzi missjunarji sinifikanti. L-Insara li telqu minn Ġerusalemm ma baqgħux passivi; għall-kuntrarju, huma komplew ixandru l-kerygma Nisranija f’pajjiżi u soċjetajiet oħra. L-Atti jgħidulna li dawk li xterdu bdew ixandru l-kelma kull fejn marru. (Atti:8:4)
Ir-reġjun tas-Samarija, li tradizzjonalment kien meqjus mil-Lhud bħala wieħed tal-periferija jew saħansitra ostili għalihom, sar wieħed mill-ewwel oqsma fejn il-messaġġ Nisrani beda jinfirex f’komunitajiet mhux strettament Lhud. Dan jindika bidla gradwali lejn l-universalizzazzjoni tal-messaġġ.
Aspett teoloġiku ta’ dan it-tixrid
Wieħed mill-iżviluppi teoloġiċi u missjunarji l-aktar sinifikanti fl-Atti tal-Apppostli huwa l-ftuħ lejn il-ġnus jew il-Ġentili. L-esperjenza ta’ Pietru nnifsu mal-uffiċjal Ruman Kornelju (Kap. 10) tindika bidla paradigmatika teoloġika, li l-fidi Nisranija ma kinitx aktar limitata għal dawk li kienu Lhud u li kienu ċirkonċiżi, kif wara kollox xtaquha tkun uħud mill-istess membri tal- komunità
Din il-bidla tkompli tikber permezz tal-ħidma ta’ Pawlu ta’ Tarsu, figura li turi fiha nfisha stess il-kuntradizzjoni tal-persekuzzjoni u l-missjoni. Il-persekutur, personalment trasformat minn Sawlu għal Pawlu, jissimbolizza t-trasformazzjoni radikali li tinsab fil-qalba tan-narrattiva fil-ktieb tal-Atti.
Il-vjaġġi missjunarji ta’ Pawlu juru kif il-persekuzzjoni spiss kienet isservi bħala mekkaniżmu li jmexxi lill-predikatur minn belt għal oħra. Meta kien jiltaqa’ ma’ oppożizzjoni f’belt, huwa kien jimxi lejn imkien ieħor, u b’hekk joħloq xibka ta’ komunitajiet Insara madwar l-Imperu.
Naqraw kif minħabba l-persekuzzjoni f’Listra, huwa telaq ma’ Barnaba u mar Derbi. Hemm huma xandru l-Evanġelju f’dik il-belt u għamlu ħafna dixxipli. Fi triqthom lura, reġgħu għaddew minn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi. Imbagħad għaddew mill-Pisidja u ġew fil-Pamfilja. Wara li xandru l-kelma f’Perġe, niżlu Attalija; minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja. Kien hemm, f’Antjokja li d-dixxipli għall-ewwel darba sejjħulhom ‘Kristjani’.
Bliet bħal Antjokja, Efesu u Korintu saru ċentri strateġiċi ta’ espansjoni. Dan il-mudell urban juri kif il-Kristjaneżmu għamel użu mill-istess infrastruttura Rumana tat-toroq, il-lingwa mitkellma fil-pajjiżi kollha tal-imperu, il-mezzi u sistemi ta’ vjaġġar li kienu tant effiċjenti għal żmienhom; dawn kollha iffaċilitaw bil-kbir it-tixrid tal-Kelma.
L-aspett teoloġiku tal-persekuzzjoni
Minn perspettiva storika, l-Atti jippreżentaw il-persekuzzjoni wkoll bħala realtà teoloġika u parti mill-pjan providenzjali. It-tbatija tal-Insara hija interpretata bħala parteċipazzjoni fit-tbatija ta’ Kristu u bħala mezz li bih il-messaġġ salvifiku jilħaq sa trufijiet l-art. Jidher paradoss, li l-vjolenza u r-rifjut iwasslu għal tkabbir u espansjoni. Dan jikkostitwixxi wieħed mill-argumenti teoloġiċi ewlenin tal-awtur tal-Ktieb tal-Atti.
Luqa, awtur ta’ dan il-ktieb, u huwa stess imsieħeb ma’ Pawlu fil-vjaġġi tiegħu jiddedika kapitlu sħiħ (Kap. 27) u parti minn dak ta’ warajh biex juri kif il-persekuzzjoni kontra Pawlu u saħansitra maltempata fuq il-baħar, kienu mezz biex huma waslu, bla ma qatt stennew, ġo pajjiżna u hawn xandru wkoll l-Evanġelju ta’ Kristu lil missirijietna.
Hekk, l-analiżi tal-Atti tal-Appostli turi kif il-persekuzzjoni, partikolarment dik imqanqla mill minn ċerti awtoritajiet Lhud, kellha rwol kruċjali fit-trasformazzjoni tal-Kristjaneżmu minn moviment lokali f’Ġerusalemm għal reliġjon universali mifruxa madwar l-Imperu Ruman. Il-proċess ta’ diaspora, il-ftuħ lejn il-ġnus, u l-mobilità missjunarja ta’ figuri bħal Pawlu, juru li l-persekuzzjoni kienet, ironikament, forza dinamika ta’ espansjoni. Għalhekk, dan il-ktieb bibliku ma joffrix biss kronaka storika, iżda wkoll interpretazzjoni teoloġika profonda tal-mod kif il-kriżi tista’ tinbidel f’opportunità għall-missjoni u t-tkabbir.
Fuq kollox, il-fatt innifsu li dan kollu beda mal-ġrajja li seħħet nhar il-Għid il-Ħamsin, huwa ċertament sinjali ċar li tixrid tal-Evanġelju fi żmien tant qasir, ma kienx riżultat ta’ xi pjan strateġiku uman, imma ta’ dawk l-ilsna, qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom u li minn dak il-mument huma lkoll bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. Kien ir-riżultat ta’ dak il-ħoss ta’ riħ qawwi li f’daqqa waħda ġie mis-sema u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. (Atti 2:2-3)
Forsi l-ilsna mogħtija lilhom dakinhar ma kienux id-don tant meħtieġ fil-missjoni tagħhom biex iwasslu l-Kelma lil tant popli oħra? Forsi r-riħ ġej mis-sema ma kienx l-Ispirti nnifsu li minn dakinhar mela l-qlugħ tal-iġfna li fuqhom baħħru minn art għall-oħra?
Għalhekk, kif ġara meta l-Imgħallem tagħhom kien merfugħ ‘l fuq mill-art, huwa ġibed lejh lill-bnedmina kollha (Ġw 12:32), hekk ukoll il-persekuzzjoni tad-dixxipli tiegħu kienet il-katalist għat-tixrd tal-Kristjaneżmu.
