Żmien twil ilu, artist famuż ġie nkarigat biex ipinġi l-ħitan ta’ Katidral fi Sqallija. Is-suġġett kien il-ħajja ta’ Kristu. Wara xi snin l-artist lesta, imma kien jonqsu l-uċuħ ta’ żewġ karattri importanti: it-tfajjel Ġesu u Ġuda l-Iskarjota. Wara xi ftit ġimgħat, kien għaddej minn triq fejn kien hemm xi tfal jilgħabu. Tifel minnhom ta’ xi tnax-il sena kellu wiċċ ta’ anġlu. Saqsa għall-ġenituri tiegħu u talabhom biex ipitter lit-tifel tagħhom. Meta qalilhom għal fejn, dawn taw il-permess tagħhom. Wara ftit ġimgħat it-tfajjel Ġesu kien komplut.
Issa kien jonqsu biss lil Ġuda. Sena wara l-oħra kien jgħarrex f’diversi bliet u rħula, fis-swieq u ħwienet tax-xorb u mkejjen imwarrbin. Iżda kien kollu ta’ xejn. Beda jibża’ li se jilħaq imut u l-kapulavur tiegħu jibqa’ mhux lest. Fl-aħħar, wara ħafna snin, kien għaddej minn triq u daħal fi tverna jieħu tazza nbid. Waqt li kien bil-qiegħda ma’ mejda, daħal raġel jixxengel li beda jgħajjat “Inbid! Inbid!” u waqa’ minn tulu fl-art. L-artist mar jgħinu biex iqum bil-wieqfa, u x’ħin dar-raġel dawwar wiċċu, l-artist inħasad. Dak il-wiċċ kien qed jixhed il-marki tad-dnubiet u vizzji koroh. Dan kien tabilħaqq wiċċ Ġuda. Qallu: “Ejja miegħi u ntik tixrob, tiekol u fejn torqod.”
L-għada filgħodu, ħadu miegħu il-Katidral u talbu biex joqgħod bilqiegħda kwiet kemm jista’ jkun ħalli jpinġieh. Wara xi ftit ġimgħat, dar-raġel beda jħares lejn il-pittura ta’ wiċċu, u ma setgħax jemmen x’ħarsa ta’ qilla, korla u qrusa bdiet ħierġa minn dik l-immaġini. F’daqqa waħda infexx jibki u jolfoq. L-artist waqaf minn xogħlu u mar jiġri ħdejh. “F’hiex nista’ ngħinek, ibni?” saqsieh. U r-raġel ħares lejh b’ħarsa ta’ ħniena. “M’intix tagħrafni? Snin ilu jien ġejt hawn biex tuża’ wiċċi bħala mudell għat-tfajjel Ġesu.”
Hekk kif id-dnub u l-vizzju jibdlu l-fattizzi ta’ bniedem, il-prattika tar-reliġjon tgħin is-saħħa fiżikali u mentali tiegħu. Dan jixhduh xjenzjati li mhux kollha huma Nsara imma li sabu dan permezz ta’ diversi servejs:
Studju ta’ 21,000 ruħ bejn 1987 u 1995 irriżulta li dawk li pprattikaw xi forma ta’reliġjon għexu 7 snin aktar minn dawk li ma ppratikaw l-ebda reliġjon.
Pazjenti kkonfortati mill-Fidi wara operazzjoni tal-qalb kellhom 3 darbiet aktar ċans li jgħixu 6 xhur oħra milli dawk li ma kellhom ebda konfort mir-reliġjon. (Darmouth Medical Scool 1995).
Studju fl-Indja fl-1997 sab li grupp ta’nies Ħindu li jitolbu kuljum kellhom 70% anqas ċans li jaqbadhom mard tal-qalb.
Duke University studja 400 raġel u sab li dawk li jqisu r-reliġjon importanti ħafna f’ħajjithom u jmorru l-knisja regulari kellhom difiża żgura kontra l-pressjoni għolja.
Psikoloġisti minn Sheffield Hallam University sabu li min jitlob ta’ spiss ibagħti inqas minn ansjeta u depressjoni.
Dr Herbert Benson minn Harvard Medical School jgħid li meta nkunu taħt stress, il-pressjoni titla’, il-qalb tħabbat aktar, u nieħdu n-nifs aktar ta’ spiss. Dan jitlob sforz akbar mill-ġisem kollu u jnaqqas il-forza tal-immune system. Minn flok pinnoli, Dr Benson sab li wieħed jista’ jnaqqas dawn l-effeti negattivi billi jirrepeti talba żgħira, kelma, ħoss, frażi jew moviment ħafif. B’hekk wieħed jinsa ħsibijiet koroh. Jgħinu wkoll il-meditazzjoni, it-talb, t’ai chi, u yoga.
Minn Edward Tagliaferro