Qari tal-Erbgħa tat-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa

Qari I

Ma għandux bin din il-qaddejja jaqsam il-wirt ma’ ibni Iżakk.

Ġen 21, 5.8-20

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Abraham kellu mitt sena meta twelidlu ibnu Iżakk. U t-tarbija kibret, u nfatmet. U Abraham għamel ikla kbira f’jum il-ftim ta’ Iżakk. U Sara lemħet lil bin Ħagar, l-Eġizzjana, dak li kienet wildet lil Abraham, jilgħab ma’ Iżakk binha. U qalet lil Abraham: “Keċċihom ’il barra, lil din il-qaddejja u ’l binha. Għax ma għandux bin din il-qaddejja jaqsam il-wirt ma’ ibni Iżakk”. U din il-ħaġa ma għoġbot xejn lil Abraham minħabba ibnu. U Alla qal lil Abraham: “La tinkwetax għaż-żagħżugħ u għall-qaddejja; kulma qaltlek Sara, isma’ minn kliemha, għax b’Iżakk jissemma nislek. U bin il-qaddejja wkoll, nagħmel minnu ġens, għax hu nislek”.

U Abraham bakkar filgħodu, qabad il-ħobż u żaqq ilma, u tahom lil Ħagar, qegħedhomlha fuq spallejha, u bagħatha bit-tifel magħha. U telqet tiġġerra fid-deżert ta’ Birsaba. Meta ntemm l-ilma taż-żaqq telqet it-tifel taħt waħda mis-siġar, u marret toqgħod biswitu daqs tefgħa ta’ qaws ’il bogħod, għax qalet: “Ma rridx narah imut!”. U kif kienet bilqiegħda biswitu, għolliet leħenha u bkiet.

U Alla sama’ leħen it-tifel, u l-anġlu ta’ Alla sejjaħ lil Ħagar mis-sema, u qalilha: “X’għandek Ħagar? La tibżax. Alla sama’ leħen it-tifel, minn fejn hu qiegħed. Qum. Aqbad it-tifel, u agħmel il-qalb bih, għax jien sa nagħmlu ġens kbir”. Imbagħad Alla fetħilha għajnejha u rat bir ilma. U marret u mliet iż-żaqq bl-ilma u sqiet it-tifel. U Alla kien maż-żagħżugħ, u dan kiber, u kien jgħammar fid-deżert, u kien jinqala’ għall-qaws.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 33 (34), 7-8.10-11.12-13

R/. (ara 7a): Isma’ Mulej l-għajta tal-fqajjar

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom. R/.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu;

xejn ma jonqsu min jibża’ minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ;

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu. R/.

Ejjew uliedi, isimgħu lili;

jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,

u jixtieq jara għomru kollu riżq? R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġak 1, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah

Għax ried hu, il-Missier wilidna bil-kelma tal-verità,

biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?

Mt 8, 28-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù wasal ix-xatt l-ieħor, fil-pajjiż tal-Gadarin, u tnejn min-nies, maħkumin mix-xitan, ħarġu mill-oqbra u resqu fuqu. Kienu qliel wisq; ħadd ma kien jista’ jgħaddi bihom minn dik it-triq. U nfexxew jgħajtu u jgħidu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?”. Mela ftit ’il bogħod minnhom kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer tirgħa. U x-xjaten talbu ħafna lil Ġesù u qalulu: “Jekk toħroġna, ibgħatna fil-merħla tal-ħnieżer”. “Morru!” qalilhom. Imbagħad ħarġu, u daħlu fil-ħnieżer, u l-merħla kollha nxteħtet mill-għoli tax-xaqliba għal ġol-baħar u nqerdet fl-ilma. Ir-rgħajja ħarbu u marru l-belt ixerrdu l-aħbar ta’ kollox u ta’ kulma kien għadda minn għala l-imxajtna. U l-belt ħarġet bi ħġarha għal ħdejn Ġesù u kif rawh, bdew jitolbuh ħafna biex jibqa’ sejjer ’il barra minn pajjiżhom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: