Qari tat-Tlieta tat-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta

Qari I
Il-Mulej bagħat ix-xita fuq Sodoma u Gomorra, xita ta’ kubrit u nar.
Ġen 19, 15-29

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, malli beda jisbaħ, l-anġli bdew jgħaġġlu lil Lot u jgħidulu: “Qum, aqbad lil martek u ż-żewġt ibniet tiegħek, li hawn miegħek, li ma tinqeridx fil-kastig tal-belt ta’ Sodoma”. Lot beda jitnikker; imma dawk l-irġiel qabduh minn idu, lilu, lil martu u ż-żewġt ibniet tiegħu, minħabba l-ħniena tal-Mulej għalih; u ħarġuh, u wassluh ’il barra mill-belt.

U malli ħarġuhom ’il barra qalulhom: “Aħrab, għax hemm ħajtek fin-nofs. La tħarisx warajk u anqas tieqaf imkien f’dawn l-inħawi. Aħrab lejn l-għoljiet li ma tinqeridx”. U Lot qalilhom: “Le, Sidi! Ara, s’issa sab ħniena f’għajnejk il-qaddej tiegħek, u kbira l-ħniena li wrejt miegħi biex salvajtli ħajti. Imma jiena ma nistax naħrab lejn l-għoljiet bla ma tilħaqni l-ħsara u mmut. Ara, hawn din il-belt fil-qrib, ħa nistkenn hemm, belt żgħira hi. Ħalli naħrab u nistkenn hemm – mhix belt żgħira? – u nsalva ħajti”. U wieġbu: “Ara jien se naqtagħlek xewqtek f’din il-ħaġa wkoll; m’iniex se neqred il-belt li għedtli. Fittex aħrab hemmhekk, għax ma nista’ nagħmel xejn qabel ma tasal hemm”. Għalhekk semmew dik il-belt Sogħar.

U x-xemx kienet tielgħa fuq l-art, meta Lot wasal Sogħar. U l-Mulej bagħat ix-xita fuq Sodoma u Gomorra, xita ta’ kubrit u nar mis-smewwiet mingħand il-Mulej. U qered dawk l-ibliet u l-inħawi kollha ta’ madwarhom, u ’l kull min kien jgħammar fihom, u l-ħdura kollha tal-art. U l-mara ta’ Lot ħarset lura, minn warajh, u saret plier tal-melħ.

U Abraham qam filgħodu kmieni u rħielha lejn il-post fejn kien qagħad quddiem il-Mulej. U ħares lejn Sodoma u Gomorra, u fuq l-art kollha ta’ madwarhom, u ra li kien tiela’ duħħan mill-art, bħad-duħħan ta’ forn.

Meta Alla qered l-ibliet tal-wita, Alla ftakar f’Abraham u ħareġ lil Lot minn nofs il-qerda, meta qered l-ibliet, li fihom kien jgħammar Lot.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 25 (26), 2-3.9-10.11-12

R/. (3a): Tjubitek, Mulej, hi quddiem għajnejja

Ġarrabni, Mulej, u għarbilni,
iflili moħħi u qalbi.
Tjubitek quddiem għajnejja,
imxejt skont is-sewwa tiegħek. R/.

Tgħoddnix man-nies midinba,
anqas ma’ min ixerred id-dmija;
dawk li għandhom f’idejhom il-ħażen,
u f’leminthom rigali qarrieqa. R/.

Iżda jien nimxi bla ħtija;
eħlisni int, u ħenn għalija.
Jien b’riġli wieqaf fil-wita;
fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 129 (130), 5

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.

R/. Hallelujah

Evanġelju
Qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira.
Mt 8, 23-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù tala’ fuq dgħajsa, u d-dixxipli marru warajh. U qamet taqliba kbira fuq il-baħar, hekk li l-mewġ beda jgħatti d-dgħajsa; iżda hu kien rieqed. Id-dixxipli resqu fuqu, qajmuh u qalulu: “Salvana, Mulej! Se nintilfu!”. U qalilhom: “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?”. Imbagħad qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira. Dawk stagħġbu, u bdew jgħidu: “Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading