QARI I
Jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam.
Iż 58:9b-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,
ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek,
jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,
u xxabba’ qalb l-imnikket,
imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,
u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar.
U l-Mulej jibqa’ jmexxik għal dejjem,
u jxebbagħlek qalbek fl-imkejjen niexfa,
u jsaħħaħlek għadmek.
Int tkun bħal ġnien bis-saqwi,
bħal għajn ta’ ilma ma jonqos qatt.
U jerġgħu jibnuk mill-ħerbiet tal-qedem,
mill-ġdid int tibni s-sisien ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ.
U jsejħulek: Bennej tas-swar imġarrfa,
li jġedded it-toroq fejn wieħed joqgħod.
Jekk int ma tixħetx is-Sibt taħt riġlejk,
billi tagħmel li jogħġbok fil-jum imqaddes tiegħi;
jekk issejjaħ is-Sibt l-għaxqa tiegħek,
u l-jum qaddis u mweġġaħ mill-Mulej;
jekk tagħtih ġieħ billi fih ma tagħmilx ix-xogħol ta’ kuljum,
u ma tfittixx in-negozju u t-tlablib fieragħ,
imbagħad issib l-għaxqa tiegħek fil-Mulej,
u jiena ntellgħek fuq għoljiet l-art.
U nxebbgħek b’wirt Ġakobb, missierek.
Għax fomm il-Mulej tkellem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 85(86):1-2,3-4,5-6
R/. (11a): Urini, Mulej, triqatek.
Agħtini widen, Mulej, u weġibni,
għaliex jiena msejken u fqajjar.
Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb,
salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama. R/.
Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi,
għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.
Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek,
għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi. R/.
Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer,
kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.
Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,
isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Eżek 33:11
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb, jgħid il-Mulej,
imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.
Lq 5:27-32
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja!”. Dak telaq kollox, qam u mar warajh. Imbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani u nies oħra.
Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: “Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?”. U Ġesù weġibhom: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.