Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap
Fl-Aħħar kontribut tiegħu fuq il-laikos kont qsamt magħkom il-qarrejja ftit ħsibijiet dwar il-maħfra. Kienu ħafna dawk li apprezzaw is-suġġett li ttrattajt. Smajt kummenti ferm pożittivi dwar il-bżonn li niktbu u nitkellmu aktar dwar dan id-don li aktar ma jgħaddi ż-żmien il-bniedem tallum qed isibu ferm diffiċli li jgħixu. Irċivejt kummenti sbieħ ukoll dwar l-istorja li qsamt magħkom fil-bidu tal-kontribut tiegħi. U hekk ser nerġa’ nagħmel illum. Nibda bi storja li ddaħħalna fis-suġġett tal-maħfra tagħna lejn xulxin. Storja li teħodna lura lejn il-pontifikat tal-Papa Piju XII:
Ħarġet l-aħbar ta’ korrispondenza bejn il-Papa Piju XII u l-kmandant tal-SS f’Ruma, Peter Koch. Peter kien meqjus bħala t-terrur ta’ Ruma u saħansitra attakka anke l-knisja ta’ San Paolo Fuori le Mura. Fi tmiem il-gwerra, dan għadda minn proċess twil fejn ġie kkundanat għall-mewt minħabba l-attroċijiet li wettaq kontra l-umanità. F’mument meta kien qiegħed fiċ-ċella tiegħu jistenna l-mewt, kiteb ittra lill-Papa u talbu maħfra. Il-Papa mhux biss talli ħafirlu imma wkoll bagħatlu lil Mons. Nasalli Rocca biex iwassallu l-maħfre tiegħu kif ukoll il-kuruna tar-rużarju persunali tal-Papa.
Bħala reazzjoni għal għemil il-Papa, Peter Koch qal:
“Pajjiżi jisħitni u għandu raġun.
It-tribunali jikkundannawni u għandhom raġun.
Il-Papa jaħfirli.”
U talab lil Mons Rocca jdendillu l-kuruna tar-rużarju ma’ għonqu. U biha miet skubettjat.
GĦALIEX INSIBUHA DIFFIĊLI LI NAĦFRU?
Għal din il-mistoqsija nistgħu nagħtu diversi tweġibiet. Tweġibiet li jiddependu mill-karattru tal-persuna li qed issibha diffiċli li taħfer, oħrajn jiddependu mit-trobbija u l-abjent tal-familja li fih trabba flimkien mall-edukazzjoni li jkun irċieva u oħrajn żgur li jiddependu fuq il-formazzjoni nisranija li l-persuna tkun mogħnija biha. Jiena hawnhekk fl-ispazju limitat li għandi ser nipprova nkompli niżviluppa xi tweġibiet għall-mistoqsija li poġġejna. Tajjeb li jiena u intkom naraw ftit liema minnhom tista’ tolqotna l-aktar meta ninqabbdu f’sitwaazjoni fejn insibuha diffiċli naħfru.
1. IS-SUPERVJA – IL-KBURIJA LI TAĦKIMNA
Il-bniedem supprev issibha ferm diffiċli mhux biss li jaħfer imma wkoll li jitlob maħfra. Propju hawnhekk hija neċessarja doża qawwija ta’ umiltà. L-umiltà li tgħinek tikkonvinċi lilek innifsek li aħna lkoll ninsabu fl-istess baħar, maħkuma bl-istess djugħfija. Illum għandi bżonn naħfer u niġi maħfur jiena, għada int. “Min hu bla ħtija, jitfa’ l-ewwel ġebla …”
2. LI NŻOMMU F’QALBNA – ‘RESENTMENT’
Kemm hu ikrah u gravi li żżomm f’qalbek għal offiża li tkun saritlek. Jgħaddu s-snin u għadek thewden fuqha. Dan ifisser li għadek ma ħfirtx kompletament. Willam Shakespear jgħid: “Resentment is the monster which destroys love.” U huwa minnu. Insa’. Imxi ‘l quddiem. Ikber. Toqgħodx imkaħħal mall-imgħddi għax qatt ma tikber u timmatura.
3. IR-RABJA
Ir-rabja li nħalluha taħkimna bħala konsegwenza tal-weġgħa li nkunu sofrejna. Rabja = ‘rage’ (aktar milli korla = anger) li ttellifna l-kontroll fuq nfusna u fuq l-emozzjonijiet negattivi li faċli ninħakmu minnhom. F’dan is-sens ir-rabja ssir bħal spirtu ħażin, imniġġes li żżommok milli tkun bniedem ħieles biex tħobb billi taħfer.
4. IL-BIŻA’
Ir-raba’ kawża li tista’ timblukkana milli naħfru hija l-biża’. Insibuha bi tqila li naħfru għax nibżgħu li nerġgħu niġu nweġġgħa, nibżgħu li jgħodduna bħala ġifa, dgħajfin, nibżgħu li noħorġu bħal telliefa. Nirbħu kull biża’. “Tibżgħux huwa jien” jgħidilna dak li ħafer u baqa’ jaħfer sa minn fuq is-salib saħansitra lill-għedewwa tiegħu li kienu sallbuh. U hemm Ġesù ħareġ tassew rebbieħ.
5. NEMMNU LI MIN WEĠĠGĦANA JISTĦOQQLU KASTIG
Dan mhuwiex twemmin ħiereħ mill-Evanġelju fejn Ġesù kontinwament jinsisti li għandna naħfru u nitolbu għall-għedewwa tagħna. Minn hawn ningħarfu li aħna ta’ Ġesù, mill-imħabba ta’ bejnietna, imħabba fejn l-akbar prova tagħja hija l-maħfra dejjem u lil kulħadd. Inħallu l-kastig f’idejn Alla. Ma nieħdux post Alla. Li nfittux l-kastig b’idejna, li nieħdu gost li min weġġgħana narawh jiġi kkastigat jissejjaħ ‘revenge’ – tpattija frott il-mibgħeda. Sinjal li għadek ma fiqtx mill-weġgħat. Itlob il-fejqan u b’hekk tħossok meħlus minn kull toqol
6. TĦOSSOK LI INTI L-VITTMA
Kemm huwa gravi meta tħossok ‘vittma’. Meta inti jew jiena nkunu għadna fil-proċess fejn inħossuna vittmi ta’ azzjo ni ħażina, hi x’inhi, ifisser li għadna ma fiqnhiex. U jekk jiena għadna ma fiqtx ifisser li b’kull mod, illum jew għada, ser ikompli infittex il-vendikazzjoni kontra l-azzjoni li tkun saritli.
7. DMIR LI NAĦFRU – DRITT LI NIĠU MAĦFURA
L-aħħar tweġiba, fost id-diversi tweġibiet li jeżistu għall-mistoqsija li għamilna: GĦALIEX INSIBUHA DIFFIĊLI LI NAĦFRU, hija għaliex għadek m’intix konvint / a li kulħadd għandu d-DMIR li jaħfer filwaqt li kulħadd għandu d-DRITT li jiġi maħfur. Mis-sema l-isferl ħadd mhu perfett. Ilkoll aħna dgħajfin. Bħalma jgħid il-qawl malti: “Min ixomm taħt għamtu, kulħadd għandu xi jxomm.”
Ngħixu t-talba tal-Missierna. “Missierna, aħfrilna dnubietna, hekk kif aħna naħfru lil min hu ħati għalina.” Dan ifisser li biex Alla jaħfer lilek, inti trid bħala tagħmel l-istess: taħfer lill-oħrajn, lil kulħadd, dejjem u bla distinzjoni ta’ ħadd.
Aktar milli nitolbu bil-fomm ejjew inpoġġu fil-prattika billi ngħixu bl-akbar imħabba t-TALBA TA’ SAN FRANĠISK TA’ ASSIS
MULEJ AGĦMILNI STRUMENT TAL-PAĊI TIEGĦEK …
… FEJN HEMM IL-ĦTIJA, ĦALLINI NFERREX IL-MAĦFRA
Il-Mulej jagħtikom is-sliem!
GĦALIEX INSIBUHA DIFFIĊLI LI NAĦFRU? Waħda mit-tweġibiet għal din il-mistoqsija hija: għaliex għadek m’intix konvint / a li kulħadd għandu d-DMIR li jaħfer filwaqt li kulħadd għandu d-DRITT li jiġi maħfur. Mis-sema l-isferl ħadd mhu perfett. Ilkoll aħna dgħajfin. Bħalma jgħid il-qawl malti: “Min ixomm taħt għamtu, kulħadd għandu xi jxomm.” Għalhekk, ejjew ma nieqfu qatt naħfru lil xulxin u ninsew il-ħtijiet li sofrejna mill-oħrajn bħama nixtieq li l-oħrajn jaħfru lili.