Qari tas-Sibt tal-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt

Qari I

Il-Mulej Alla keċċieh ’il barra mill-ġnien tal-Għeden biex jaħdem l-art.

Ġen 3, 9-24

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Il-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: “Fejn int?”. U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt”. U staqsieh: “Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?”. U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt”. U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu dan li għamilt?”. U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jien kilt”.

U l-Mulej Alla qal lis-serp:

“Talli għamilt dan,

misħut int fost il-bhejjem kollha

u fost l-annimali selvaġġi.

Għal żaqqek titkaxkar,

u t-trab tal-art tiekol il-jiem kollha ta’ ħajtek.

U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara,

bejn nislek u nisilha,

u hu jisħaqlek rasek

u int tisħaqlu għarqubu”.

U lill-mara qalilha:

“Inkattarlek sewwa wġigħ it-tqala tiegħek,

u bl-uġigħ tiled it-tfal;

lejn żewġek tiġbdek xewqtek,

u jaħkem fuqek hu”.

U lil Adam qallu:

“Talli inti smajt minn kelmet martek,

u kilt mis-siġra li ordnajtlek ma tikolx minnha u għedtlek:

‘La tikolx minnha’,

misħuta l-art minħabba fik!

Bit-taħbit tiekol minnha,

il-jiem kollha ta’ ħajtek.

Xewk u għolliq tnibbitlek,

u int tiekol il-ħaxix selvaġġ.

Bl-għaraq ta’ ġbinek tiekol ħobżok,

sakemm terġa’ lura lejn l-art,

għax minnha int meħud.

Għax trab int, u fit-trab terġa’ tmur!”

U Adam semma lil martu Eva għax hi kienet omm il-ħajjin kollha. U l-Mulej Alla għamel lil Adam u ’l martu ħwejjeġ tal-ġild u libbishomlhom.

U qal il-Mulej Alla: “Ara issa l-bniedem sar bħal wieħed minna, jagħraf it-tajjeb u l-ħażin; u issa xi jkun jekk imur imidd idejh u jieħu wkoll mis-siġra tal-ħajja, u jiekol, u jibqa’ ħaj għal dejjem!”.

Għalhekk il-Mulej Alla keċċieh ’il barra mill-ġnien tal-Għeden biex jaħdem l-art li minnha kien ittieħed. U ħareġ lill-bniedem, u qiegħed il-kerubini n-naħa tal-Lvant tal-ġnien tal-Għeden, u s-sejf tan-nar iżiġġ, biex iħarsu t-triq għas-siġra tal-ħajja.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 89 (90), 2.3-4.5-6.12-13

R/. (1): Mulej, int kont għalina

kenn minn nisel għal nisel

Qabel ma twieldu l-muntanji,

qabel ma tnisslu l-art u d-dinja,

minn dejjem ta’ dejjem int, o Alla! R/.

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin”.

Elf sena huma għalik bħal jum ta’ lbieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl. R/.

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.

Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;

filgħodu jwarrad u jħaddar,

filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 4b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Kielu u xebgħu.

Mk 8, 1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dawk il-jiem, peress li reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, Ġesù sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x’jieklu. Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod”.

Id-dixxipli tiegħu weġbuh: “F’deżert bħal dan minn fejn jista’ wieħed ixabba’ lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?”. Hu staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?”. Qalulu: “Sebgħa”.

Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies, u huma newluhomlhom. U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewlu dawn ukoll. U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal: sebat iqfief! U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! 10Imbagħad bagħathom. U minnufih tala’ fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta’ Dalmanuta.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: