Il-Papa: L-istituzzjonijiet edukattivi għandhom ikunu postijiet ta’ merħba, integrazzjoni għal kulħadd.

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, il-Papa Franġisku rċieva f’udjenza fil-Vatikan lill-parteċipanti fil-Konferenza tal-Università Gregorjana dwar “Inizjattivi fl-Edukazzjoni tar-Refuġjati u tal-Migranti”. Waqt li laqagħhom, il-Papa enfasizza l-konferenza bħala mument ta’ riflessjoni msejsa “fil-bżonnijiet ta’ ħutna migranti, b’attenzjoni partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ,” li esprimew ix-xewqa tagħhom li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom minkejja li ġew maqlugħin mill-għeruq tal-artijiet indiġeni tagħhom.

Il-Papa mbagħad enfasizza l-importanza tal-kontribuzzjonijiet tal-parteċipanti fi tliet oqsma li jappartjenu għall-kompetenzi tagħhom – ir-riċerka, it-tagħlim u l-promozzjoni soċjali.

Il-Papa Franġisku enfasizza l-ħtieġa ta’ aktar studji dwar l-hekk imsejjaħ “dritt li ma jemigrawx”, filwaqt li nnota li huwa mportanti li wieħed jirrifletti fuq il-kawżi tal-movimenti migratorji u fuq il-forom ta’ vjolenza li jwasslu lin-nies biex jitilqu lejn pajjiżi oħra, inkluż il-kunflitti li qed jaħkmu ħafna reġjuni fid-dinja.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika rrimarka wkoll għal tip ieħor ta’ vjolenza – l-abbuż tad-dar komuni tagħna – saħaq lid-dinja ġiet meqrud mit-tinġġis u l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi tad-dinja. Il-Qdusija Tiegħu appella lill-akkademja, u b’mod partikolari lill-akkademja Kattolika, biex ikollhom rwol biex jagħtu tweġibiet għall-isfidi ekoloġiċi għaliex huma f’pożizzjoni li jgħinu jiggwidaw u jinfurmaw id-deċiżjonijiet tal-mexxejja fil-kura tad-dar komuni tagħna.

Il-Papa Franġisku rrikonoxxa l-impenn li qed jiġu stabbiliti programmi edukattivi li jkunu ta’ benefiċċju għar-refuġjati. Huwa nnota li diġa’ sar ħafna iżda għad fadal aktar xi jsir.

Filwaqt li saħaq li għandha tingħata prijorità lil dawk l-aktar żvantaġġati, huwa ppropona li l-istituzzjonijiet jistgħu joffru korsijiet li jirrispondu għall-bżonnijiet tar-refuġjati, bħall-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ tagħlim mill-bogħod u l-għoti ta’ boroż ta’ studju biex jippermettu r-resistemazzjoni tagħhom. Huwa ssuġġerixxa wkoll li l-universitajiet ukoll, filwaqr li jużaw ir-riżorsi tan-netwerk internazzjonali tal-istituzzjonijiet akkademiċi, jistgħu jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-lawrji u l-kwalifiċi professjonali tal-migranti u r-refuġjati, kemm għall-ġid tal-migranti, kif ukoll tas-soċjetajiet li jilqgħuhom.

“L-iskejjel u l-universitajiet huma ambjenti privileġġjati mhux biss għall-istruzzjoni iżda wkoll għall-laqgħa u l-integrazzjoni”, qal il-Papa Franġisku.

Il-Papa appella wkoll biex jingħata taħriġ professjonali speċifiku lill-persunal u lill-għalliema li jaħdmu ma’ migranti u refuġjati, filwaqt li enfasizza li għandhom jiġu promossi opportunitajiet għal laqgħat sinifikanti, “biex l-għalliema u l-istudenti jkollhom l-opportunità li jisimgħu l-istejjer ta’ dawk l-irġiel u nisa li huma migranti, refuġjati, persuni spostati jew vittmi tat-traffikar”.

“L-istituzzjonijiet Kattoliċi li jgħallmu fl-ogħla grad, huma msejħa biex jedukaw lill-istudenti tagħhom stess, li għada se jkunu l-amministraturi, l-imprendituri u l-mexxejja kulturali ta’ għada, għal fehim aktar ċar tal-fenomenu tal-migrazzjoni, f’perspettiva ta’ ġustizzja, responsabbiltà globali u komunjoni fid-diversità,” qal il-Papa Franġisku.

Fil-qasam tal-promozzjoni soċjali, l-Papa jsostni l-universitajiet bħala istituzzjonijiet li jinteraġixxu mal-kuntest soċjali li fih joperaw, u jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni tal-pedamenti għall-bini ta’ soċjetà inter-kulturali li fiha “d-diversità etnika, lingwistika u reliġjuża titqies bħala sors ta’ arrikkiment u mhux ostaklu għall-futur komuni”. Jipprovdu wkoll ambjent privileġġjat biex iħeġġu liż-żgħażagħ biex jidħlu f’xogħol volontarju mar-refuġjati, dawk li jfittxu l-ażil u l-migranti vulnerabbli. 

Filwaqt li fakkar fl-appell tiegħu fil-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati biex naħdmu mal-migranti sabiex nibnu futur aħjar, il-Papa saħaq li l-istorja tgħallimna li l-kontribut tal-migranti u r-refuġjati kien fundamentali għat-tkabbir soċjali u ekonomiku tas-soċjetajiet tagħna, anke sal-lum.  Insista li “x-xogħol tagħhom, iż-żgħażagħ tagħhom, l-entużjażmu u r-rieda tagħhom li jissagrifikaw jarrikkixxu l-komunitajiet li jilqgħuhom” u din il-kontribuzzjoni tista’ tkun akbar jekk tkun ottimizzata u appoġġjata minn programmi u inizjattivi żviluppati bir-reqqa.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, l-Papa ħeġġeġ lill-parteċipanti fil-konferenza biex fil-ħidma tagħhom fl-oqsma tar-riċerka, it-tagħlim u l-promozzjoni soċjali jkunu gwidati mill-erba’ kelmiet li jiġbru t-tagħlim tal-Knisja dwar il-migranti u r-refuġjati: jilqgħu, jipproteġu, jippromwovu u jintegraw.

Saħaq li “f’kull istituzzjoni edukattiva hija msejħa biex tkun post ta’ merħba, protezzjoni, promozzjoni u integrazzjoni għal kulħadd, bl-esklużjoni ta’ ħadd”.   

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-09/pope-gregorian-university-conference-migrants-refugees.html

%d bloggers like this: