L-iskejjel tal-Knisja jilqgħu lura l-istudenti u l-edukaturi kollha

Print Friendly, PDF & Email

Bidu tas-Sena Skolastika 2022-2023: Matul dawn il‑jiem ’il fuq minn 16,000 student u iktar minn 3,000 edukatur qed jerġgħu lura fl‑iskejjel tal‑Knisja għal sena skolastika b’tamiet imġedda. Wara sentejn u nofs ta’ miżuri imposti biex nilqgħu għall‑pandemija, il‑55 skola tal‑Knisja f’Malta u Għawdex fetħu l‑bibien tagħhom biex jilqgħu fiżikament lill‑komunitajiet tagħhom. Minn dawn, 1,973 huma studenti li qed jingħaqdu fl‑iskola tal‑Knisja, wara li ħadu sehem fil‑proċess tad‑dħul permezz tal‑kriterji u l‑poloz immexxi mis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija matul is‑sena li għaddiet.

Kelliem għas‑Segretarjat irrimarka kif il‑kollaborazzjoni bejn l‑imsieħba kollha, li dejjem jisħqu dwar l‑importanza tagħha, kienet kruċjali biex ingħelbu l‑bosta diffikultajiet li ġabet magħha l‑pandemija. Saru sagrifiċċji kbar minn studenti, ġenituri, edukaturi, mexxejja edukattivi, u kongregazzjonijiet, li flimkien ma’ għajnuniet minn diversi setturi, inkluż l‑awtoritajiet ċivili, wasslu biex tnaqqas l‑impatt negattiv mill‑pandemija fuq l‑edukazzjoni fl‑iskejjel tal‑Knisja b’mod sostanzjali.

Illum, dawn l‑imsieħba qed jirritornaw flimkien fl‑iskejjel b’tamiet ta’ normalità ġdida mogħnija b’għarfien ġdid li nkiseb matul din it‑taqbida kollettiva. Għarfien dwar dak li għandu jibqa’ l‑iktar għan importanti għall‑proċess edukattiv – dak li nikkontribwixxu fil‑formazzjoni ta’ persuni li jsibu l‑milja tagħhom b’mod ħolistiku sabiex inkunu u jkunu ta’ ġid għal xulxin.

Is‑Segretarjat jassisti lill‑iskejjel tal‑Knisja kollha f’din il‑missjoni importanti li bosta drabi tintlaħaq b’suċċess. Madankollu, bħal kulħadd, huwa ddispjaċut b’dak li ntlaqtet minnu l‑komunità tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir. Kif sar b’mod speċjali matul dawn l‑aħħar xhur, is‑Segretarjat assigura li ser ikompli jassisti, fejn meħtieġ, lil din il‑komunità partikolari b’kull mezz possibbli. Is‑Segretarjat huwa konxju li mhux dejjem jirnexxilu jilħaq l‑aspettattivi ta’ kulħadd għal diversi raġunijiet, u jħeġġeġ biex f’dawn il‑mumenti ngħarfu nkunu xhieda ta’ kif nistgħu nirrikonoxxu d‑differenzi ta’ bejnietna u xorta waħda naħdmu flimkien għal għanijiet komuni li jżommu l‑istudent fiċ‑ċentru.

Din is‑sena skolastika, flimkien mas‑setturi l‑oħra tal‑iskejjel tal‑istat u dawk indipendenti, l‑iskejjel tal‑Knisja ser ikunu qed jipparteċipaw fil‑kontinwazzjoni tal‑implimentazzjoni tar‑riforma nazzjonali marbuta mal‑qafas tal‑kisbiet mit‑tagħlim (Learning Outcomes Framework). Marbuta ma’ din ir‑riforma kurrikulari hemm ukoll bidliet fil‑mod ta’ kif jiġu evalwati l‑abbiltajiet differenti tal‑istudenti, b’kontribut dirett mill‑istess għalliema tal‑iskola, saħansitra b’ċertifikazzjoni uffiċjali. Dan mhux biss jagħraf u jsaħħaħ dejjem iktar il‑professjonalità tal‑edukaturi, iżda joffri opportunitajiet ġodda biex ma nibqgħux dipendenti b’mod esklussiv fuq l‑eżamijiet, filwaqt li nibqgħu nirrikonoxxu l‑importanza tal‑eżamijiet.

F’messaġġ lill‑istudenti u l‑edukaturi kollha, l‑Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ biex nitolbu ħafna ħalli din is‑sena jinbena r‑rispett għal xulxin u nirringrazzjaw ’l Alla li t‑tagħlim issa se jkun fil‑klassi u “allura huwa mument fejn aħna niċċelebraw il‑fatt li qegħdin preżenti għal xulxin, li kull filgħodu matul il‑ġimgħa nistgħu niltaqgħu, inkunu komunità skolastika: l‑għalliema, l‑istaff, id‑diriġenti u l‑istudenti biex nikbru bħala ċittadini tajbin u ta’ eżempju għall‑ġid ta’ kulħadd u ta’ pajjiżna”.

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: