QARI I
Omm il-ħajjin kollha.
Ġen 3:9-15,20
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, wara li Adam kiel mis-siġra, il-Mulej Alla sejjaħlu u staqsieh: “Fejn int?”. U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għarwien, u nħbejt”. U staqsieh: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek biex ma tikolx minnha?”. U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt”.
U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu dan li għamilt?”. U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jiena kilt”.
U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt dan, misħut int fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi. Għal żaqqek titkaxkar, u t-trab tal-art tiekol il-jiem kollha ta’ ħajtek. U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn in-nisel tiegħek u n-nisel tagħha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu”.
U Adam semma lil martu Eva għax kienet omm il-ħajjin kollha.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Jew
QARI I
Kienu jżommu sħiħ fit-talb, flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.
Atti 1:12-14
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Wara li Ġesù tela s-sema l-Appostli reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejħa taż-Żebbuġ, li hi ’l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt. Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Kienu: Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun jgħidulu l-Imħeġġeġ, u Ġuda bin Ġakbu.
U, magħqudin qalb waħda, kienu jitolbu flimkien, ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 86(87):1-2,3,5,6-7
℟. (3) Ħwejjeġ sbieħ jingħadu dwarek, o Belt ta’ Alla!
Il-Mulej bena lil Sijon fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb. ℟.
O belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek.
U dwar Sijon jingħad:
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha”. ℟.
Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli:
“Dan twieled hemm!”.
U jgħannu, huma u jiżfnu,
dawk kollha li jgħammru fik. ℟.
AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Hallelujah. ℟. Hallelujah.
O Verġni hienja, li nissilt lill-Mulej;
o Omm imbierka tal-Knisja,
li tqawwi fina l-ispirtu tal-Iben tiegħek, Ġesù Kristu.
℟. Hallelujah.
EVANĠELJU
“Hawn hu Ibnek; hemm hi ommok”.
Ġw 19:25-34
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.
Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!”. Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!”. Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma.
Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu, wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Tifħir lilek, Kristu.