L-Arċidjoċesi twaqqaf fond ta’ €30,000 għal inizjattivi ta’ ospitalità

Print Friendly, PDF & Email

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta waqqfet fond  ta’ €30,000 biex tippromwovi inizjattivi ta’ ospitalità fil‑parroċċi u komunitajiet oħra. Il‑Knisja se tkun qed tuża l‑fond – imwaqqaf fl‑okkażjoni tal‑Jum Dinji tal‑Migranti u r‑Refuġjati 2022 bit‑tema ‘Nibnu l‑Futur mal‑Migranti u r‑Refuġjati’ – biex tħeġġeġ inizjattivi ta’ kollaborazzjoni fi ħdan il‑komunità bejn iċ‑ċittadini u l‑migranti.

Kelliem qal li l‑fond twaqqaf b’reazzjoni għall‑messaġġ tal‑Papa Franġisku fiż‑żjara tiegħu f’Malta, fejn fakkar kif San Pawl intlaqa’ ‘bi ħlewwa liema bħala’. “Il‑Knisja qed tistieden għaqdiet reliġjużi u fil‑komunità – inkluż dawk immexxija mill‑migranti – biex jipproponu inizjattivi li jiċċelebraw id‑diversità ta’ Malta u jippromwovu kultura ta’ ospitalità, djalogu, koeżistenza paċifika, u fraternità.

“Dan il‑fond qed iħeġġeġ inizjattivi li għandhom il‑potenzjal li jħallu l‑frott u jkunu l‑ewwel pass biex tinbena komunità aktar b’saħħitha. Dawn l‑inizjattivi għandhom ilaqqgħu liċ‑ċittadini u l‑migranti flimkien u b’hekk isiru parteċipanti attivi fil‑komunitajiet tagħhom fi spirtu ta’ fraternità, bħala ‘familja waħda’.”

L‑inizjattivi jistgħu jinkludu:

• Skambju tal‑patrimonju kulturali permezz tal‑arti u espressjoni kreattiva;

• Tagħlim dwar tradizzjonijiet, twemmin, drawwiet ta’ xulxin;

• Jinfetħu spazji għal djalogu rispettuż;

• Ċelebrazzjoni tar‑rikkezza ta’ Malta bħala gżira fil‑Mediterran bi storja ta’ “kenn sigur” għall‑popli mill‑kontinenti kollha tal‑madwar;

• Ekoloġija integrali u l‑istejjer imnissla mill‑pajsaġġ naturali Malti;

• Inizjattivi ispirati mit‑tagħlim tal‑Papa Franġisku speċjalment mil‑Laudato Sì u Fratelli tutti;

• Attivitajiet sportivi u ta’ divertiment u laqgħat bejn ġenerazzjonijiet differenti li jinkludu etniċitajiet u kulturi differenti.

Se jiġi allokat minimu ta’ €500 għal kull inizjattiva li timxi mal‑għanijiet tal‑fond. Kull inizjattiva tista’ tirċievi massimu ta’ €1,000.

M’hemm l‑ebda skadenza għall‑applikazzjoni għal dan il‑fond. L‑inizjattivi jintlaqgħu f’kull żmien tas‑sena u jiġu evalwati minn bord magħmul minn rappreżentanti mill‑Vikarjat għall‑Evanġelizzazzjoni, is‑Segretarjat Parroċċi u l‑Kummissjoni Migranti.

Għal aktar tagħrif dwar il‑fond żur www.migrants.mt/fund jew jibgħat fuq fund@migrants.mt.

Sors: www.knisja.mt

Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading