Qari tal-Ġimgħa tat-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa

Qari I

Dan hu l-patt: aħtnu kull raġel fostkom. Sara tilidlek iben.

Ġen 17, 1.9-10.15-22

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Meta Abram kellu disgħa u disgħin sena, deherlu l-Mulej u qallu: “Jien El-Xaddaj. Imxi quddiemi u kun perfett”. U Alla żied jgħid lil Abraham: “U int iżżomm il-patt tiegħi, int u nislek warajk, skont il-ġenerazzjonijiet tagħhom. Dan hu l-patt li għandkom tħarsu bejni u bejnkom, u bejni u bejn nislek warajk għal dejjem: aħtnu kull raġel fostkom”.

U Alla żied jgħid lil Abraham: “Saraj martek, ma jkunx jisimha aktar Saraj, imma Sara jkun isimha. Għax jiena nberikha u minnha wkoll nagħti lilek iben. U jien inberikha u tkun omm ta’ popli li minnha joħorġu slaten ta’ ġnus”.

U nxteħet għal wiċċu fl-art Abraham u daħak, u qal f’qalbu: “Huwa wieħed ta’ mitt sena jitweldulu t-tfal? U Sara mara ta’ disgħin sena tista’ tiled?”. U Abraham qal lil Alla: “Jalla Ismagħel ikun taħt għajnejk!”. U Alla wieġbu: “Le! Sara, martek, tilidlek iben u ssemmih Iżakk, u jien nagħmel il-patt tiegħi miegħu għal dejjem, u ma’ nislu warajh. Dwar Ismagħel, smajtek. Ara, jiena nbierku, inkattru u nkabbru ħafna ħafna. Ikun il-missier ta’ tnax-il prinċep; u nagħmel minnu ġens kbir. Imma l-patt tiegħi nagħmlu ma’ Iżakk, li għad tilidlek Sara bħal dan iż-żmien sena oħra”.

U Alla temm jitkellem miegħu, u tala’ minn quddiem Abraham.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 127 (128), 1-2.3.4-5

R/. (4): Ara, kif ikun imbierek il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta’ darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek. R/.

Ara, kif ikun imbierek

il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm

tul ħajtek kollha! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 8, 17

Hallelujah. R/. Hallelujah

Kristu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,

u tgħabba bil-mard tagħna.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Jekk trid, tista’ tfejjaqni.

Mt 8, 1-4

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Kif Ġesù niżel minn fuq il-muntanja, folol kbar marru warajh. U resaq fuqu wieħed lebbruż, inxteħet quddiemu u qallu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid; kun imfejjaq!”. U minnufih ġismu ndaf mil-lebbra. U qallu Ġesù: “Qis li ma tgħid lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta li ordna Mosè, biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: